Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt — Triq il-Merkanti - allokazzjoni tal-appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu previst li ssir l-allokazzjoni tal-appartamenti fi Triq il-Merkanti l-Belt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-proċess ta’ analizzar ta’ applikanti eliġibbli għal dan il-blokk fi Triq Merkanti l-Belt. Hekk kif dan il-blokk jitlesta mix-xogħol refurbishing u ta’ xogħlijiet oħra, l-appartamenti jkunu lesti sabiex jiġu allokati skont il-kriterji stabbiliti.

Kontribuzzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħallset f'kontribuzzjonijiet l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, stante li din ħadmet mill-1974-1980?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.

Żejtun — Skola sekondarja tal-bniet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ġie deċiż dwar l-iskola sekondarja tal-bniet li tinsab fiż-Żejtun? X'konsultazzjoni saret ma' dawk kollha konċernati fosthom il-ġenituri? X'sens jagħmel li l-istudenti Żwieten ma jibqgħux jattendu l-iskola li tinsab fiż-Żejtun stess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola sekondarja tal-bniet taż-Żejtun se tibqa’ taqdi l-funzjoni ta’ skola Sekondarja tal-bniet tal-Kulleġġ San Tumas Moore. Il-konsultazzjoni ssir sa fejn hu possibli imma ċertu deċiżjonijiet iridu jittieħdu finalment fl-aħjar interess tal-istudenti. Hemm bosta raġunijiet għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, fosthom id-demografija u l-loġistika tal-popolazzjoni tal-istudenti tal-Kulleġġ.

Fgura — Skola primarja tas-subien

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema skola sekondarja se jattendu l-istudenti subien tal-iskola primarja tal-Fgura fis-sena skolastika li jmiss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti subien tas-sitt sena tal-iskola primarja tal-Fgura se jattendu l-iskola sekondarja tas-Subien Ħamrun tal-Kulleġġ San Tumas More.

Kunsill tal-Ewropa — vjolenza fuq in-nisa

Question

Fid-dawl tal-konferenza li kien organizza l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħtieġa ta’ kampanja kontra l-vjolenza fuq in-nisa, li tinkludi l-vjolenza domestika, li kienet inżammet fis-sena 2008 fejn kien hemm anki rappreżentanza tal-Kunsill tal-Ministri apparti mill-Assemblea Parlamentari, tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan ta’ azzjoni konkret tal-Gvern Malti biex jimxi fuq ir-rakkmandazzjonijiet ta’ din il-konferenza u anke ta' kampanja intensiva li kienet mifruxa fuq medda ta’ sentejn sħaħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul il-kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija, l-Kummissjoni ġiet mistiedna sabiex tattendi diversi konferenzi u seminars li ġew organizzati matul iż-żmien tal-kampanja. Għal dawn il-konferenzi u seminars attendew kemm membri tal-Kummissjoni kif ukoll membri oħra mis-sottokumitat dwar ir-Riċerka u Ġbir ta’ Data u mis-Sottokumitat dwar l-Iżvilupp tas-Servizzi. F’dawn is-seminars organizzati mill-Kunsill tal-Ewropa ngħataw anki preżentazzjonijiet mill-parteċipanti dwar is-sitwazzjoni tas-settur f’Malta. F’Novembru u Diċembru tat-2007, inkitbu seba’ artikli fil-ġurnali lokali sabiex tkun imfakkra l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa. Fl-istess perjodu, ċ-Chairperson u l-membri tal-Kummissjoni ħadu sehem f’diversi programmi tar-radju u telviżjoni. Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali u l-Ministeru organizzat il-Malta White Ribbon Campaign. Kampanja ta’ Għarfien permezz ta’ posters f’Bus Shelters tnediet fis-7 ta’ Jannar 2008. Din il-kampanja ġiet organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika bil-kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u li kienet ibbażata fuq il-Kampanja tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika ħejjiet Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għas-settur li ġie bażat fuq il- Blueprint tal-Kunsill tal-Ewropa għall-kampanja sabiex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali jinsab fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni fejn qiegħed dejjem jiġi aġġornat skont dak li jkun twettaq matul is-sena ta’ rappurtar. Sabiex tkompli fil-ħidma tagħha, il-Kummissjoni applikat u ngħatat fondi mill-Fond Soċjali Ewropej għall-Proġett ESF 3.43 Dignity for Domestic Violence Survivors . Dan il-proġett jinkludi fost l-oħrajn Studju ta’ riċerka bl-isem A Nationwide Research Study on the Prevalence of Domestic Violence against Women in Malta and its Impact on their Employment Prospects . Sar ukoll taħriġ għall-professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-vjolenza domestika jew jiġu f’kuntatt ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika. Dan il-proġett jinkludi wkoll kampanja nazzjonali ta’ għarfien. Permezz ta’ din il-kampanja ser titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika li ser issir matul is-sena 2011 filwaqt li tippromovi li x-xogħol jagħti ndipendenza lill-vittma ta’ vjolenza domestika. Il-kampanja hija ndirizzata wkoll lejn il-persuna li twettaq vjolenza u lejn il-pubbliku ġenerali sabiex jkun konxju li l-vjolenza mhix aċċettabli.

ċentru Let me Learn

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li jagħmel iċ-ċentru Let me Learn mal-għalliema u t-tfal fl-iskejjel u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ħidma tiegħu mindu nfetaħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bonus tal-għoli tal-ħajja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kemm kienu jammontaw (i) il-pensjonijiet u allowances u (ii) il-bonus tal-għoli tal-ħajja li tħallsu lil persuni residenti f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 ‘l hawn taħt l-Att dwar il-Pensjonijiet lil Nisa Romol u Tfal Iltiema (Kap 58)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Dar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'budget għandha kull dar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport? F'kull każ, kemm hu adegwat il-budget li hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport — Servizz ta' psikjatra

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi ta' psikjatrija u ta' psikoloġija għandhom il-persuni li jgħixu fid-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport? Persuna li għandha bżonn frekwenti ta' dawn is-servizzi, kemm ikollha sessjonijiet kull xahar? Kemm idumu jistennew dawn il-persuni minn appuntament għall-ieħor biex jingħataw dawn is-servizzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-maġġor parti tal-klijenti tas-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport qegħdin taħt kura psikjatrika u għalhekk dawn ikunu taħt il-kura ta’ konsulent psikjatriku. M’hemmx żmien stipulat ta’ kemm-il darba fix-xahar klijent imur għand il-konsulent tiegħu/tagħha għax dan jiddependi mill-kundizzjoni ta’ dan il- klijent. Ċertu klijenti jkollhom bżonn illi jmorru darba fix-xahar, oħrajn darba kull sitt xhur u ġieli jkun hemm każi fejn klijent ikollu jmur saħansitra darba fil-ġimgħa. Fir-realtà, aktar milli skont il-klijent partikolari, il-frekwenza tal-visti tiddependi ħafna fuq kif tkun is-sitwazzjoni psikoloġika tal-klijent – fejn il-visti jiżdiedu aktar ma’ klijent ikun għaddej minn mument diffiċli. Mhuwiex komuni li l-Aġenzija jkollha diffikultà biex tagħmel appuntament għal xi klijent/a. Diffikultajiet jinħolqu biss meta forsi jkun hemm bżonn ta’ appuntament urġenti. Ħafna drabi, il-klijenti jirċievu s-servizz psikjatriku jew minn Mount Carmel Hospital jew inkella mill-isptar Mater Dei. Għandna wkoll klijenta partikolari li tirċievi dan is-servizz fir-residenza taghha stess (il-konsulent jara lil din il-klijenta bejn wieħed u ieħor darba kull 3 xhur). Il-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ psikologu huma ftit ħafna.

Programmi ta' edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi programmi individwali għandha kull persuna li tgħix fid-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport biex kemm jista' jkun jitgħallmu jgħixu ħajja indipendenti? Xi programmi ta' edukazzjoni u terapija għandha kull persuna li tgħix f'dawn id-djar residenzjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li jagħmlu użu mis-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport jiġu mgħejjuna fil-ħiliet tagħhom biex kemm jista’ jkun jintegraw fis-soċjetà u jakkwistaw livell ta’ indipendenza skond l-abiltajiet tagħhom. Dawn il-persuni jiġu mgħejjuna wkoll biex jagħmlu użu minn servizzi oħra fil-komunità. Fost dawn is-servizzi nsibu ċ-Ċentri ta’ matul il-jum tal-istess Aġenzija, fejn il-klijenti jattendu attivitajiet kulturali, edukattivi u rikreattivi fil-komunità stess. Barra dan kull persuna għandha mfassal għaliha program mibni fuq il-ħiliet eżistenti tagħha u dan bil-għan li jwassal lil kull individwu li jkollu l-kapaċita massima skond is-sitwazzjoni tiegħu. Kull persuna fir-residenzi tiġi mgħejjuna wkoll biex tattendi għal appuntamenti mediċi, ta’ terapija, ta’ psikjatrija u kull neċċessità oħra skont il-bżonn individwali ta’ kull klijent. Dawn l-appuntamenti jkunu kemm f’istituzzjonijiet tal-gvern jew inkella fil-komunità, kif ukoll meta jkun hemm bżonn fil-privat.

Djar residenzjali mmexxija mill-agenzija Sapport — Affarijiet bażiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-istat ta' dawn id-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport peress li wasalli tagħrif li hemm każijiet fejn dawn id-djar huma neqsin mill-affarijiet l-iżjed bażiċi: nuqqas ta' protezzjoni mal-galleriji u twieqi li jagħtu għal barra u allura huma ta' riskju serju għas-saħħa u l-ħajja tal-persuni li jgħixu f'dawn id-djar, kif ukoll huma neqsin minn għamara u anke apparat domestiku għax ġew imkissrin mir-residenti minħabba l-kundizzjoni tagħhom ta' challenging behaviour?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sapport ġiet imwaqqfa biex taħdem ma’ persuni b’diżabilità li qegħdin f’riskju li jispiċċaw ġo xi istituzzjoni. Waħda mir-raġunijiet għalfejn ikun hemm dan ir-riskju hija proprju l-imġieba ta’ dawn l-istess klijenti, fejn ħafna minnhom ikollhom imġiba diffiċli (challenging behaviour). Fil-fatt ħafna drabi huwa minħabba din l-imġiba li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jibqgħu jżommu lil uliedhom fid-dar tagħhom u għalhekk iduru lejn l-Aġenzija Sapport għall-għajnuna għax iħossu li r-residenzi ta’ din l-istess Aġenzija huma l-alternattiva l-aktar viċina għal dak li jixtiequ għal uliedhom. Meta klijent jidħol f’xi waħda mir-residenzi, l-imġiba tiegħu/tagħha mhix ser tinbidel mil-lum għal għada (fil-fatt uħud mid-drabi dawn jibqgħu juru challenging behaviour ) u għalhekk hu/hi j/tibqa’ j/tesprimi ruħu/ha billi juri dan it-tip ta’ aġir. Kif wieħed jista’ jimmaġina, dan ħafna drabi jirriżulta fi ħsarat (kultant estensivi) f’oġġetti ġewwa r-residenza bħal għamara u anke apparat ieħor domestiku. Ta’ min wieħed iżomm f’moħħu illi sal-lum, huma ftit (jew xejn) l-apparati domestiċi jew għamara li huma maħluqa apposta biex ikunu l-aktar adatti għal dawn it-tip ta’ residenzi. Għalkemm l-Aġenzija tagħmel minn kollox biex titgħallem mill-esperjenza u għaldaqstant taħdem għamara li tkun aktar adatta, dan sfortunatament mhux dejjem ikun possibli jew jirnexxi. Kif wieħed jista’ jimmaġina, ir-residenzi allura jitolbu ħafna xogħol ta’ manutenzjoni li sfortunatament, mhux dejjem ikun jista’ jsir mill-ewwel. Għalhekk billi l-ħsara hija frekwenti, l-Aġenzija ssib diffikultà biex tlaħħaq mal-bżonnijiet kollha fir-residenza u allura trid bilfors taħdem bi prijoritajiet skond il-kas. Ir-residenzi tal-Aġenzija kollha għandhom il-protezzjonijiet bażiċi li jinstabu fil-maġġoranza tad-djar Maltin iżda jista’ jkun li dan ma jkunx biżżejjed il-ħin kollu. Ma rridux ninsew li fir-residenzi qegħdin naħdmu ma’ individwi li bħal kull persuna oħra huma dinamiċi u mhux statiċi. Dan ifisser li dak li huwa meqjus biżżejjed bħala protezzjoni llum għal klijent partikolari, jista’ ma jkunx biżżejjed protezzjoni għall-istess klijent wara ftit taż-żmien. Ħafna drabi aktar ma klijent jikber, aktar il-bżonnijiet tiegħu/tagħha jiżdiedu u għaldaqstant ikun hemm aktar bżonn ta’ protezzjoni. Dan, flimkien mal-fatt li meta jidħlu klijenti ġodda jista’ jkollhom bżonnijiet ta’ protezzjoni oltre minn dawk preżenti, jista’ jfisser li residenza jkollha l-protezzjoni neċessarja f’mument, filwaqt li tkun nieqsa mill-protezzjoni f’mument ieħor. Ta’ min wieħed jerga’ jfakkar kemm taħdem l-Aġenzija biex ir-residenzi tagħha żżommhom residenzi (djar) u tbiegħedhom mill-idea ta’ sptar jew istituzzjoni u għalhekk anke meta taħdem fuq apparat jew strutturi ta’ protezzjoni, trid tiżgura li dawn ma jkissrux is-sens ta’ dar li tinsab f’dawn il-postijiet. Madankollu l-Aġenzija hija mpenjata l-ħin kollu biex skont ir-riżorsi disponibbli tieħu dawk il-miżuri neċessarji biex tagħmel l-ambjent fid-djar wieħed safe kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema.

Djar residenzjali mmexxija mill-agenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jagħmilx sens li d-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport jibqgħu jsiru ghettos ta' persuni b'diżabilita` intellettwali kkonċentrati flimkien u qishom saru mini-sptarijiet mentali b'ħafna nuqqasijiet ta' riżorsi, persuni mħarrġa u programmi adegwati meta żgur li mhux dan kien l-għan li għalih infetħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-idea tas-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport dejjem kien li jipprovdi post fejn il-persuna b’diżabilità tista’ tiġi mgħejjuna biex teżerċità d-dritt tagħha li tkun membru attiv u sħiħ fis-soċjetà. L-Aġenzija kienet, għadha u tibqa’ taħdem bis-sħiħ biex ir-residenzi tagħha jitbiegħdu kemm jista’ jkun mill- idea ta’ istituzzjoni u għaldaqstant ta’ sptar. L-iskop dejjem kien li l-persuna b’diżabilità tikkunsidra r-residenza bħala d-dar tagħha, u jekk wieħed iżur xi waħda mir-residenzi jinduna li din mhix wisq differenti minn kull dar oħra. Fil-fatt din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn in-numru ta’ nies li jitolbu s-servizz residenzjali għall-familjari tagħhom dejjem qiegħed jiżdied.

Employment Aid programme

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta daħlet fis-seħħ l-iskema tal-Employment Aid Programme? Tista’ tgħid kemm ġew impjegati nies f’Malta u Għawdex b’mod separat kull sena taħt dan il-programm? Kemm minnhom kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minnhom kienu ilhom: inqas minn xahar jirreġistraw għax-xogħol? xahar jew aktar, iżda inqas minn xahrejn, jirreġistraw għax-xogħol? xahrejn jew aktar, iżda anqas minn tliet xhur, jirreġistraw għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar — informazzjoni dwar skema A

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li gawdew mill-iskema A tal-Awtorità tad-Djar matul l-2009 u l-2010 rispettivament? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin, raħal raħal, dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Post tal-gvern — dħul ta' ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21873, għalkemm il-post inxtara sentejn ilu wieħed ma jippretendix li għandu jkun hemm ħsara wara sentejn, tista' l-Ministru tgħid jekk il-kuntrattur għandux ikun responsabbli peress li wara sentejn beda jidħol l-ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar twettaq ix-xogħol tal-bini billi tqabbad kuntrattur privat permezz ta’ sejħa għal offerti. Hija l-prassi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li tinkludi klawżola fl-għotja tal-offerta fejn tobbliga lill-kuntrattur jagħmel tajjeb għal ħsara li tinqala fi żmien sentejn mit-tmiem tal-proġett. Fil-fatt, l-Awtorita’ tad-Djar iżżomm 10% tal-flus dovuti lill-kuntrattur għal tul dan il-perjodu bħala garanzija sabiex tiżgura li tiġi onorata din il-klawżola. Fit-tmiem tal-perjodu l-Awtorita’ tad-Djar hi obbligata li tirrilaxxa l-flus dovuti u ma jibqalha l-ebda jedd li tobbliga lill-kuntrattur biex jagħmel tajjeb għall-ħsarat. Minn informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar jidher li l-ħsara tikkonsisti fi dħul ta’ ilma mill-bejt u mil-ħajt ta’ l-appogg, normali f’bini ġdid li jkun qed jistrieh. Ix-xogħol ta’ tiswija meħtieġ jaqa’ taħt klassifikazzjoni ta’ manutenzjoni tal-bini li jrid isir mir-residenti hekk kif stipulat fi klawżoli 7 u 8 tal-kuntratt tal-bejgħ.

Talba għal aktar Children's Allowance

Question

Tista' l-Ministru tara t-talba tal-missier, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jrid ikun jaf jekk hux qed jieħu Children's Allowance tajjeb peress li jħoss li qed jieħu ftit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha. Jista’ ukoll iċempel fuq 159 għall-informazzjoni li għandu bżonn.

Għalliema tal-PSD

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li qed jgħallmu l-PSD fl-iskejjel sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti li mhumiex kwalifikati fil-PSD?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemm ebda għalliem/a fl-iskejjel tal-istat li m’humiex kwalifikati biex jgħallmu dan is-suġġett. L-għalliema li m’humiex gradwati fis-suġġett u li qed jgħallmu dan is-suġġett tant ilhom snin jgħallmuh li issa għandhom l-anzjanita` fis-suġġett. Fl-iskejjel tal-knisja hemm 64 għalliem li jġħallmu PSD. 11 minnhom għandhom kwalifika fil-PSD. Ħafna mill-oħrajn għandhom kwalifiki li huma meqjusa bħala relatati mas-suġġett PSD, fosthom Psikoloġija, Soċjoloġija, Social Work , Teoloġija, Studji Soċjali u Community Studies . Hija xi ħaġa komuni li għalliem jgħallem il-PSD bħala it-tieni jew it-tielet suġġett. Fl-iskejjel indipendenti hemm 11 -il għalliema tal-PSD u ħadd minnhom ma għandu kwalifika speċifika fil-PSD. Hawn ukoll, uħud mill-għalliema għandhom kwalifiki f’suġġetti relatati mal-PSD.

Għalliema tal-PSD fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'taħriġ qed jingħataw għalliema fl-iskejjel primarji fil-PSD peress li dawn ġew reklutati bla taħriġ fil-PSD?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema peripatetic kollha fl-iskejjel Statali huma għalliema tal-Primarja li jiġu magħżula biex jgħallmu l-PSD wara li jkun sarilhom interview biex jgħallmu dan is-suġġett. Huma jiġu mħarġa b’diversi korsijiet li jsiru matul is-sena. Għaldaqstant kull Sajf l-għalliema tal-PSD fl-iskejjel Primarji jkunu imsejħin għal In-Service Course obligatorju. Apparti minn hekk, bħalissa qed isir taħriġ kontinwu wara l-ħin ta’ l-iskola, fuq bażi volontarja, li beda f’Novembru 2010 u ser ikompli sa Mejju 2011. It-taħriġ kollu hu dejjem offrut kemm lill-għalliema fl-iskejjel ta’ l-iStat kif ukoll lill-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja u Independenti. Minn żmien għal żmien l-għalliema kkonċernati jkunu wkoll mistiedna jattendu laqgħat oħra li jiġu organizzati apposta għalihom mill-Ufficjali Edukattivi tas-suġġett. Xi għalliema minn jeddhom jagħżlu li jattendu wkoll għal seminars jew konferenzi li jsiru matul is-sena minn entitajiet varji.

Lezzjonijiet tal-PSD lill-istudenti fis-sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema istituzzjonijiet edukattivi post sekondarji statali, tal-Knisja u indipendenti l-istudenti qed jingħataw lezzjonijiet tal-PSD u x'taħriġ għandhom f'dan il-qasam l-għalliema li jgħallmuh iżjed u iżjed meta ż-żgħażagħ ikunu qed jersqu iżjed lejn id-dinja tax-xogħol u ħafna minnhom isibu ruħhom f'ambjent ko-edukattiv wara li jkunu għamlu ħames snin f'ambjent edukattiv fejn ikun hemm ġeneru wieħed biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istituzzjonijiet post-sekondarji tal-knisja li qed jagħtu lezzjonijiet tal-PSD huma: San Alwiġi u De La Salle. L-għalliema ta’ dan is-suġġett għandhom warrant permanenti ta’ għalliema. F’istituzzjonijiet indipendenti u fl-istituzzjonijiet Post Sekondarji Statali ma jiġix mgħallem il-PSD.

Aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu s-servizzi residenzjali pprovduti mill-Aġenzija Sapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-servizzi residenzjali tal-Aġenzija SAPPORT jagħtu l-opportunità lill-persuni b’diżabilità li m’għandhomx familja jew inkella li l-ambjent tad-dar tagħhom ma jippermettilhomx li jibqgħu jgħixu hemm, minħabba diversi raġunijiet, fosthom challenging behaviour, li jingħataw servizz f’residenza mmexxija mill-Aġenzija. Fil-preżent hemm 6 residenzi attivi immexxija mill-Aġenzija SAPPORT kif ukoll żewġ djar residnezjali mmexxija minn NGO u mill-Knisja. F’dawn ir-residenzi, l-klijenti jitrawmu f’ħiliet li jeħtieġu biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod mill-aktar indipendenti.