Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #2561 Sitting 62 2017-12-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Implimentazzjoni tal-Corporate Financial Management Solution

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament nhar it-Tnejn 10 ta' Lulju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Corporate Financial Management Solution (CFMS) u li permezz tagħha d-Dipartimenti tal-Gvern ser jaqilbu minn sistema ta’ cash flow accounting għal sistema ta' accrual accounting?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li qed jitpoġġa fuq il-mejda juri sa paġna 263 tal-Kuntratt. Il-kumplament tal-kuntratt mhux qed jitpoġġa fuq il-mejda minħabba s-sensittività tal-informazzjoni.
Leg 13 PQ #2701 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Komunikazzjonijiet ma’ impjegati tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-FIAU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu qattx ħa sehem f’konversazzjonijiet (sia jekk in persona kif ukoll jekk permezz ta’ kwalunkwè forma ta’ komunikazzjoni oħra) ma’ kwalunkwe membru/i tal-Bord tal-Gvernaturi jew ma’ kwalunkwe uffiċjal/i u/jew impjegat/i tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) jew ma’ kwalunkwe membru tal-Korp tal-Pulizija li fiha/fihom issemmew l-ex uffiċjali tal-FIAU li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istess tweġiba li tajt lill-Onorevoli Ryan Callus fil-mistoqsija supplimentari tiegħu għal PQ 347 tas-seduta numru 59 tad-29 ta’ Novembru 2017 tapplika wkoll għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 13 PQ #2702 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Bord tal-Gvernaturi u FIAU — komunikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu qattx irċieva mingħand xi membru/i tal-Bord tal-Gvernaturi jew mingħand xi uffiċjal/i u/jew impjegat/i tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) jew mingħand xi membru tal-Korp tal-Pulizija, xi komunikazzjoni li fiha/fihom issemmew l-ex uffiċjali tal-FIAU li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istess tweġiba li tajt lill-Onorevoli Ryan Callus fil-mistoqsija supplimentari tiegħu għal PQ 347 tas-seduta numru 59 tad-29 ta’ Novembru 2017 tapplika wkoll għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 13 PQ #2703 Sitting 60 2017-12-04 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU u Bord tal-Gvernaturi — komunikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu qattx talab (kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament) mingħand xi membru/i tal-Bord tal-Gvernaturi jew mingħand xi uffiċjal/i u/jew impjegat/i tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) jew mingħand xi membru tal-Korp tal-Pulizija xi komunikazzjoni li fiha/fihom issemmew l-ex uffiċjali tal-FIAU li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Fil-każ li tali konversazzjoni/jiet u/jew komunikazzjoni jew talba/iet seħħet/seħħew, jista’ jgħid jekk tali konversazzjoni/jiet u/jew komunikazzjoni jew talba/iet seħħitx/seħħewx qabel li kien ġie kkomunikat lill-istess persuni li l-impjieg tagħhom mal-FIAU kien qed jiġi tterminat u l-isem u l-kunjom tal-persuna/i li magħha/magħhom tali konversazzjoni/jiet u/jew komunikazzjoni jew talba/iet seħħet/seħħew jew li lilha/lilhom saret it-talba għall-informazzjoni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istess tweġiba li tajt lill-Onorevoli Ryan Callus fil-mistoqsija supplimentari tiegħu għal PQ 347 tas-seduta numru 59 tad-29 ta’ Novembru 2017 tapplika wkoll għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 13 PQ #347 Sitting 59 2017-11-29 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2534 Sitting 58 2017-11-28 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1753 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2452 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – investigazzjoni b’rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG u kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2246, ladarba l-Ministru wieġeb li m’għandux informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u ġaladarba huwa fatt magħruf li kien hemm investigazzjoni dwar allegat rabta bejn il-kumpanija li topera t-tanker LNG f’Marsaxlokk u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) li allegatament minnha kellhom jgħaddu flus lejn il-kumpanija fil-Panama tal-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament (b), u ġaladarba m’hemmx dubju li huwa fl-interess pubbliku li kulħadd ikun jaf kif spiċċat din l-investigazzjoni, jista’ għaldaqstant il-Ministru tal-Finanzi jgħid kif il-pubbliku jista’ jkun infurmat b’dak li investigat l-FIAU? X’mezzi għandu l-pubbliku biex ikun jaf x’sar minn din l-investigazzjoni minn entità li, wara kollox, titħallas minn flus il-poplu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Kif jaf l-Onor. Interpellant l-Korpi għall-Investigazzjoni Finanzjarja kullimkien joperaw taħt l-obbligu tas-sigriet u dan minħabba l-istess natura tagħhom bħala aġenziji ta’ “intelligence”. Il-kooperazzjoni internazzjonali bejn dawn il-korpi ssir ukoll bl-obbligu tas-sigriet u ebda tali korp ma huwa se jaqsam informazzjoni ħlief taħt dan l-obbligu. Is-segretezza fl-investigazzjonijiet ta’ dawn il-korpi hija għalhekk materja ta’ interess pubbliku. F’dan il-kuntest l-Onor. Interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 33 u 34 tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) li jirriflettu l-istandards internazzjonali mahruga mill-FATF u l-Grupp EGMONT.
Leg 13 PQ #2043 Sitting 53 2017-11-15 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — sistema tal-informatika mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk l-entitajiet/dipartimenti fid-deskasteru tiegħu/tagħha li għad għandhom l-użu tas-sistema tal-informatika tagħhom mhux kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ jista’ jgħid liema huma d-dipartimenti/entitajiet u x’qed isir biex din issir aċċessibbli?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ilu jsegwi l-linja-gwida tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika (FITA) mindu din twaqqfet fis-sena 2000.
Leg 13 PQ #304 Sitting 51 2017-11-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata ebda xogħol legali jew intalbet konsulenza mill-entitajiet fid-dekasteru lill-individwu jew ditta legali msemmija fil-mistoqsija parlamentari.
Leg 13 PQ #2246 Sitting 51 2017-11-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

FIAU – rapport dwar allegat ta’ flus mgħoddija mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG lejn kumpanija f’Dubai

Question

Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “Exclusive: Proof of Kickbacks to Mizzi and Schembri from LNG tanker - FIAU” li deher f’The Malta Independent tad-29 ta’ Mejju 2017, fejn ġie allegat li għaddew flus mill-kumpanija tat-tanker tal-LNG li jinsab Marsaxlokk lejn kumpanija miftuħa apposta f’Dubai (a) li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, dejjem skont ir-rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), sabiex jgħaddu minnha flus intenzjonati biex jaslu għand il-kumpaniji fil-Panama li nfetħu mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (b) u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (c), jista’ l-Ministru jgħid, x’sar minn dan ir-rapport tal-FIAU, jekk tlestix, jekk għaddhiex għand il-Pulizija jew xi awtorità oħra u jekk hu l-każ, x’passi ttieħdu jew se jittieħdu dwar dan il-każ?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

L-Onorevoli Membru huwa infurmat illi l-Ministru għall-Finanzi ma jkollux informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet individwali tal-FIAU kif fil-fatt lanqas ma jkollu din l-informazzjoni l-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU stess. L-FIAU tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha permezz tal-istaff eżekuttiv tagħha stess li huwa mmexxi mid-Direttur tal-FIAU. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att kontra l-Money Laundering (Kap 373) jekk l-FIAU jidhrilha li mill-investigazzjoni tagħha jkun irriżulta suspett raġjonevoli li jkun sar ħasil ta’ flus jew iffinanzjar ta’ terroriżmu hija tgħaddi r-rapport tagħha lill-Pulizija. F’dan il-kuntest l-Onorevoli interpellant qiegħed jiġi riferut għall-artikoli 16 (1) (b), 31, 33, u 34 tal-Att Kontra l-Money Laundering.
Leg 13 PQ #2248 Sitting 51 2017-11-13 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — Chairman

Question

Fid-dawl tal-artiklu ntitolat “MFSA chief linked to BVI-Russia investment” li deher f’The Times of Malta tas-6 ta’ Novembru 2017, fejn qed jingħad li ċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għandu interessi kummerċjali f’entitajiet reġistrati fil-BVI u li jinvolvu kumpanija Russa tal-mining, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux komdu li ċ-Chairperson tal-MFSA, li huwa l-wiċċ tas-settur tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta, settur daqstant importanti, ikollu tali interessi u jekk iħossx li l-aġir tal-imsemmi Chairperson hux etiku, leġittimu u regolari f’għajnejn il-Ministru? Jista’ l-Ministru jgħid jekk iħossx li, in vista ta’ dan, l-imsemmi Chairperson m’għadx għandu lok li jmexxi l-MFSA?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #2264 Sitting 51 2017-11-13 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il seduta nżammet mit-Tribunal għas-Sanzjoniet Kummerċjali tul din is-sena (2017)? Jista’ il-Ministru jgħid ukoll kemm-il persuna jew kumpanija dehru quddiem dan it-Tribunal u kemm ġew blacklisted?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-Tribuanl għas-Sanzjonijiet Kummerċjali sa llum 9 ta’ Novembru ltaqa’ għaxar (10) darbiet. It-Tribunal għandu żewġ (2) każijiet imressqa quddiemu u li għadhom taħt proċess ta’ investigazzjoni. Għalhekk s’issa ma kien hemm l-ebda blacklisting.
Leg 13 PQ #1956 Sitting 50 2017-11-08 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 94 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn part-timers saru full-timers fil-perjodu inkwistjoni.
Leg 13 PQ #2028 Sitting 50 2017-11-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu/tagħha li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #288 Sitting 49 2017-11-07 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Awtorizzazzjoni ta’ Direct Order fuq is-sistema ta’ IT

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull awtorizzazzjoni li kemm hu kif ukoll is-Segretarju Permanenti tiegħu taw bil-miktub għad-direct order ta' iktar minn €1 miljun (VAT inkluż) mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal sistema ta' IT fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la l-Ministru għall-Finanzi u lanqas is-Segretarju Permanenti tiegħu ma approvaw ebda direct order bil-miktub kif imsemmi fil-mistoqsija.
Leg 13 PQ #2173 Sitting 49 2017-11-07 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodi imsemmija ingħataw 6 direct orders kollha għall-iStock Exchange bħala konsulenzi mill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament
Leg 13 PQ #2013 Sitting 48 2017-11-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma ilmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru għall-Finanzi, kien hemm każ wiehed fl-Inland Revenue Department, fejn persuna b’diżabilita għamlet ilment li ma setgħetx twettaq ix-xogħol tagħha minħabba l-limitazzjoni mposta mid-diżabilita tagħha.
Leg 13 PQ #2135 Sitting 48 2017-11-06 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għall-Finanzi

Childcare Centres – tnaqqis ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jibagħtu lil uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li matul is-snin 2015 u 2016 ibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa? Kemm hu maħsub li ġiet iffrankata taxxa b’kollox?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena Bażi 2015 kien hemm 3,524 persuna li talbu deduzzjoni għall-child-care. Ġiet iffrankata € 361,024 Fis-sena Bażi 2016 kien hemm 3,390 persuna li talbu deduzzjoni għall-child-care. Ġiet iffrankata €349,693
Leg 13 PQ #2136 Sitting 48 2017-11-06 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għall-Finanzi

Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal s’issa għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, xahar b’xahar, u kemm minnhom ġew riżolti? Minn dawn il-każijiet riżolti, kemm minnhom inqatgħu favur il-konsumatur u kemm le?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #2137 Sitting 48 2017-11-06 Oral · Final From: ROBERT ABELA To: Ministeru għall-Finanzi

Pensjonanti – skema ta’ Bonds 62+

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti li bbenefikaw mill-iskema ta’ Bonds 62+? Kemm ġew allokati fondi għal dan il-għan?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Teżor ħareġ żewġ tranches tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta wieħed f’Settembru u ieħor f’Ottubru 2017. Iż-żewġ bonds kellhom termini u kondizzjonijet simili għal xulxin. Fil-ħruġ ta’ Settembru applikaw 12,242 individwi eliġibbli filwaqt fil-ħruġ ta’ Ottubru applikaw 3,959 applikanti eliġibbli ġodda. B’kollox applikaw 16,201 individwi eliġibbli u t-Teżor alloka s-somma totali ta’ €99,638,900 b’ €69,895,000 allokati fil-ħruġ ta’ Settembru u €29,743,900 allokati fil-ħruġ ta’ Ottubru 2017.