Ministeru għal Għawdex — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku (Sezzjoni Kultura) sellef is-sala tas-Sentinella fiċ-Ċittadella fl-2019 għall-attività Light It Blue b’riżq aktar għarfien dwar l-awtiżmu, waqt li l-Gozo Channel tat id-donazzjoni ta’ €10,000 fl-2018 u l-2019. Ta’ min jirrimarka li dawn il-fondi kienu indirizzati lil għaqdiet li jaħdmu ma’ pazjenti tal-kanċer bħala parti mill-kampanja ta’ Marigold, mhux għall-fondazzjoni nnifisha.
Ministeru għal Għawdex – xiri ta’ coaches li jaħdmu bl-elettriku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il coach li taħdem bl-elettriku nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid meta dawn il-coaches waslu Għawdex u fejn qed jinżammu fil-preżent? Jista' jgħid kemm ġew jiswew dawn il-coaches? Jista' jagħti raġuni għaliex dawn mhux qed jintużaw? Jista' jagħti data meta ser jibdew jintużaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex xtara sitt coaches u dawn qegħdin jinżammu fi propjetà tal-Ministeru stess.
L-isem tat-tender li permezz tiegħu saret ix-xirja huwa: “Delivery and Commissioning of Six (6) Fully Electric Powered for the Ministry for Gozo including energy efficient monitors” u dan l-istess tender ġie ippublikat fil-25 ta’ Novembru 2018 u l-kuntratt għal dawn il-buses ġie iffirmat fit-8 ta’ April 2019.
Il-coaches waslu Għawdex f’nofs Ġunju ta’ din is-sena u ġew jiswew is-somma ta’ € 1,690,344.64, liema somma hija ġejja minn fondi Ewropej.
Filwaqt li l-iskop oriġinali u ewlieni hu li l-coaches jibdew jintużaw hekk kif jitlesta l-Park and Ride Facility li hemm ippjanat għal ta’ Xħajma sabiex jiġi offrut servizz ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, preżentament il-Ministeru ghal Għawdex qed jikkordina mal-Ministeru tat-Trasport sabiex possibilment jibda’ jingħata servizz ta’ trasport lill- istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr.
Ministeru għal Għawdex — sponsorships/grants mogħtija
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-isponsorships/grants kollha li ngħataw minn xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu sena b’sena, mis-sena 2015 ‘il hawn u għal kull sponsorship/grant jgħid kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju, x’kien il-proġett/inizzjattiva u meta ngħatat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex dan it-tagħrif jinġabar.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender (Framework agreement for the provision of general road works including the laying of asphalt to the Ministry for Gozo) (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 6/2020) li ġiet awarded fis-27 ta' Marzu 2020 u jgħid sal-lum x'tip ta’ xogħlijiet saru, meta saru, u f’liema toroq u lokalitajiet saru dawn ix-xogħlijiet permezz ta' din it-tender ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar xogħol fuq parti minn Triq Enrico Mizzi ġewwa l-Belt Victoria. Ix-xogħol sar f’Lulju li għadda u nkorpora xogħol ta’ road-build-up u resurfacing.
Ministeru għal Għawdex – Wild Birds Regulation Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Dipartiment/Direttorat ġewwa l-Ministeru għal-Għawdex taqa’ s-sezzjoni tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid fejn jinsabu l-uffiċini ta’ din is-sezzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) taqa’ dirett taħt l-uffiċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru t’Għawdex. Id-WBRU għandha żewġ uffiċini, wieħed Santa Venera u l-ieħor ir-Rabat, Għawdex.
Ministeru għal Għawdex – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għal Għawdex u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-PQ 11393 li għamel hu stess f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Hekk kif tinġabar l-informazzjoni ulterjuri mitluba minnu, din tkun tista’ tingħata wkoll.
Għawdex – Triq li twassal għal bajja ta’ Daħlet Qorrot – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol fit-triq li twassal għal Bajja ta’ Daħlet Qorrot f’Għawdex u preċiżament f’dik il-parti tat-triq fejn qed iċedi? Jista’ jara li dan ix-xogħol isir qabel jiġri xi inċident li jkollu konsegwenzi serji? Jista’ jgħid ukoll mill-aħħar mistoqsijiet li saru diversi xhur ilu dwar din it-triq sal-lum x’sar mill-Ministeru tiegħu biex din il-problema tiġi indirizzata qabel ikun tard?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jieħu ħsieb li din it-triq issir.
Jista’ l-Ministru jagħti break down dettaljat ta’ kemm kienet in-nefqa totali, xi tħallas s’issa u min kienu l-benefiċjarji ta' dan il-ħlas għal White Flags għal bajjiet ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid min approva dawn il-ħlasijiet u f’liema xahar u sena ġew approvati, u jekk għadx fadal kontijiet pendenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa relatata kienet €20,000 u tħallset is-somma kollha lil GUWAA (Global Underwater Awareness Association). M’għadx hemm ħlasijiet pendenti.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema tad-drenaġġ jew ilma maħmuġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Jista' jispjega wkoll meta din l-istess triq ser titnaddaf mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex informa lill-awtoritajiet konċernati li min-naħa tagħhom qegħdin jagħmlu t-testijiet neċessarji sabiex jiġi identifikat s-sors.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm First Aiders kwalifikati fil-Ministeru u fid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għal Għawdex hemm 127 -il uffiċjal li huma kwalifikati bħala First Aiders. Fir-rigward tal-Gozo Channel Operations Ltd., hemm 134 first aiders.
Jista' l-Ministru jgħid l-istadju li fih waslu x-xogħlijiet fuq it-tieni fibre-optic cable bejn Malta u Għawdex u meta hu maħsub li dan se jibda jiffunzjona?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fibre-Optic Cable tlesta u ġie ttestjat li jaħdem tajjeb minn tarf sa tarf. Bħalissa għaddej il-proċess biex dan jgħaddi uffiċjalment għand il-Malta Enterprise.
Riċentement, ġie ppreżentat l-aħħar abbozz ta’ ftehim kummerċjali dwar l-użu tal-cable lill-operaturi u t-taħdidiet dwaru jinsabu fi stadju avanzat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħdux jew hux ser jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront taċ-chairperson tal-kumpanija Gozo Channel rigward ta' kummenti xejn sbieħ li għadda fuq l-internet dwar attivist favur immigranti irregolari fil-bidu ta' Ġunju 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-apoloġija pubblika li għamel l-istess Chairman tal-Gozo Channel immedjatament wara l-kummenti li jien kont mal-ewwel iddikjarajt pubblikament li ma naqbilx magħhom.
Trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex – proġett tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tal-Gvern li jintroduċi trasport bl-ajru fuq ir-rotta bejn Malta u Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern jibqa’ impenjat li jkollna konnettivita’ bejn iż-żewġ gżejjer, b’rispett sħiħ lejn l-ambjent u kif ukoll lejn is-sostennibilta’ fit-tul tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jerġa’ jdaħħal servizz ta' vapur tal-cargo bejn Għawdex u ż-żona tal-Belt Valletta? Jista' jgħid ukoll sarux studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali fuq Għawdex rigward il-perjodu li fih ma baqax jitħaddem dan is-servizz?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern qed jieħu nkonsiderazzjoni l-interessi tal-istakeholders kollha.
Ir-Rabat Għawdex – Triq l-Imgħallem – bini ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15290 kollha kemm hi u ċjoè: B'referenza għax-xogħol li xi darba għandu jsir fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imgħallem ġewwa r-Rabat Għawdex fejn ta' kuljum jgħaddu mijiet ta' karozzi u trakkijiet minn din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid:
a. jekk hux ser isiru
walk through culverts
biex is-servizzi jgħaddu minn ġo fihom u b’hekk qatt ma jkun hemm bżonn li terġa’ tinqala’ din it-triq arterjali; u
b. jekk hux ser jintuża asfalt apposta fuq din it-triq minħabba l-skid resistance?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 15290.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-konsulenti kollha ingaġġati mill-Ministeru/entitajiet/awtoritajiet u aġenziji tiegħu minn Ġunju 2017 sal-lum u għal kull konsulent jgħid kif kien ingaġġat u x’inhuma t-termini tal-ħlas/benefiċċji tiegħu/tagħha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm passiġġieri u vetturi użaw il-vapuri tal-Gozo Channel fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju u Ġunju 2019 u fl-istess xhur fis-sena kurrenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li bir-restrizzjonijiet imħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba l-imxija tal-COVID 19, in-numru ta’ passiġġiera u vetturi naqsu f’dawn l-aħħar xhur. Il-figuri huma kummerċjalment sensittivi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-servizz tal-ambulanza tal-annimali f'Għawdex twaqqaf matul il-weekends? Jista' jgħid minn meta twaqqaf? Jista' jgħid ukoll min ħa din id-deċiżjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz huwa eżatt bħas-snin ta' qabel u ma kien hemm l-ebda tibdil. Madanakollu, fil-jiem li ġejjin ser inżidu servizz għall-ġimgħa kollha fuq bażi ta' 24/7 service