Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta’ nies b’diżabilità li gawdew minn xi skema ta’ tnaqqis fit-taxxa, rifużjoni fit-taxxa u/jew VAT, eċċ.?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1998 u Ottubru 2017 kien hemm 6,382 persuna b’ dizabilita li gawdew minn għajnuna bħal ezenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazjoni fuq vetturi bil-mutur, jew mill-ħlas tal-liċenzja ta’ ċirkolazjoni fuq vetturi, jew fuq dazju fuq vetturi jew VAT fuq modifiki jew xiri ta’ vetturi.
Skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozza
Question
Jista’ l-Ministru jagħti statistika ta’ kemm kienu dawk in-nies li ggwadanjaw mill-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozza tagħhom meta ġew lura Malta?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-iskema ila fis-seħħ mill-2009 u sa l-aħħar ta’ Ottubru 2017 kien hemm 1,533 li ggwadanjaw.
Malta Institute of Accountants — Accountancy Board – investigazzjoni ta’ individwi
Question
Wara l-aħbar li ż-żewġ persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament rriżenjaw mill-Malta Institute of Accountants (MIA) flok komplew jiġu investigati u possibilment imkeċċija minn dan l-organu prestiġġjuż minħabba l-involviment tagħhom f’Panama Papers, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Accountancy Board hux qed jinvestiga l-istess każ u jekk għamel dan x’kien l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni, jekk il-persuni indikati tneħħilhomx il-warrant, u f’każ li l-Accountancy Board għadu ma ħa l-ebda passi, iħossx il-Ministru li l-Bord għandu jagħmel dan?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Bord tal-Accountancy li ladarba l-imsemmi kaz bħalissa huwa s-suġġett ta' inkjesta/i Maġisterjali, ikun prudenti u sensibbli ai termini tal-liġi Maltija li l-Bord tal-Accountancy jistenna l-konkluzjoni tal-inkjesta/i Maġisterjali qabel ma jinvestiga l-kaz. Dan a skans tal-preġudizzju tal-validità ta’ xi proċeduri li jistgħu eventwalment jittieħdu.
F'dan ir-rigward, il-Bord tal-Accountancy għandu d-dmir li ji¿gura li d-drittijiet kostituzzjonali tal-persuni involuti ma jinkisru bl-ebda mod. Ukoll is-subartikolu (5) tal-Artikolu 7A tal-Att dwar l-Accountancy jistipula li s-setgħat supervizorji u investigatorji tal-Bord għandhom jiġu ezerċitati b’konformità sħiħa mal-liġi Maltija, u b’mod partikolari, mal-prinċipji tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt ta’ difiza.
Jiena infurmat ukoll li huwa importanti li l-inkjesta/i Maġisterjali li għaddejjin bħalissa ma jiġu bl-ebda mod stultifikati sabiex jiġi zgurat li ma jkunx hemm il-possibiltà ta’ ostruzzjoni tal-ġustizzja. F’dan il-kaz il-Bord ukoll qed jimxi fuq il-prassi deċiza f’kazijiet preċedenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 64 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm sitt ħaddiema li għandhom kuntratt definit, persuna fil-Financial Intelligence Analysis Unit u ħames persuni fin-National Statistics Office.
Ministeru għall-Finanzi – ħaddiema li ħadu promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 49 u jagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kienx hemm promozzjonijiet fil-perjodi msemmija.
Peress li għadha kemm ġiet ippubblikata stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO - 169/2017) li tindika s-suċċessi finanzjarji tal-pajjiż fl-aħħar erba’ snin u fost oħrajn, tindika li dak li kapaċi jipproduċi l-pajjiż, il-Prodott Gross Domestiku (PGD) jew kif nissimplifikawha bħala l-“kejk nazzjonali”, mill-2013 sal-2016 żdiedet b’xejn inqas minn €2.3 biljun, jista’ l-Ministru jindika l-fatturi ewlenin għal dan is-suċċess u x’inhu ppjanat biex inkomplu nipproduċu aktar fis-snin li ġejjin? Jista’ jispjega kif l-istess stqarrija tal-NSO tindika li d-dejn nazzjonali kompla jiżdied u x’qed isir biex tinbidel kompletament ir-rotta hawn ukoll?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Dan il-Gvern niedha u implementa strateġija ħolistika sabiex jikber il-potenzjal tal-ekonomija Maltija u l-kapaċità li tipproduċi. L-istrateġija bdiet tiġi mplimentata permezz tal-Baġits, fejn f’kull baġit ifukkajna sabiex l-ewwel noħolqu l-ġid imbagħad naraw li kulħadd qed igawdi minn dan il-ġid li jkun inħoloq.
Fl-ewwel baġits (2014 u 2015) rajna li jsiru riformi strutturali bħal riforma fl-enerġija li wasslet għal traħħis fil-kontijiet tad-dwal u l-ilma għal familji u negozji kollha, kif ukoll mi¿uri li joħolqu xogħol u jiddiskoraġixxu d-dependenzi li m’humiex neċessarji u mi¿uri fejn in-nies ikun jaqblilhom li joħorġu jaħdmu. Nsemmu fost oħrajn, id-diversi tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul għal kull komputazzjoni, iċ-ċentri tac-child care b’xejn, il-fond tal-maternity leave, it-tapering tal-benefiċċji, l-in-work benefits u l-inċentivi fiskali kemm għall-impjegati bħal tax credits għan-nisa li jerġu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u anke għal SMEs.
Dawn ħallew riżultati pożittivi ferm, hekk kif l-impjiegi bdew jikbru b’rata robusta filwaqt li l-qgħad niżel għal livell rekord baxx. Dan wassal sabiex jiżdied il-konsum privat u b’hekk ikompli jiġi ġenerat aktar xogħol u aktar ġid. Dawn il-miżuri kollha waslu sabiex ikollna tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross li huwa ferm aħjar mill-medja Ewropeja u li hu saħansitra fost l-aqwa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja u ż-Żona Ewro.
Fil-baġits tal-2016 u tal-2017 rajna li l-ġid jitqassam bejn kulħadd u indirizzajna sew il-faxxex ta’ nies li jistgħu jaqgħu f’riskju ta’ faqar jiġifieri nies qegħda, nies bi dħul baxx, pensjonanti u nies b’mard terminali jew b’diżabbilità. B’riżultat ta’ dawn il-baġits ir-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar u numru ta’ nies li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, naqsu sew.
Fil-baġit għas-sena 2018 li għadni kif ppreżentajt f’din il-kamra, ħa nkunu qed nindirrizaw l-isfidi ewlenin fis-settur ta’ transport u l-infrastruttura. Dan sabiex pajjiżna jkollu infrastruttura li tixraq il-livell ogħla tat-tkabbir ekonomiku li qed jiġi ġġenerat, filwaqt li jiġu indirrizati dawk l-isfidi li qed ixekklu l-pajjiż milli jkompli jikber u javvanza. Barra minn hekk, ħa nkomplu ninvestu fis-setturi tal-industrija bħal manifattura u l-farmaċewtika u tas-servizzi bħas-servizzi finanzjarji u t-turi¿mu. Dan kollu mistenni jwassal biex nipproduċu aktar fis-snin li ġejjien.
Id-dejn nazzjonali qed jidher b’mod assolut fl-istqarrija tal-NSO li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Dan mhuwiex il-metodu li bih l-Unjoni Ewropeja u l-istituzzjonijiet internazzjonali oħra jkejlu d-dejn però u nispjega għaliex. Din ġejja minn dak li jissejjaħ is-stock flow adjustments li fih jinkludi s-self li jkun sar mit-teżor għax jistenna li sa jagħlaq is-sena b’ammont iżda l-ammont attwali f’dik is-sena jkun ferm iżgħar u għalhekk jispiċċa bi flus iktar milli jkun uża u dawn ma jistgħux ovjament jerġgħu jittieħdu lura. Minħabba f’hekk jidhru bħala żieda fid-dejn iżda fil-verità mhux qed jiġu wżati.
Il-metodu li huwa maqbul mill-Unjoni Ewropeja u huwa korrett huwa d-dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross li l-istess stqarrija turi li niżel minn 68.4 fil-mija f’2013 għal 57.6 fil-mija f’2016. Dan il-Gvern irnexxielu jnaqqas id-dejn għax beda jindirizza d-defiċits li tħallew minn Gvern preċedenti u rnexxielu jdawwarhom f’surplus għall-ewwel darba f’35 sena. Infatti mid-defiċit ta’ 3.6 fil-mija f’2012 morna għal surplus ta’ 1.0 fil-mija f’2016. Dan kollu ksibnih għax ħdimna bilgħaqal u rajna kif ħa n¿idu d-dħul filwaqt li nżommu taħt kontroll l-infiq, sabiex b’hekk iż-żieda fid-dħul tkun akbar miż-żieda fl-infiq.
Jista ' l-Ministru jgħid kemm-il kampanja propagandistika ta' #First4 swiet mit-taxxi tagħna? Jista' jgħid jekk jaqbilx li t-taxxi tagħna jintużaw biex jiffinanzjaw din il-kampanja propagandistika u partiġjana? Jekk jaqbel, jista' jgħid kemm se jiġu allokati fondi lill-partiti politiċi l-oħra kollha sabiex jiġi żgurat li f'pajjiżna jkollna level playing field politiku?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li level playing field teżisti għaliex kull gvern f’kull liġislatura fl-aħħar snin, inkluż gvernijiet Nazzjonalisti, kull sena ħadu ħsieb li jagħmlu kampanji simili għal dik li semma’ l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu biex ifiehmu l-ħidma li jkunu wettqu matul is-sena li tkun għadha kif għaddiet. Għalhekk l-akkużi kollha fil-mistoqsija tal-Onor. Interpellant huma bla bażi u ma jreġġux.
Ministeru għall-Finanzi — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8 u jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid minn April 2016 sa meta qed issir din il-mistoqsija, kemm daħlu każijiet quddiem l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, u kemm minnhom ġew deċizi fit-terminu ta’ 90 ġurnata dekorribli mid-data meta jkun sar il-każ mal-arbitru? Kemm mill-każijiet li daħlu s’issa quddiem l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji kienu jirrelataw għal kwistjonijiet li qamu wara April 2016? Kemm kienu jirrelataw għall-kwistjonijiet qabel April 2016? Kien hemm xi deċizjonijiet fejn l-award tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji kienet tissupera l-€250,000? Jekk kien hemm minn dawn id-deċizjonijiet, liema kienu u f’kull każ kemm kien l-award li ngħata?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji rċieva 564 ilment sal-aħħar tas-sena 2016. Minn dawn, ftit aktar minn 80 fil-mija inġabru f’każ wieħed peress li l-mertu huwa identiku. Aktar tagħrif dwar l-ilmenti li daħlu u ġew proċessati fis-sena 2016 jinsab fir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju għall-perjodu April sa Diċembru 2016 intavolat mill-Ministru tal-Finanzi fit-2 ta’ Ottubru 2017.
Bejn Jannar u Settembru 2017, daħlu 135 ilment. Sal-aħħar ta’ Settembru 2017, l-Arbitru iddeċieda 49 każ.
Skont l-Att XVI tal-2016, it-terminu ta’ 90 ġurnata mhuwiex definittiv fis-sens li f’każi ta’ ċertu komplessitá, l-Arbitru jista’ jdum sa sena biex jagħti d-deċiżżjoni u f’każ li dan il-perjodu mhux bizzejjed, tali sentenza tibqa’ valida. L-Arbitru beda jisma’ l-ilmenti fl-aħħar ta’ Settembru 2016 u kull każ irid jieħu ż-żmien tiegħu peress li l-ewwel fażi hija l-medjazzjoni li normalment tieħu ftit ġimgħat skont il-komplessitá tal-każ. Wara, l-każ jgħaddi għand l-Arbitru li jrid jisma’ kemm lill-ilmentatur u anke lill-provditur tas-servizz, u jagħti ċans lill-partijiet jagħmlu n-noti ta’ sottomissjonijiet tagħhom. Dan il-proċess bilfors jaqbeż id-90 jum minn meta jkun daħal l-ilment. Il-maġġoranza assoluta tal-każijiet li ġew quddiem l-Arbitru kienu ta’ natura kumplessa. Sal-aħħar ta’ Settembru 2017, l-Arbitru iddeċieda 49 każ. Wieħed biss inqata fit-terminu ta’ 90 ġurnata dekorribli mid-data meta jkun daħal il-każ. L-Arbitru semgħa l-każijiet kollha li daħlu fis-sena 2016 u anke ta deċizzjonijiet ta’ każi li daħlu fl-2017.
Fir-rigward tal-ilmenti li daħlu minn April sa Diċembru 2016, 42 każ kienu jirrelataw kwistjonijiet li qamu wara April 2016.
Fir-rigward ta’ ilmenti li daħlu minn Jannar sa Settembru 2017, 42 każ kienu jirrelataw kwistjonijiet li qamu wara April 2016.
Fir-rigward tal-ilmenti li daħlu minn April sa Diċembru 2016, 522 każ kienu jirrelataw kwistjonijiet li qamu qabel April 2016.
Fir-rigward ta’ ilmenti li daħlu minn Jannar sa Settembru 2017, 93 każ kienu jirrelataw kwistjonijiet li qamu qabel April 2016.
Ma kien hemm ebda award li ssupera l-€250,000.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tat-Taxxi Interni hux qed jinvestiga l-provenjenza tal-fondi li bihom l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament seta’ jibni blokka appartamenti fir-Rabat minkejja li kellha biss salarju ta’ xogħol mill-Gvern u speċjalment meta wieħed iqis li għal dan il-proġett huwa ma ħa l-ebda self bankarju?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien bħala Ministru għall-Finanzi mhux se nidħol fuq ħidmiet il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u/jew kull investigazzjoni li dan jidhirlu li għandu jagħmel b'mod xieraq.
Persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,000, l-€20,000, it-€30,000, l-€40,000
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella biċ-ċifri separati ta’ persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l- €10,000, l-€20,000, it-€30,000 u l-€40,000? Ma’ dan, jista’ jinkludi wkoll l-ammont ta’ dawk li jdaħħlu aktar minn €40,000 fis-sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Finanzi — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
kumpaniji reġistrati f'Malta mal-MFSA li għandhom azzjonisti ta' nazzjonalità li mhijiex Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn kumpaniji reġistrati f’Malta (mal-MFSA) li għandhom azzjonisti ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija u jaqsam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-istoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika data speċifika meta ser jidħlu fis-seħħ l-inċentivi fiskali għall-Prospects li ssemmew fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2017?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar abbozz ta Avviz Legal msejjaħ "Risk Investment Scheme Rules" li l-għan tiegħu hu li jimplimenta l-imsemmija inċentivi fiskali.
Dan l-Abbozz ġie diskuss bejn id-diversi partijiet konċernati (il-Malta Stock Exchange, il-MIMCOL, il-Ministeru għall-Finanzi u d-Dipartiment tat-Taxxi Interni), u jonqsu biss li jiġi reviewed mill-iSAMB (State Aid Monitoring Board).
Il-pubblikazzjoni tiegħu ghandha ssir fil-ġimgħat li ġejjin; madankollu dan jiddependi mill-approvazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu meħtieġa.
Peress li aktar minn ħames xhur ilu l-kienet tħabbret miżura dwar inċentiv għat-trasferiment tan-negozju mill-ġenituri lill-ulied, jista’ l-Ministru jgħid meta biħsiebu jippubblika d-dettalji ta’ din il-miżura?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviż Legali Numru 131/17, li ġie ppublikat fit-2 ta Mejju 2017, jirreferi għall-mistoqsija tiegħu.