Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Awtorità Statali Equestri Malta — Korsa tal-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità Statali Equestri Malta b'bord ta' Diretturi appuntat mill-Ministru nnifsu, għadha sal-lum ma ħadet l-ebda passi kontra l-kuntrattur li ngħata l-konċessjoni tal-korsa tal-Marsa meta l-investiment imwiegħed għadu ma sarx u meta matul dawn l-aħħar seba' snin il-korsa tal-Marsa hija fl-agħar stat li qatt kienet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm l-entita msemmija, u kif ukoll il-bord imsemmi, flimkien mal-stakeholders neċessarji qegħdin jgħamlu dak kollu possibli sabiex il-Korsa tal-Marsa tkun fl-aħjar stat possibli, b’investimenti xierqa.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħtu għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti: a. L-isem l-attivita; b. L-iskop tal-attività; c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.); d. Id-Data tal-attività; e. Il-post fejn saret; f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Kif l-Onor. Interpellanta konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.

Aġenzija Żgħazagħ — Għajnuna lill-KNZ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-għajnuna li l-Aġenzija Żgħażagħ tagħti lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f'konformità man-National Youth Policy (NYP), l-entita Aġenzija Żgħażagħ hi mpenjata fl-iżvilupp ta' inizjattivi u attivitajiet ta' kollaborazzjoni mal-KNŻ biex trawwem l-għanijiet strateġiċi tal-NYP, partikolarment iċ-ċirkostanzi li dejjem jinbidlu, sfidi u opportunitajiet ġodda tal-vuċijiet u l-ħajja taż-żgħażagħ f’Malta. L-għan primarju tal-entita huwa li jgħin lill-KNŻ fil-ħolqien ta' pjattaformi ta' djalogu għaż-żgħażagħ permezz ta' mezzi differenti bħal; l-identifikazzjoni u r-riċerka xjentifika tal-bżonnijiet taż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' pjattaformi kreattivi, u l-ġbir u t-tixrid ta' informazzjoni dwar l-edukazzjoni ċivika. Infurmat li l-appoġġ kollu mogħti joħroġ mill-Memorandum of Understanding iffirmat bejn iż-żewġ partijiet.

Aġenzija Żgħażagħ — Attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista tal-attivitajiet kollha li ġew organizzati mill-Aġenzija Żgħażagħ mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mandat tal-entità msemmija jmur lil hinn mill-avvenimenti, li huma l-aspett ta’ tixrid tas-servizzi kollha ta’ ħidma maż-żgħażagħ li l-entità nazzjonali taż-żgħażagħ tipprovdi fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonalment. Madanakollu l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Żgħażagħ — Fondi ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm akkwistat fondi ewropej l-Aġenzija Żgħażagħ mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti lista ta’ kull akkwist u għal liema skop intużaw il-fondi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti Għawdxin — Sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdied is-sussidju tal-istudenti Għawdxin minn meta beda jingħata dan is-sussidju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jagħti l-figuri sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Kindergarten Educators Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Kindergarten Educators (KGE) Għawdxin li fil-preżent qed jaħdmu fi skejjel primarji ġewwa Malta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma relievers u kemm ilhom relievers?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 31 KGE li qed jaħdmu fi skejjel primarji ġewwa Malta. Infurmat li minn dawn il-31 KGE hemm 13-il reliever u ilhom jaħdmu bħala reliever skont it-tabella hawn taħt; Perjodu Numru ta’ KGE Minn Settembru 2023 1 Minn Frar 2024 1 Minn Settembru 2024 11 Total 13

MUT — Skola Guardian Angel - Direttivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21552, 21764, 21935 u 22249 u jgħid jekk il-Malta Union of Teachers (MUT) ħarġitx direttivi fir-rigward tal-Iskola Guardian Angel matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024? Jekk iva, liema huma, għaliex inħarġu, meta nħarġu u meta twaqqfu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; · Direttiva li ħarġet lill-membri fl-2022 dwar l-għawm minħabba riskji għas-saħħa u s-sigurtà · Direttiva li ħarġet lill-membri fl-2023 biex jipprovdu protezzjoni minn ġenitur/tutur · Direttiva li ħarġet lill-membri fl-2023 biex joqgħodu lura mill0 jwettqu xi kompiti. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li dawn id-direttivi kollha ġew sospiżi.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2024?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W94.

Trasport tal-iskola – Ħin ta’ ġbir tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħin qabel tiftaħ l-iskola, jistgħu jinġabru t-tfal tal-iskola fl-iskejjel kollha bl-inizjattiva tat-trasport bla ħlas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; 1. Tfal li jattendu skejjel primarja ma jistgħux jinġabru aktar kmieni minn tlett kwarti qabel il-ħin uffiċjali tal-ftuħ tal-iskola. 2. Tfal li jattendu skejjel medji u sekonadrji (peres li jkopru distanzi itwal) ma jistgħux jinġabru aktar kmieni minn siegħa u nofs qabel il-ħin uffiċjali tal-ftuħ tal-iskola. 3. Hemm xi rottot li eċċezzjoni tista’ tapplika fejn tfal jistgħu jinġabru kwarta qabel dan t’hawn fuq minħabba ditanza li jridu jkopru ghax inkella ma jaslux fil-ħin (eżempju minn Ċirkewwa sa MAVP, Ħamrun) 4. Tfal li jattendu Resource Centres jistgħu jinġabru mhux qabel 08:00AM minħabba xi rutini mediċi li dawn it-tfal jistgħu jkollhom bżonn.

Trasport tal-iskola – Xufiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera li qed isuqu lit-tfal tal-iskola taħt l-inizjattiva tat-trasport bla ħlas, humiex soġġetti għal skrutinju qabel jitħallew isuqu mal-kumpaniji rispettivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull xufier li jopera fil-qasam tal-iskema tat-trasport lejn l-iskejjel mingħajr ħlas huwa suġġett li jkollu driver tag maħruġa minn Transport Malta. Infurmat ukoll li kull sena l-Operatur jiġi mitlub li jressaq rikors fil-qrati ta’ Malta sabiex jassigura li x-xuffiera mqabbda m’humiex mniżżla fir-Reġistru tal-POMA.

KNZ — Baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-baġit tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-baġit tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) f’dawn l-aħħar ħames snin jammonta għal €103,000 maqsum kif ġej: · Sena 2020 - €14,000 · Sena 2021 - €14,000 * · Sena 2022 - €25,000 · Sena 2023 - €25,000 · Sena 2024 - €25,000 *Nota: Fis-sena 2021, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) kien jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.

KNZ — Ħlas tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-ħaddiema tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) jitħallsu direttament minnhom u mhux mill-Aġenzija Żgħażagħ jew mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Aġenzija Żgħażagħ tgħati sapport kontinwu lil KNZ. Infurmat li l-KNZ jiġu allokati fondi pubbliċi sabiex jamministrawhom b’mod indipendenti u awtonomu.

Youth Advisory Forum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-Youth Advisory Forum? Jista’ wkoll jagħti elenku fiex kienet tikkonsisti l-ħidma ta’ dan il-forum s’issa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Studenti bil-kundizzjoni tal-ADHD

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student li għandu l-kundizzjoni tal-ADHD beda/kompla bl-istudju tiegħu fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni separatament għal kull livell ta' edukazzjoni (skejjel primarji, medji/sekondarji, terzjarja, MCAST, Università, eċċ.) u allura jgħid kemm hawn studenti li għandhom din il-kundizzjoni f’kull livell? Jista' wkoll jaqsam din l-informazzjoni skont jekk l-iskejjel humiex tal-Istat, tal-Knisja jew tal-privat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, it-total ta’ studenti li għandhom ADHD li bdew/komplew bl-istudji tagħhom jammonta għal 1,395. Filwaqt li n-numru ta’ studenti rreġistrati mal-Inclusive Education Unit fl-MCAST għal ADHD hu ta’ 331 student. Infurmat li l-Università ta’ Malta tista’ tippublika l-figuri wara l-aħħar tas-sena.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-dekasteru u fis-segretarjat tiegħu li jaħdmu part-time?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel – Servizzi ta' counselling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li użaw is-servizzi ta’ counselling fl-iskejjel pubbliċi fis-sena skolastika 2023-2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-età tagħhom u għal liema raġuni ħtieġu din l-għajnuna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li ma komplewx L-Ikola obbligatorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li ma komplewx l-iskola obbligatorja fis-sena skolastika 2023-2024?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 10 studenti li ma komplewx l-iskola obbligatorja matul is-sena skolastika msemmija. L-istudenti msemmija kollha kellhom rekord ta’ assenteiżmu. Konsegwentement, ġew riferuti għal diversi servizzi biex jgħinuhom jintegraw ruħhom bis-saħħa ta’ strateġiji varji bħal pereżempju time-table ridotta. Għaldaqstant, il-professjonisti involuti, flimkien mat-tim maniġerjali tal-iskola, qablu li l-aħjar strateġija għall-ġid tal-istudent tkun li jintegra ruħu fid-dinja tax-xogħol. Infurmat li t-talbiet kollha għall-eżenzjonijiet jintbagħtu u jiġu approvati mid-DIER. Hekk kif toħroġ l-eżenzjoni jkunu mmarkati bħala eżentati fuq l-MIS. F’każ li l-istudent ikollu diffikultajiet soċjali jsir kuntatt ma’ servizzi jew professjonisti oħra involuti. L-eżenzjonijiet jinħarġu biss għal dawk l-istudenti li jkunu għalqu 15-il sena.

Educational Psychologists — Lista ta' stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li għadhom qed jistennew l-assessment tal-educational psychologist? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-iktar referral antika bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż.