Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani – Servizz ta’ inkontinenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw massimu ta’ 90 nappies/pull-ups/pads fix-xahar filwaqt li hemm persuni oħra li ngħataw massimu ta’ 140 nappies/pull-ups/pads fix-xahar? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal din id-diskrepanza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ nappies/pull-ups/pads fix-xahar jingħataw skont il-bżonnijiet tal-klijent wara li jsir assessjar professjonali.

Djar tal-anzjani — Occupancy rate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-djar tal-anzjani fix-Xlokk ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-‘occupancy rate’ ta’ kull dar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-djar tal-Anzjani fix-Xlokk ta’ Malta u r-rata ta’ okkupazzjoni rispettiva tagħhom huma skont it-tabella t'hawn taħt: Casa Paola, Raħal Ġdid 110 Dar l-Annunzjata, Fgura 224 Floriana Home - Dar il- Mistrieħ, Floriana 42 Ghigo Community Care, Ħal Għaxaq 145 Residenza San Guzepp, Fgura 297 St Thomas Community Living, Wied il-Għajn 246 Żejtun Home, Żejtun 204

Djar tal-anzjani – Ilmenti dwar l-ikel li jingħata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ilmenti li rċieva minn anzjani, membri tal-familji tagħhom jew persuni oħra dwar l-ikel li jingħata fid-djar tal-anzjani fis-snin 2021, 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-raġunijiet ta’ dawn l-ilmenti u x’għamel biex jittratta dawn l-ilmenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani (OPSA) hija l-awtorità responsabbli tal-istandards fid-djar residenzjali kollha. Ninsab infurmat illi lmenti, investigazzjonijiet u spezzjonijiet jiġu kkordinati wkoll b’mod indipendenti min-naħa ta’ din l-awtorità. Ġejt infurmat illi l-Awtorità ħadet il-passi neċessarji biex isiru l-aġġustamenti biex titraġna s-sitwazzjoni filwaqt li kien hemm ilmenti, li ma kinux ġustifikati u allura ma kien hemm bżonn ta’ ebda azzjoni ulterjuri filwaqt illi kien hemm każ wieħed li ma setax jiġi investigat minħabba nuqqas ta’ informazzjoni; u każ ieħor għadu qed jiġi investigat. Għar-rigward tal-ilmenti li rċiviet l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, dawn jiġu spezzjonati mis-sezzjoni tal-Quality Assurance (QA) fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Waqt l-ispezzjoni, it-tim tal-QA jiddiskuti mal-anzjani u jkun preżenti waqt it-tqassim tal-ikel biex jassiguraw li l-ikel u s-servizz li qed jiġu offruti jkunu ta’ livell adattat. Meta jkun hemm nuqqas, it-tim tal-QA jiġbed l-attenzjoni tal-maniġment tad-dar u jsegwi l-każijiet sakemm jiġu indirizzati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament tal-informazzjoni mitluba.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Ilmenti dwar l-ikel li jingħata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ilmenti li rċieva minn anzjani, membri tal-familji tagħhom jew persuni oħra dwar l-ikel li jingħata fil-Faċilità San Vinċenz de Paul fis-snin 2021, 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-raġunijiet ta’ dawn l-ilmenti u x’għamel biex jittratta dawn l-ilmenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull ilment li jirċievi SVDP jiġi evalwat mid-dipartiment tal-Quality Assurance, biex ikun assigurat li l-prodotti tal-ikel huma skont il-livelli ta’ kwalità. Dwar ilmenti individwali oħrajn, ninsab infurmat illi jiġu kkuntattjati l-qraba u ssir laqgħa magħhom biex jiġi vverifikat l-ilment. Min-naħa tal-OPSA, kull ilment li jasal għandha jkun investigat. Dwar l-ilmenti li rċiviet, infurmat illi ma nstabux nuqqasijiet kif kien qed jiġi allegat. L-Awtorità tagħmel spezzjonijiet varji u infurmat li nstab livell adekwat u abbundanti. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kumplament tal-informazzjoni mitluba.

L-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech — Ilmenti dwar l-ikel li jingħata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ilmenti li rċieva minn anzjani, membri tal-familji tagħhom jew persuni oħra dwar l-ikel li jingħata fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech fis-snin 2021, 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-raġunijiet ta’ dawn l-ilmenti u x’għamel biex jittratta dawn l-ilmenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi kull ilment li jirċievi l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech jiġi evalwat mid-dipartiment tal-Quality Assurance, biex ikun assigurat li l-prodotti tal-ikel huma skont il-livelli ta’ kwalita’. Dwar ilmenti individwali oħrajn bħal: ikel mux bit-temperatura mixtieqa, pożati u kosistenza fil-preżentazzjoni tal-ikel, ninsab infurmat li l-istaff ħa azzjoni u bidel fejn kien hemm bżonn. Rigward l-ikel li jġibu l-qraba għall-pazjenti ma jerġax jiġi msaħħan minħabba r-riskju ta’ Salmonella u dan hu skond il-policy tal-isptar. F’każijiet bħal dawn, l-isptar dejjem joffri ikel li jkun qed jiġi offrut. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kumplament tal-informazzjoni mitluba.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali — Kummissarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex it-titlu ‘Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżordni Mentali’ li jinsab fl-Att dwar is-Saħħa Mentali jinbidel u jibda jintuża t-titlu ‘kummissarju għas-saħħa mentali’?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġett qed jiġi kkunsidrat.

Mental Welfare Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Mental Welfare Officers bħalissa u x’background għandhom? Jista’ jgħid jekk dawn humiex qegħdin jingħataw taħriġ speċjalizzat dwar it-tħaddim tal-Att dwar is-Saħħa Mentali? Meta sar l-aħħar taħriġ għall-mental welfare officers? Min ta dan it-taħriġ? Kemm-il-sessjoni kien hemm u kif kien imqassam?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa għandna wieħed u tletin (31) Mental Welfare Officer li huma social workers u membri tal-istaff mill-professjoni tal-infermiera. Kollha għandhom esperjenza fis-saħħa mentali. Dawn jingħataw taħrig speċjalizzat u bbażżat speċifikament fuq it-tħaddim tal-Att dwar is-Saħħa Mentali. L-aħħar sessjoni ta’ taħriġ saret f’April 2024. It-taħriġ u l-valutazzjoni għal dan il-kors huma ikkoordinati mill-psikjatra Dr Joseph Roger Saliba, b’appoġġ mill-Prof Anton Grech, Clinical Chair tas-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali. Il-kors jinkludi żewġ sessjonijiet u żewġ tutorials. Fi tmiem il-kors isir eżerċizzju ta' evalwazzjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx intlaħaq il-livell mixtieq.

Mental Welfare Officers fuq bażi on-call

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Mental Welfare Officers li jaħdmu fuq bażi on-call u joħorġu barra mill-isptar biex jagħmlu l-assessment tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm ħames (5) Mental Welfare Officers li jaħdmu fuq bażi on-call u joħorġu barra mill-isptar biex jagħmlu l-assessment tagħhom.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali – Intervisti mal-pazjenti

Question

Fid-dawl tal-fatt li artiklu 12 (2)(a) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali jirrikjedi li l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali jintervista lill-pazjent fi żmien 120 siegħa minn mindu jiġi ffirmat it-treatment order, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il intervista saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata ta’ din it-tweġiba, dan l-uffiċċju għamel 591 intervista fid-dawl tal-obbligu skont l-artiklu 12(2)(a) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali.

L-Att dwar is-Saħħa Mentali – Speċjalista indipendenti

Question

Fid-dawl tal-fatt li artiklu 24(5) tal-Att dwar is-Saħħa Mentali jirrikjedi li l-kummissarju jaħtar speċjalista indipendenti biex jivverifika l-invalidità tal-persuna, jista’ l-Ministru jgħid min hu dan l-ispeċjalista indipendenti? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba tqabbad biex jivverifika każijiet bħal dawn minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju responsabbli joħroġ sejħiet b’mod perjodiku li jkunu miftuħin għal kull speċjalista eliġibbli mniżżel fuq ir- Reġistru tal-Ispeċjalisti miżmum mill-Kunsill Mediku ta' Malta. Matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata ta’ din it-tweġiba, dan l-uffiċċju kellu ħamsa u għoxrin (25) speċjalist fil-Psikjatrija li għandhom/ kellhom kuntratt ma’ dan l-uffiċċju sabiex jipprovdu pariri indipendenti lill-Kummissarju. Matul il-perjodu Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha qegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’kollox intalab total ta’ 141-il parir indipendenti relatat ma’ ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ kapaċità mentali.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Sponsorships u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – ftehim ta’ konsulenzi u servizzi legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim ta' konsulenzi u servizzi legali għandhom l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva? Ma' min għandhom ftehimiet f'dan ir-rigward?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Segretarjat għall-Anzjanità Attiva – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi minn Jannar 2024 sal-lum, inxtraw żewġt (2) macbooks għall-użu ta' staff fis-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħlijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l-MITA mhux talli ma toġġezzjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Mediċina — Rasagiline 1mg tabs - Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Rasagiline 1mg tabs, li tinsab fuq il-formolarju tal-Gvern għall-Parkinson’s Disease, kenitx out of stock għal xi perjodu matul ix-xahar ta’ Novembru 2024? Jista’ jagħti tagħrif f’liema perjodu din il-mediċina kienet out of stock matul l-istess xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23656.

MOU — Organizzazzjoni Volontarja Step Up for Parkinsons

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24048 u jgħid jekk sarx il-Memorandum of Understanding mal-Organizzazzjoni Volontarja Step Up For Parkinson's hekk kif ġie imħabbar mill-istess Ministru waqt il-maratona televiżiva ġbir ta' fondi fis-26 ta' Ottubru 2024? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan id-dokument? Jekk le, meta hu mistenni li jsir dan il-MoU?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

ART Clinic

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24158, jista’ l-Ministru jgħid meta (f’liema xhur) huwa ppjanat li l-ART Clinic tibda tara l-klijenti li jkunu qegħdin jistennew trattamenti minn din il-klinika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandix aktar informazzjoni x’inżid f’dan il-mument ma’ dak li diġà weġibt fil-mistoqsija parlamentari 24158.

Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva: Malta 2023 – 2030 — reklutaġġ ta' infermiera fid-djar

Question

B’referenza għall-Għan 2 (L-Anzjanità f'Saħħitha) tal-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva: Malta 2023 - 2030, jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar s’issa sabiex jiżdied ir-reklutaġġ ta' aktar infermiera fid-djar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Settembru 2023, il-Gvern issiġilla mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, ftehim bl-aħjar kundizzjonijiet għal ħaddiema fis-servizz tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, f’Novembru 2024 sar il-ftehim għall-ħaddiema kollha fis-settur pubbliku li jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena u jkopri sas-sena 2030. Minn dan kollu ibbnefikaw fost l-oħrajn l-infermierali b’dawn il-kundizzjonijiet ġodda għandhom iħajjru aktar persuni jidħlu f’din il-professjoni u minhom ikun hemm dawk li jaħdmu fis-settur tal-anzjani.

Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva: Malta 2023 – 2030 — espansjoni tas-servizzi ta’ kenn ta’ billejl

Question

B’referenza għat-Tema 2.1 (Għajxien Indipendenti) tal-Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva: Malta 2023 - 2030, jista’ l-Ministru jgħid x’investiment qed isir fuq l-espansjoni tas-servizzi ta’ kenn ta’ billejl?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, illi l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità żied is-sodod fiċ-ċentru ta’ matul il-lejl ta’ Ħal Safi, fejn kien hemm domanda għas-servizz ta’ kenn ta’ matul il-lejl. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità laħqet ftehim mad-djar residenzjali privati li tixtri s-sodod mingħandhom għall-kura fit-tul, sabiex jipprovdu wkoll sodod minn fejn jingħata s-servizz ta’ kenn ta’ matul il-lejl. Barra minn hekk, m’hemmx lista ta’ stennija għal dan is-servizz.

Spazji miftuħa — Public space risk assesments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru ‘public space risk assessments’ f’pajjiżna sabiex nassiguraw li l-ispazji pubbliċi jkunu aktar aċċessibbli u sikuri għall-anzjani tagħna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jagħmel Risk Assessment kull sentejn fil-binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha. Fir-rigward tar-Residenza San Vinċenz, isir assessjar ta’ riskju tal-ispazji miftuħa u anke tas-swali sabiex ikunu żgurat li dawn ikunu aktar siguri u aċċessibli.

Twelid ta’ trabi – Ġenituri barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi minn persuni barranin li jgħixu Malta, maqsuma xahar b'xahar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.