Pjazza tax-Xewkija – project leader tal-proġett ta’ pavimentar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-Project Leader (isem u kunjom) tal-Proġett ta’ Pavimentar u xogħol ieħor li sar is-sena l-oħra ġewwa l-Pjazza tax-Xewkija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Project Leader kien uffiċjal mil-Ministeru għal-Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ alka nġabret, mil-liema bajjiet ġewwa Għawdex inġabret, minn min sar ix-xogħol ta’ ġbir tal-alka, jekk sarx bl-idejn jew inkella b’makkinarju apposta u fejn twaddbet l-alka wara li nġabret mill-bajjiet mill-1 ta’ Jannar 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-alka tinġabar prinċiparjament mill-bajjiet ta’ Marsalforn, il-Qbajjar, ir-Ramla u Daħlet Qorrot. Il-ġbir tal-alka isir mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex, ħafna drabi bl-idejn u xi drabi wkoll bl-użu ta’ makkinarju. Wara li tinġabar l-alka tintbagħat il-Wasteserv. Għalkemm l-alka tinġabar separatament minn skart ieħor, din l-informazzjoni ma tinżammx b’mod separat mill-Wasteserv. L-ammont ta’ materjal kollu li inġabar mill-bajjiet sa meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija huwa ta’ ftit iktar 358 tunellata.
Taċ-Ċawla, Rabat Għawdex – tender għal bini ta’ appartamenti u open spaces ikkanċellata
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li ġiet ikkanċellata fil-15 ta Mejju 2020: Tender for the Construction of a Block of Apartments and Open Spaces at the Housing Estate at taċ-Ċawla, Victoria, Gozo, u jgħid jekk din it-tender reġgħetx ħarġet mill-ġdid u jekk le x'inhuma r-raġunijiet li din l-imsemmija tender għadha ma ħarġitx mill-ġdid?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender se jerġa’ joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15522 u jgħid fil-proġett li għaddej bħalissa ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa fil-Promenade ta' Marsalforn x'varjazzjonijiet kien hemm s’issa, min talab għalihom, kemm ġew jiswew u min awtorizza dawn il-varjazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol infrastrutturali fil-Menqa huwa komplut.
Il-varjazzjonijiet jammontaw għal madwar miljun ewro’, fejn l-parti l-kbira tagħhom huma għal fatt li fl-2019, kienet ittieħdet d-deċiżżjoni li minflok
concrete tiles
jintuża’
porfido
bl-istess prezz u għaldaqstant filwaqt li qed jintuza materjal superjuri bl-istess prezz, teknikament jiġi mniżżel bħala varjazzjoni peress li ikun
line-item
ġdid.
Infurmat li dawn ġew mitluba mill-Perit tal-proġett u approvati md-Dipartiment tal-Kuntratti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15475 u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu fuq it-Torri tal-Qbajjar li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir xi ħaġa mmedjata biex dan il-bini storiku ma jiġġarrafx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16440 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għal Għawdex u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11393, li kopriet il-perjodu sa Settembru li għadda, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu nklużi, hu kif ġej:
Ottubru-Diċembru 2019: Xejn
Jannar-Settembru 2020: 6 talbiet
Is-sitt talbiet li kien hemm kienu kollha rrifjutati. Dan kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru u fejn saru parks ġodda għall-familja ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u kemm kienet l-ispiża u kemm hemm ippjanati li jsiru u fejn huma ppjanati li jsiru parks ġodda għall-familja ġewwa Għawdex matul is-sena 2021?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed iħejji pjan biex il-proġett tal-park għall-familja f’Ulysses Grove, li jinsab fix-Xewkija, jitkompla matul s-sena d-dieħla. L-ewwel fażi tal-proġett, li kienet tinkludi trakka għall-mixi u l-ġiri, hija diġa lesta. Apparti hekk, matul din is-sena u s-sena d-dieħla se jsir upgrade ta’ Ġnien il-Familja, li jinsab fil-Qala. Dan l-upgrade jinkludi afforestazzjoni u Dog Park.
Ministeru għal Għawdex – lista ta’ bordijiet u kumitati
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? F'kull każ jista' jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 16565 Ministeru għal Għawdex lista ta bordijiet u kumitati.pdf
Multi Modal Hub f’Ta’ Xhajma fin-Nadur — oġġezzjonijiet
Question
B' referenza għall-proġett li hemm ippjanat li jsir ta' Multi Modal Hub f’Ta' Xħajma fin-Nadur Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'se jsir biex l-oġġezzjonijiet li qed jagħmlu s-Superintendence of Cultural Heritage u s-CHAC rigward dan il-proġett li qed jgħidu li: 'the proposes works Outside Development Zone in an area of archaeological potential, very visible from significant viewpoints, including the Xagħra Plateau (especially around Ġgantija) and from the knoll known as in-Nuffara'? Jista’ jgħid fil-konkret x'se jsir biex dawn l-oġġezzjonijiet jiġu sorpassati? Jista’ jara li l-pjanti jiġu mibdula u l-proġett ma jkollux impatt viżiv negattiv fuq il-madwar speċjalment mix-Xagħra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta s-Superintendence of Cultural Heritage (SCH) ħarġet b’dan l-statement, il-pjanti ġew emendati biex ikunu konformi mal-istess suġġerimenti tal-SCH.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15460 u jgħid jekk it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għall-baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġiex ippubblikat u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tender ma kienx ħareġ għal raġuni li ġie deċiż li dan ikun inkorporat bħala parti mill-Master Plan li tiġbor fiha proġett ħolistiku tar-riġenerazzjoni tax-Xlendi.
Ministeru għal Għawdex — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat Privat hemm tlett karigi li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku. Dawn huma; Private Secretary, Secretariat Officer, u Secretariat Messenger/Charwoman.
Tender for the provision of project management support services for the reconstruction of Triq l-Imġarr (Nadur) and Triq Sant'Antnin (Għsielem) Gozo including structural, infrastructural and piling works'
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'Tender for the provision of project management support services for the reconstruction of Triq l-Imġarr (Nadur) and Triq Sant'Antnin (Għsielem) Gozo including structural, infrastructural and piling works' li għalqet fit-30 ta' Gunju 2020? Peress li dan il-proġett taż-żewġ toroq ilu iktar minn sena li beda, jista’ jgħid min kien qed jipprovdi dawn is-servizzi f'dawn l-aħħar xhur? Jista' jispjega kif din it-tender inħarġet wara li nbeda x-xogħol? Ma jaħsibx li dan huwa nuqqas serju ta' ippjanar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jassigura li dawn t-toroq ikunu ta’ prijorita. Triq Sant’Antnin ser tkun qed terġa tinfetaħ għall-aċċess għall-vetturi fi ftit tal-ġimgħat oħra, fejn aktar minn 70% tax-xogħol huwa komplut, filwaqt li fi Triq l-Imġarr ix-xogħol miexi b’rittmu tajjeb wara li ġew sorvoljati l-issues tal-istruttura u tal-ġeoloġija. Se nkunu qed naraw li din it-triq tkun lesta sa bejn it-tieni kwart u t-tielet kwart tas-sena 2021.
Il-Ministeru għal Għawdex, preżentament qed jagħmel użu ta’ servizzi oħrajn nkluż dawk ta’ l-istess Ministeru. Il-prijorita’ hi li dan ix-xogħol infrastrutturali jitlesta mill-aktar fis u bl-aħjar mod possibli.
'Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls' — CT3068/2019
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li għalqet fl-14 ta' Jannar 2019 'Tender for the Reconstruction and Upgrade of Link between Rabat and Marsalforn, Gozo, Including the Construction of Rubble Walls' - CT3068/2019, u jgħid minn min hu ffurmat il-Konsorzju (isem tal-kumpaniji jew individwi) li rebaħ din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender intrebaħ minn GP Gozo Consortium li huwa ffurmat minn Gatt Tarmac Ltd u Prax Concrete Ltd.
Ir-Rabat Għawdex – Triq l-Imgħallem – bini ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15686 u 15290 kollha kemm huma u ċjoè: B'referenza għax-xogħol li xi darba għandu jsir fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imgħallem ġewwa r-Rabat Għawdex fejn ta' kuljum jgħaddu mijiet ta' karozzi u trakkijiet minn din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid:
a. jekk hux ser isiru
walk through culverts
biex is-servizzi jgħaddu minn ġo fihom u b’hekk qatt ma jkun hemm bżonn li terġa’ tinqala’ din it-triq arterjali; u jekk le għala ma humiex ħa jsiru? Kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-diskussjonijiet u meta saru (data) li kien hemm bejn l-MGOZ, l-Enemalta u entitajiet oħra rigward il-
walk through culverts
fejn juri li Enemalta u entitajiet oħra aċċettaw li ma jsirux il-Walk Through Culverts fl-imsemmija triq?
b. jekk hux ser jintuża asfalt apposta fuq din it-triq minħabba l-iskid resistance?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpelant li ma ġewx ipproġettati walk through culverts. Il-walk through culverts mhumiex ser isiru f’din it-triq minħabba li parti mix-xogħlijiet ser isiru f’żona AAI tar-Rabat u taċ-Ċittadella, u fil-buffer ta’ Scheduled Class B structural remains.
Din it-triq ħa tinbena skont
standards
tal-Unjoni Ewropea u ta’ Transport Malta, u kklassifikata bħala ‘
Construction Class V
PAVEMENT CONSTRUCTION 4 - ASPHALT, TYPE 1 AND FOUNDATION COURSE’.
Ministeru għal Għawdex – dħul u ħruġ taħt kull vot finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum, sena b'sena, f’kull dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu, x’kien id-dħul u l-ħruġ taħt kull vot finanzjarju? X’kienet in-nefqa kapitali f’dan l-istess perijodu minn kull dipartiment u għal-liema proġetti sar l-infiq kapitali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL6359 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 446 nhar it-Tnejn, 12 ta April 2021)
Attachments:PQ 16542 - Ministeru għal Għawdex dħul u ħruġ taħt kull vot finanzjarju.pdf06359.pdf
Għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex lil Gozo Footbal Association u l-Clubs tal-Football Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna mill-Ministeru tiegħu lill-Gozo Football Association u l-Clubs tal-Football Għawdxin matul is-sena 2020 sal-lum biex ikunu jistgħu jlestu l-faċilitajiet ta’ pitches bit-turf artifiċjali u faċilitajiet oħra anċilleri? Jista’ jgħid kemm ingħatat l-Assoċjazzjoni Għawdxija u kemm ingħata kull club Għawdxi? Kemm hu mistenni li tingħata għajnuna sal-aħħar ta’ din is-sena u matul is-sena 2021 lill-Assoċjazzjoni tal-Football Għawdxija u lill-Clubs Għawdxin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena, sa’ issa, ma ngħatat l-ebda għajnuna la lill- Gozo Football Association u lanqas lill-Clubs tal-Football Għawdxin. Pero’ għaddejjin b’diskussjonijiet mal-GFA fuq numru ta’ proġetti, fejn l-istess Ministeru jista’ jkun qiegħed jassisti.
B'referenza għal-Work Trial Scheme li tħabbret fix-xahar ta' Ġunju 2020 mil-Ministru għal Għawdex għal studenti Għawdxin ta' bejn is-16 u l-20 sena li riedu jaħdmu Għawdex matul is-Sajf 2020, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li bbenefikaw minn din l-iskema, l-etajiet tagħhom, kif ukoll kemm minnhom ħadmu fis-Servizz Pubbliku ġewwa Għawdex u fejn ħadmu u kemm minnhom ħadmu mal-privat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm total ta’ 226 student li bbenifikaw mil-Work Trial Scheme, bl-etajiet tagħhom huma kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nixtieq inżid ukoll li, l-istudenti kollha li bbenifikaw minn din l-iskema ħadmu kollha mal-privat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kapitali li twettqu jew ser jitwettqu f’Għawdex matul is-snin 2020 u 2021 u li l-ħlas tagħhom se jsir parzjalment minn Fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 16533 - Għawdex Proġetti Kapitali.pdf
Triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn – xogħol
Question
Peress li fl-aħħar baġit kienet issemmiet bi prominenza li matul is-sena 2020 ser jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid tat-triq li mir-Rabat twassal għall-Bajja ta’ Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li din l-imsemmija triq għadu ma beda ebda xogħol infrastrutturali fuqha? Jista’ jgħid f’liema xahar tas-sena 2020 hu ppjanat li jibda x-xogħol fuq din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Tender for the reinforcing and resurfacing of road leading to Blue Lagoon Bay — Comino
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li ħarġet fid-9 ta' Ġunju 2020 MGOZ/MPU T 56/2020 Tender for the reinforcing and resurfacing of road leading to Blue Lagoon Bay - Comino u jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li tkopri din it-tender? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess ta' din it-tender u meta hu mistenni li jibda x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett ta ’din l-offerta huwa t-tisħiħ u l-kisi mill-ġdid tat-triq li twassal għal Blue Lagoon Bay - Kemmuna. L-offerta ngħatat fis-6 t’Awwissu 2020. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.