Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każijiet ġodda ta’ persuni bid-Dijabete Type 2

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ġodda tad-Dijabete Type 2, sena b’sena, bejn l-2008 u l-2018? X’kienet l-età ta’ dawn il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika n-numru ta’ pazjenti li rrinunzjaw il-karta r-roża u applikaw għal karta s-safra mill-ġdid u li jsofru mill-kundizzjoni tad-Dijabete tat-tip 2. Ninfurmaha ukoll li qabel l-2012 l-pazjenti bid-dijabete tat-Tip 2 kollha kellhom l-karta r-roża u ma kienx hemm distinzjoni minn dawk li kellhom id-dijabete tat-Tip 1 għal dawk tat-Tip 2. Sena Numru ta' pazjenti li applikaw għal SCH V mill-ġdid li jbatu mid-dijabete tat-tip 2. L-età tvarja minn 2012 7,399 10 sa 99 2013 4,131 17 sa 99 2014 3,727 10 sa 99 2015 3,691 12 sa 97 2016 4,140 13 sa 97 2017 4,765 21 sa 98 2018 5,866 13 sa 96

Birkirkara – Triq Ħal Qormi – plot

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11405 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrasturttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jittella’ ħajt madwar il-plot mhux żviluppata fi Triq Ħal Qormi, Birkirkara, biswit id-dar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li fost l-oħrajn qed ikun hemm, ammont konsiderevoli ta' siringi, flimkien ma’ skart u ġrieden kbar, biex jinqatgħu dawn l-abbużi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali fit-triq indikata fejn tinsab eżattament il-plot imsemmija jiġifieri bejn in-numri 86 u 74. Din il-plot hija mdawwra b’ħajt ta’ bejn ħames u sitt filati u għalkemm din il-plot hija kbira u mimlija siġar u pjanti li kibru b’mod konsiderevoli iżda fiha ma nstab l-ebda akkumulu ta’ skart. Ġew innutati biss xi affarijiet żgħar magħmula mill-plastik u li m’humiex tali li jistgħu jikkawżaw riskju għas-saħħa. Id-Direttorat għas-saħħa Ambjentali fis-snin li għaddew rċieva ħames ilmenti rigward l-istess plot iżda peress li l-ilmenti qatt ma ġew ikkonfermati ma kienet ittieħdet ebda azzjoni fir-rigward. Bħala prekawzjoni fiż-żona indikata fis-16 t’Ottubru, 2019 sar trattament għal kontra l-ġrieden minn ħaddiema fit-Taqsima tal-Pest Control.

Policy dwar l-ilmenti tal-klijenti/pazjenti li jbatu min-nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ ilmenti rigward is-servizzi tas-saħħa mentali f’dawn l-aħħar tliet snin, sena b’sena? Hemm policy li tirrigwardja kif il-klijenti (jew il-qraba tagħhom) jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptar Monte Carmeli fl-2017 kien hemm 50 ilment, fl-2018 36 u minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm 19. Dawn l-ilmenti kienu jvarjaw minn talbiet sabiex ikun hemm bidla fil-Konsulent, talbiet biex ikun hemm bidla fl-ordni tat-trattament kif ukoll għal-leave li jingħataw lill-pazjenti mill-konsulent rispettiv tagħhom eċċ. Persuna tista’ tressaq l-ilment tagħha billi iżżur l-uffiċċju tal- Customer Care fl-istess sptar, jinġabru formoli mill-istess msemmi uffiċċju kif ukoll mis-swali, units u l-postijiet kollha fejn jiġu provuti s-servizz tas-Saħħa Mentali, billi tintbagħat email jew billi iċemplu l-uffiċċju tal-Customer Care innifsu. Dwar in-numru ta’ ilmenti li saru lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali f’dawn l-aħħar tliet snin, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10350 li ngħatat fis-seduta 234 ta’ l-10 ta’ Ġunju 2019. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jaċċetta talbiet għall-assistenza u/jew informazzjoni anki b’mod telefoniku, iżda lment formali jrid jsir jew permezz ta’ ittra iffirmata jew permezz ta’ email li tidentifika lil min qed jagħmel l-ilment.

Programm favur is-Saħħa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10924, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jindika f’liema lokalitajiet sejrin jiġu organizzati attivitajiet ta’ Programmi favur is-Saħħa matul is-sitt xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Il-lokalitajiet li dwarhom staqsa l-Onor. Interpellant huma Birkirkara, iż-Żejtun, il-Mosta, il-Furjana, Raħal il-Ġdid, Ħal Qormi, il-Mellieħa, il-Marsa, Ħal Safi, il-Gżira, Ħaż-Żebbuġ, Birżebbuġia, is-Siġġiewi, il-Belt Valletta, il-Buskett, il-Għargħur, Santa Venera u r-Rabat Għawdex.

Ministeru għas-Saħħa – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru ghas-Sahha u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt: Ġunju – Diċembru 2017: 4 Jannar – Diċembru 2018: 10 Jannar – Settembru 2019: 14 Apparti dawk li għadhom pendenti, il-maggoranza gew milqghuha. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Sptar Monte Carmeli – każijiet ta’ suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm residenti li għamlu suwiċidju waqt li kienu fl-Isptar Monte Carmeli f’dawn l-aħħar tliet snin u sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-binja tal-Isptar Monte Carmeli, li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma sar l-ebda suwiċdju fis-snin imsemmija minnu.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – stennija għal servizz ta’ x-ray

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux minnu li pazjenti fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jitħallew jistennew għal servizz ta' x-ray, sempliċement għax radiologist ma jkunx xogħol minħabba leave? Jekk dan hu l-każ, jista’ jindirizza dan l-inkonvenjent u jispjega kif ser jindirizzah?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ meta r-radjoloġista tal-iSptar Ġenerali t’Għawdex ikun assenti għal xi raġuni jew oħra, dan jiġi sostitut minn radjoloġista tal-iSptar Mater Dei b’hekk dan is-servizz xorta jibqa’ disponibbli għall-pazjenti Għawdxin.

Ir-Rabat Għawdex — Ċentru tas-Saħħa - sitwazzjoni

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif baqa ż-żmien li tiġi ratifikata s-sitwazzjoni, jistgħu l-awtoritajiet tal-kura primaria jinnutaw li l-post ipjannat li jsir Ċentru tas-Saħħa ġdid ir-Rabat Għawdex hu żgħir wisq u se jimpatta fuq is-servizi li jistgħu jiġu offruti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar il-Kura Primarja f’Għawdex jeżisti pjan li jinkludi Ċentru tas-Saħħa ġdid. Filwaqt li s-servizzi l-aktar użati u essenzjali ser jingħataw miċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid tar-Rabat, numru ta’ Kliniċi fil-Komunità (Bereġ) ser ikunu ddedikati speċifikament għal servizz differenti kull wieħed, liema servizz jkun marbut ma’ trattament mediku speċifiku (bħal per eżempju l-fiżjoterapija). Dan il-mudell huwa maħsub sabiex, bħal ma qed isir f’Malta, il-Kura Primarja tersaq dejjem aktar viċin il-klijenti fil-komunita’ filwaqt li jiġi assigurat lir-riżorsi umani u dawk finanzjarji jiġu applikati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv.

Bdiewa – valenu tal-ġrieden

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li I-bdiewa m’għadhomx jingħataw valenu tal-ġrieden b’xejn kif kienu jingħataw dejjem meta permezz ta’ dan Il-valenu, ħafna bdiewa kienu jgħinu ħafna biex iżommu l-popolazzjoni tal-ġrieden taħt kontroll?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien u għadu jipprovdi s-servizz ta’ trattament għall-kontra l-ġrieden u firien lill-pubbliku u dan permezz ta’ ħaddiema fit-Taqsima tal-Pest Control li huma mħarrġa fl-immaniġjar u tqiegħed tal-velenu. Għal aktar sigurtà nħasset il-ħtieġa li dan il-valenu ma jitqassam lil ħadd aktar iżda jitpoġġa biss minn impjegati ta’ dan id-Direttorat.

Ministeru għas-Saħħa — Konsulenzi minn ditta legali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk id-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħaditx konsulenzi mill-Gvern jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn is-sena 1998-2003? X’kienu dawn il-konsulenzi? Liema entità tat dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv ħalli dawn jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kemm kull konsulenza kienet tinvolvi bħala flus?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu msemmi minnu d-ditta legali li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, ma ħaditx konsulenzi minn dan il-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Ministeru għas-Saħħa — contract of service u contract for service

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.

Programm favur is-Saħħa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10773, skont gazzetta lokali, il-proġett favur is-saħħa se jkun organizzat minn tim ta’ professjonisti mid-Dipartiment tal-Promozzjoni għas-Saħħa kif ukoll tim ta’ professjonisti mid-Dipartiment għall-Kura Primarja, għaldaqstant jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fuqiex se jikkonsisti dan il-proġett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, il-Ministeru għas-Saħħa, żar diversi lokalitajiet fejn bi ftehim mal-kunsilli lokali tellgħu ġranet ta’ għarfien biex ngħixu aħjar. Waqt dawn l-attivitajiet minbarra taħditiet edukattivi fuq pariri siewja għas-saħħa, sar ukoll eżerċizzju fiżiku kif ukoll testijiet żgħar mediċi bħal iċċekkjar tal-pressjoni u test taz-zokkor Fost oħrajn dawn l-attivitajiet saru fil-Mellieħa, Raħal Ġdid, il-Marsa, il-Belt, il-Ħamrun u Santa Luċija. Wara waqfa fix-xhur tas-sajf dawn l-attivitajiet mistennija jerġgħu jibdew matul il-ġimgħat li ġejjin.

Każijiet Soċjali fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti magħrufa bħala ‘każijiet soċjali’ u li bħalissa qegħdin fl-Isptar Mater Dei? X’azzjoni qed tittieħed sabiex dawn il-pazjenti jiġu rikoverati f’postijiet oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-30 ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm 70 pazjenti magħrufa bħala ‘każijiet soċjali’ u li bħalissa qegħdin fl-Isptar Mater Dei. Peress li mhux l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jilqgħu pazjenti li ghandhom l-istess ħtiġijiet, l-isptar Mater Dei dejjem jipprova jsib il-post adattat fejn dawn il-pazjenti jkomplu jistaw jieħdu l-kura meħtieġa.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex – pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm attendew pazjenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex sena b’sena fl-2015, 2016, 2017, 2018 u fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t'hawn taħt rigward in-numru ta' pazjenti li attendew fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex mill-2015 sa Ġunju ta’ din is-sena. SENA Pazjenti li Attendew Jannar sa' Diċembru tal-2015 72,401 Jannar sa' Diċembru tal-2016 72,705 Jannar sa' Diċembru tal-2017 72,525 Jannar sa' Diċembru tal-2018 79,146 Jannar sa' Ġunju ta’ din is-sena 49,490

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex — trasferiment

Question

Jafx id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa li ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex sar żgħir u hemm nuqqas serju ta’ investiment tant li l-istaff qed jaħdem f’ċirkostanzi vera diffiċli li la hu ġust fuqhom u wisq anqas fuq il-pazjenti? Għalkemm nifhem li hemm il-ħsieb li dan iċ-ċentru ser jiġi trasferit għal post ieħor, jista’ l-Ministru jara li ċertu apparat bażiku jiġi approvat, għax ma jagħmilx sens li joqogħdu jistennew li jsir it-trasferiment li żgur mhux se jsir mil-lum għal għada?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Ono. Interpellant illi fl-aħħar sena dan iċ-Ċentru ġie mgħammar b’numru sostanzjali ta’ għamara ġdida u apparat mediku ieħor neċessarju biex iċ-Ċentru jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar għall-benefiċċju tal-istaff kif ukoll, partikolarment, tal-klijenti tagħna. Fost oħrajn, sar investiment fi stretcher li jaħdem bl-elettriku, żewġ Treatment Room Surgical Wall Lamps, tlett magni tan-Nebuliser, Pulseoximeter, żewġ Coolers għat-trasport tat-testijiet tad-demm, Outreach Bag, Suction Machine manwali għat-Trolley tal-Emerġenza kif ukoll inxtraw siġġijiet (swivel u table chairs), Notice Board, Waste Paper Baskets, settijiet tat-telefon, żewġ Laser Printers/Scanners, Label Printer. Barra minn hekk twaħħal tank tal-ilma fuq il-bejt taċ-Ċentru biex jiġi assigurat liċ-Ċentru jkun attrezzat b’ilma nadif, ġie nstallat Air Conditioner ġdid ta' 24000 BTU u qed isir xogħol ta’ tisbieħ fuq il-post sabiex iċ-Ċentru eżistenti jingħata dehra aħjar sakemm jitlesta’ iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex –żieda ta’ nursing staff

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jiżdedu kemm in-nursing staff kif ukoll it-tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex għax dawn litteralment mhux qed ilaħħqu mal-ammont ta’ pazjenti li qed ikollhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kura Primarja diġà fasslet il-pjan li jirrifletti l-ħtieġa adekwata ta’ infiermiera u tobba skond il-volum tal-operat taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Għawdex, u qed isiru diskussjonijiet sabiex dan il-pjan jidħol fis-seħħ.

Ċentru tas-Saħħa – Rabat Għawdex — trasferiment

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta jaħseb li ser isir it-trasferiment lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex? X’xogħlijiet saru s’issa u kemm intefqu flus fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-trasferiment lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fir-Rabat Għawdex huwa maħsub li jsir għal aħħar tas-sena d-dieħla. Ninfurmah ukoll li fl-imsemmi ċentru bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Ħal Qormi – Polyclinic – Lift li ma jaħdimx

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara għalfejn il-lift tal-polyclinic ta’ Ħal Qormi mhux jaħdem, u b’konsegwenza qed joħloq inkonvenjent għall-pazjenti u l-anzjani?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-lift taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi għandu aktar minn 20 sena, hemm il-plan illi jiġi nstallat lift ġdid. Sadanittant qed jingiebu spare parts sabiex il-lift preżenti jibqa operabbli.

Sptar Ġenerli ta’ Għawdex – Residenza Sant’Anna – tindif ta’ air vents fis-Sezzjoni tal-Anzjani

Question

Peress li air vent units li hemm fis-sezzjoni tal-anzjani fir-Residenza Sant'Anna fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jidher li ilu ma ssir manutenzjoni u tindif fuqhom, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu passi biex isir ix-xogħol u jiġu evitati problemi ta' saħħa lill-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif u l-manutenzjoni fuq is-sistema tal-arja fis-sezzjoni msemmija minnu isir kull xahrejn skont l-iskeda.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Master Plan — applikazzjoni

Question

B'referenza għall-applikazzjoni Numru 7491/16 mal-Awtorità tal-Ippjanar li tipproponi Master Plan fis-sit tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn wasal il-proċess ta' din l-applikazzjoni? Jista' jgħid jekk kienx hemm tibdil mill-Master Plan oriġinali u jekk fl-affermattiv jgħid fiex wasal il-proċess dwar dan il-pjan ġdid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat estensjoni tal-applikazzjoni tal-ippjanar PA7491 / 16. Bħalissa it-tim tal-Master Planning qed jaħdem fuq l-informazzjoni bħala parti minn din l-istess applikazzjoni. Id-disinji sottomessi jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità tal-ippjanar.