Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjana — kwestjoni dwar għoti ta' mediċina

Question

Jista' l-Ministru jara li anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, tingħata l-firma neċessarja biex tibda tingħata l-mediċina li ordnalha l-konsulent ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-applikazzjoni tal-pazjenta msemmija qatt ma waslet fl-uffiċċji tal- Medicines Entitlement Unit (MEU). Il-pazjenta ġiet ikkuntattjata u l-problema identifikata. L-applikazzjoni ma ġietx aċċettata mill-ispiżerija ta’ Mater Dei peress li l-applikazzjoni għal din il-mediċina partikolari ma kinitx iffirmata minn speċjalista awtoriżżat skont il-protokoll tal-Gvern. Qarib tal-pazjenta ħalla l-applikazzjoni l-Surgical Out-Patients, fejn din se tiġi ffirmata minn speċjalista fl-onkoloġija. Il-pazjenta apprezzat ħafna l-fatt li ġiet kkuntattjata dwar il-problema li kellha minħabba l-mediċina li għandha bżonn.

Sptar San Luqa — Injection

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, hijiex intitolata għall-injection msemmija fir-riċetta li nħarġet mill-Isptar San Luqa peress li din l-anzjana bil-pensjoni u mhijiex f'qagħda finanzjarja li tixtriha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-mediċina zoledronic acid 5mg (Aclasta®) qiegħda fil-formularju tal-gvern, u tingħata f’każijiet fejn pazjenti jbatu mill-marda ta’ Paget. F’każijiet bħal dawn biex tiġi intitolat, konsulent awtorizzat irid japplika kemm għall-Skeda V skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), kif ukoll għall-permess skond il-protokoll tal-gvern.

Gender Confiriming Surgeries

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex jibda joffri faċilitajiet magħrufa bħala gender confiriming surgeries li permezz tagħhom persuna tista' tibdel is-sess tagħha? Dawn l-operazzjonijiet se jibdew jiġu inklużi fl-iskema tas-saħħa pubblika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s'issa għad m’hemmx ħsieb li jiġu inklużi dawn l-operazzjonijiet fl-iskema tas-saħħa pubblika.

trasport tal-iskart tal-isptarijiet fil-boroz is-sofor

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23404 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif jiġi trasportat l-iskart tal-isptarijiet tal-boroz is-sofor (clinincal waste) bejn l-isptarijiet u l-post fejn qed jiġi distrutt? B’liema mezz tat-trasport jinġarr u min huwa responsabbli għal dan il-ġarr? Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex jaraw li bejn iż-żewġ postijiet dan l-iskart ma jieqaf imkien u ma jkun ġie kontaminat l-ebda post? Jista jgħid jekk din is-sistema hux qed tintuża fuq iż-żewġ gżejjer jew jekk f'Għawdex għanhomx xi metodu ieħor differenti minn dak ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm diversi kuntratti għall-ġbir ta’ skart kliniku mad-diversi sptarijiet. F’kull każ il-kuntrattur huwa responsabbli għall-ġarr tal-iskart u huwa obbligat li jkollu permess validu mill-MEPA. L-iskart kliniku jinġarr għat-Thermal Treatment Facility fil-Marsa sabiex jinħaraq. Il-kuntrattur huwa responsabbli ghal dan il-ġarr u huwa responsabbli wkoll li jara li l-vettura ma tieqaf imkien waqt il-vjaġġ. Kull sptar jirċievi irċevuta mingħand il-Waste Serv dwar is-servizz ta’ ħruq ta’ skart kliniku ipprovdut minnha kif ukoll irċevuta oħra mingħand il-kuntrattur. Dawn l-irċevuti jkun fihom dettalji dwar il-materjal li jkun intrema. Dwar l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei — receptions - kuntratt ma' kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-kuntratt li l-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għandha mal-FMS, hemm klawsola li tgħid li kull min irid jagħmel xi reception fl-Isptar Mater Dei bilfors irid juża s-servizzi ta' din l-istess kumpanija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi m’għandha l-ebda kuntratt mal-kumpanija msemmija. Il-Kuntratt għall-catering għall-impjegati u ħaddiema ġewwa l-Isptar Mater Dei huwa mal-konsorzju QCRS - Quality Catering & Retail Services Limited. Il-kumpanija msemmija hija membru fi ħdan dan il-konsorzju. Bħala punt ta’ kjarifikazzjoni, ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li n-natura ta’ dan il-kuntratt huwa wieħed ta’ service concession u għalhekk il-konsorzju jħallas lill-Gvern concession fee. Il-Kuntratt msemmi għandu klawsola li tgħid li servizzi ta’ catering ġewwa l-Isptar Mater Dei għandhom jingħataw minn dan il-konsorzju jew minn kuntratturi oħra approvati minn dan l-istess konsorzju.

Sptar Mater Dei — ilmenti mill-istaff lill-management

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu ilmenti mill-istaff lill-management tal-Isptar Mater Dei fuq is-servizz li qed jingħata fil-canteen tal-istess sptar? Jista' jgħid meta tressaq kull ilment, dwar xiex kien kull ilment u x'azzjoni ttieħdet dwar kull ilment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

anzjani li jintbagħtu fid-djar tal-anzjani privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' anzjani li jinsabu fid-djar tal-anzjani privati? Jista' jgħid kemm huma dawk l-anzjani li l-gvern bagħat fid-djar tal-anzjani u kemm qed iħallas il-gvern għal dawn l-anzjani? Jista' jagħti rendikont abbażi tal-aħħar 3 snin? Jista' jgħid kif issir l-għażla sabiex dawn l-anzjani jintbagħtu fid-djar tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

waiting list għall-operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' ċittadini li qegħdin fil-waiting list għall-operazzjonijiet u jipprovdi elenku ta' x'inhuma l-kategoriji u kemm-il sena ilhom fil-waiting list?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mediċini out of stock — Vastarel MR

Question

Peress li mill-ispiżeriji Għawdxin taħt l-iskema tal-Ispiżjerija tal-Għażla Tiegħek, il-Vastarel MR ilhom out of stock għal dawn l-aħħar xahrejn dan qed joħloq inkonvenjent għal dawk kollha li għandhom bżonnhom? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi ndirizzata?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa il-Vastarel MR qiegħed in stock u sal-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet din il-mediċina ġiet imqassma fl-ispiżeriji kollha li qed jipparteċipaw fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek [POYC] f’Malta u Għawdex.

Homes u kumpaniji privati — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-kuntratti jew il-ftehim li għandu mal-homes u kumpaniji privati li permezz tagħhom jieħdu ħsieb l-anzjani ġewwa l-istess homes?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 23228.

Kumpaniji privati — permessi għall-kura tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kwalità ta’ permess hemm biex kumpaniji privati jieħdu ħsieb anzjani taħt ir-responsabbiltà tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm permess wieħed għad-djar kollha tal-anzjani, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Privat u tal-Knisja.. Il-liċenzja tinħareġ mill-Ministru tas-Saħħa fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Ġenerali għar-Regolazzjoni tas-Saħħa Pubblika.

Nursing care — miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-qasam pubbliku jeżistux żewġ tipi ta' miżati għall-anzjani skont in-nursing care provdut? Jista' jgħid jekk dawn il-kriterji jinstabux offruti ukoll lill-anzjani li jagħmlu użu mill-homes fil-qasam tal-privat offrut mill-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-qasam pubbliku jeżistu zewġ tipi ta’ miżati għall-anzjani skont in-nursing care provdut. Skont l-Avviż Legali Nru 259 tal-2004 l-anzjani jħallsu 60% mill-penzjoni f’level 1 setting u 80% mill-penzjoni f’level 2 setting. Dan l-arranġament japplika wkoll għall-dawk l-anzjani li jkunu qed jokkupaw sodod fi djar għall-anzjani fis-settur privat mixtrija mill-gvern taħt l-iskema tal-Private Public Partnership.

Djar tal-anzjani li għad iridu jinfetħu — waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx waiting list għall-ftuħ ta' djar għall-anzjani? Jekk iva, kemm hemm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li m’hemmx waiting list għall-ftuħ ta’ djar għall-anzjani. Kull applikazzjoni li tasal fil-Ministeru għas-Sahha, l-Anzjani u Kura fil-Komunità tiġi proċessata minnufiħ.

Djar tal-Anzjani — standards basiċi

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-istandards bażiċi li kull home trid timxi fuqhom ħalli tkun tista’ tingħata permess biex tibda topera?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-istandards japplikaw għad-djar tal-anzjani kollha jiġifieri kemm dawk tal-knisja, privati kif ukoll dawk tal-Gvern. Id-djar għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti sanitarji u li jinkludu dawk fuq l-iġjene tal-ikel. Id-djar iridu jinzammu ndaf u fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Irid ikun hemm dawk il-faċilitajiet fid-djar biex jiġi assigurat l-għoti tal- kura neċessarja u t-tqassim tal-mediċina preskritta. L-ambjent fid-dar irid ikun b’tali mod li jassigura li r-resident ikollu l-privatezza, sigurtà, rikrejazzjoni, kif ukoll fejn jista’ jipparteċipa soċjalment. Min imexxi d-dar għandu d-dmir li jieħu dawk il-miżuri kollha biex jevita r-riskju ta’ xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu lir-residenti. Kull dar tal-anzjani għandhu jkollha tabib li jkun jista’ jiġi msejjaħ skont il-bżonn inkluż f’każ ta’emerġenza L- istandards jinkludu wkoll dawk għall-prevenzjoni minn mard infettiv u li jkun hemm il-faċilitajiet fid-djar f’każ ta’ ħruq. Biex dar tibda topera irid ikollha l-liċenzja maħruġa mill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità wara li jkun hemm il-permessi neċessarji tal–MEPA u tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.

Pembroke — ilment dwar riħa qawwija ta' drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24502, billi r-residenti għadhom jilmentaw minn irwejjaħ jintnu, speċjalment qrib Block 10a, jista' l-Ministru jara jekk tistax issir investigazzjoni aktar fil-fond?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara li ngħatat it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24502, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda ilmenti rigward riħa qawwijja ta’ drenaġġ madwar il-blokk 10, Triq Pietru Darmenia, Pembroke. Minkejja dan, fl-14 ta’ April 2011, uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali wettqu spezzjoni oħra fit-triq indikata u fl-inħawi tal-madwar iżda ma ġew innotati l-ebda rwejjaħ jintnu. Ġie kkonfermat ukoll li ma kien hemm l-ebda sadd fid-drenaġġ pubbliku kif ukoll li l-pumping station ħdejn Pembroke Football Club kienet qed taħdem regolari. Bħala prekawzjoni u sabiex dejjem titnaqqas il-possibilita` ta’ ħruġ ta’ rwejjaħ l-għatu tal-fossa (sump) tal-istess pumping station gie ssiġġillat b’rubber lining, liema xogħol sar mill-ħaddiema tas-Sezzjoni tad-Drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li tinsab Casa Arkati u l-familjari tagħha jixtiequ li jdaħħluha fir-Residenza San Vinċenz de Paule għax trid attenzjoni personali u jagħmel aktar sens li postha jieħdu xi ħadd li huwa mobile u jista' jgawdi s-servizzi tant tajbin li hemm f'din il-home?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule fit-30 ta’ Diċembru 2010. Id-Dipartiment għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità irċieva r-rapport tas-social worker fid-19 ta’ Jannar 2011. Il-każ deher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni fl-20 ta’ Jannar 2011 u ġiet approvata bħala high priority. Għalhekk din l-applikazzjoni ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija tal-high priority għar-Residenza San Vinċenz de Paule. Sadanittant din l-anzjana iddaħħlet fid-Dar tal-Anzjani Casa Arkati bħala parti mill-iskema tal-private public partnership fejn qiegħda tingħata kura ta’ nursing għall-bżonnijiet tagħha ta’ dipendenza għolja.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq maintenance

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25246, jista' l-Ministru jagħti rendikont fuq liema vetturi fl-Isptar Mater Dei saret l-maintenancefl-2010? Jista' jagħti breakdown tal-ispejjeż relatati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — spiża fuq manutenzjoni ta' repair and upkeep

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25246, jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti repair and upkeep li ammonta għall-€1,158,575.38 għas-sena 2010? Jista' jipprovdi min huwa jew huma l-entitajiet li qed jipprovdu is-servizz, f'każ li dawn huma entitajiet privati u jipprovdi breakdown tal-ispiża msemmija? Jista' jgħid ukoll kemm fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena intnefaq f'repair and upkeep?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — Facilities Management

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25246, jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti l-operat ta' Facilities Management li jammonta għal €5,360,564.81 għas-sena 2010? Min qed imexxi u joffri dan is-servizz? Jista' jagħti breakdown ta' din l-ispiza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — maintenance - materials and supplies

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25246, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż inkorporati f'dak li jirrigwarda materials and supplies, li jammontaw għall-€2,673,396.40 li ġew minfuqa għas-sena 2010? Jista' jgħid kemm intnefqu fl-ewwel erba' xhur ta' sena 2011 f'dak li għandu x'jaqsam ma' materials & supplies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.