Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – canteen

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ngħalaq il-canteen tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid kif qed jinqdew il-pazjenti u l-ħaddiema li jkollhom bżonn jixtru xi bżonnijiet issa li l-canteen huwa magħluq? Jista' jgħid meta hu maħsub li se jerġa’ jinfetaħ dan il-canteen?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-canteen li kien hemm fejn il-gate prinċipali tal-isptar Ġenerali ta’Għawdex ingħalaq fi Frar 2017. Il-pazjenti u l-ħaddiema li jkollhom bżonn jixtru xi bżonnijiet għandhom il-faċilita’ li jagħmlu dan minn numru ta’ vending machines li hemm mqassma mal-isptar kollu kif ukoll food truck li jinsab fil-parking area tal-istess sptar. Huwa maħsub li se jkun hemm canteen areas kemm għal istaff kif ukoll għal pazjenti u qrabathom fil-bini tal-isptar akut il-ġdid.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Dipartiment tad-Dermatoloġija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm attendew pazjenti fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fis-sena 2017, 2018 u 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ attendenzi fid-Dipartiment tad-Dermatoloġija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fis-sena 2017 kien 1346, fl-2018 kien 1394 u minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena kien 979.

Ministeru għas-Saħħa — servizzi ta' kumpanija għal microtargeting

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu użatx is-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum? Jekk iva, meta u għalxiex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda entità jew dipartiment fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma għamel użu mis-servizzi tad-ditta li d-dettalji dwarha ngħataw separatament għal microtargeting mill-2013 sal-lum.

Sptar Monte Carmeli – saqaf ta’ ward ikkundannat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’testijiet saru mill-perit biex jivverika jekk tassew is-saqaf tas-sala MW3B fl-Isptar Monte Carmeli hux ikkundannat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-management kien iddeċieda li jqabbad Structural Engineer fejn ikkumissjona u għamel Visual Survey tas-soqfa.Wara li sar dan ix-xogħol, dawk is-soqfa li kienu ġew identifikati u li kienu jirrikjedu tiswijiet estensivi, ġie deċiż li jiġu battala, fosthom kmamar li hemm fis-sala MW3B liema sala llum hija battala kollha.

Sptar Mater Dei – spazju ta’ parkeġġ għall-pubbliku

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ spazji ta' parkeġġ għall-pubbliku fl-Isptar Mater Dei sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispazji ta’ parkeġġ taħt il-kontroll tal-Isptar Mater Dei li jistgħu jintużaw mill-pubbliku huwa dak ta’ 750 spazju. Dawn l-ispazji jistgħu jintużaw skont regoli li japplikaw għal żoni differenti u jinkludu persentaġġ ta’ parkeġġi għal persuni b’diżabilita’. Dan in-numru baqa’ stabbli matul is-snin.

Mediċini Eliquis u Xeralto

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jpoġġi l-mediċina Eliquis jew mediċina bħalha, fuq il-lista ta’ mediċini li jingħataw b’xejn, peress li kif jaf il-Ministru, bħalissa qed tingħata l-Warfarin però apparti xi side effects, b’din il-pillola l-pazjenti qed jintalbu jmorru l-outpatients regolarment għal testijiet tad-demm u għall-kuntrarju, jidher li l-konsulenti issa qed jissuġġerixxu l-Eliquis jew Xeralto li filwaqt li huma simili bħall-Warfarin, ma jeħtieġux testijiet regolari tad-demm? Peress li bħalissa din il-mediċina, li tiswa €86, irid jixtriha il-pazjent u għalkemm tiswa aktar mill-Warfarin, tevita lill-pazjenti ħafna skariġġ żejjed, ħafna appuntamenti fl-outpatients u ħafna testijiet tad-demm regolari u in vista ta’ dawn il-benefiċċji għall-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti, jista’ jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jdaħħal l-Eliquis jew ix-Xeralto fuq il-lista ta’ mediċini b’xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija mediċini u diversi oħrajn qed jiġu kkunsidrati biex jiddaħħlu fil-formularju tal-gvern. Permezz ta’ dan il-budget se jiġu allokati fondi speċifikament għall-mediċini għal-kundizzjonijiet tal-qalb u ċ-ċirkulazzjoni.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – ħlas ta’ pagi u spejjeż relatati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet is-somma totali li tħallset f'pagi u spejjeż relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime etc) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għas-sena 2016, 2017 u 2018? Għall-istess sena kemm kienet is-somma totali li tħallset mill-Gvern lill-kuntratturi privati talli pprovdew ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant s-somma totali li tħallset f'pagi u spejje¿ relatati ma’ pagi (National Insurance, allowances, overtime etc) lill-impjegati kollha tal-Gvern fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għas-sena 2016 kienet Eur25,082,513, fl-2017 Eur25,237,685 u fl-2018 kienet Eur26,304,945.

Żieda fis-servizzi għas-saħħa mentali fil-komunità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn żdiedu s-servizzi għas-saħħa mentali fil-komunità tul l-aħħar sena? Jista’ jagħti x’ħinijiet u kull meta (jekk hux kull ġimgħa, kull xahar) f’kull każ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ngħataw bidu diversi servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunita’ fosthom ġewwa l-MCAST (Paola) well-being hub kull ġimgħa matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, beda servizz ġdid għal każijiet ġodda fil-klinika tas-saħħa mentali ġewwa Raħal il-Ġdid matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, ngħata bidu ukoll servizz ġdid ta’ Perinatal Mental Health fil-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat (darbtejn fi-xahar) u ġewwa l-klinika tas-saħħa mentali f’Ħal-Qormi (darba fix-xahar) u anke jsiru viżti minn professjonisti fid-djar skond il-bżonn matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu, minn din is-sena s-servizz tal-outreach beda’ jingħata aktar qrib fil-komunita’ miċ-Ċentri tas-saħħa mentali (kuljum mis-7am sas-6pm) kif ukoll beda’ servizz minn psikologu fil-berġa tal-Pieta’ (darba fil-ġimgha),Ħ’Attard (darba fil-ġimgħa), Tas-Sliema (darba fil-ġimgħa), il-Birgu (darba fil-ġimgħa), iż-Żurrieq (darbtejn fil-ġimgħa) u f'Ħal Kirkop (tlett darbiet fil-ġimgħa).

Screening għad-Dijabete u kundizzjonijiet relatati mad-Dijabete

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ screening qed isir għad-dijabete u kundizzjonijiet jew mard relatati mad-dijabete f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-kura u l-prevenzjoni ta' mard relatat mad-dijabete, id-Dipartiment għall-Kura Primarja ħoloq Ċentru ta' Servizz ta' Eċċellenza għal-screening tal-Glaucoma u Diabetic Neuropathy, u qiegħed isir wkoll screening għal problemi ta' ċirkulazzjoni minn speċjalisti tas-saqajn (Podiatrists). F’dan id-dipartiment ġew impjegati żewġ konsulenti speċjalizzati fid-dijabete’ u l-endikronoloġija biex tingħata aktar kura speċjalizzata f'dan il qasam u jitnaqqas iż-żmien ta' stennija fl-isptar Mater Dei, b'hekk id-dipartiment tal-kura primarja qegħda tkun aktar viċin il-pazjent u l-mard ikun qiegħed jintlaħaq aktar fil-bidu. Id-Dipartiment tal-Kura Primarja mpjegat ukoll Nutitionist u Dietician biex jagħtu pariri u jiggwidaw fuq dieta lill min ibati mid-dijabete u/jew piż żejjed. Minbarra dan it-tobba kollha ngħataw l-aċċess biex jirreferu lill-pazjenti tagħhom għal-testijiet tad-demm tar-rutina (routine blood tests) li jinkludu wkoll testijiet taz-zokkor fid-demm biex pazjenti li jista jkollhom id-dijabete u jkunu għadhom ma jafux kif ukoll dawk il-pazjenti li jkollhom id-dijabete u l-livell taz-zokkor fid-demm ma jkunx qed jiġi kkontrollat sew. Id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa jagħmel diversi ‘outreaches’ matul is-sena f’diversi lokalitajiet u avvenimenti fejn fost affarijiet oħrajn jiġi ċċekkjat il-piż, il-pressjoni u ġieli wkoll il-livell taz-zokkor fid-demm lil kull min jattendi.

Persuni li għandhom id-Dijabete Type 2

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, b’kollox, kemm hemm persuni li għandhom Dijabete Type 2 u li: a. għandhom inqas minn 16-il sena; b. għandhom bejn 17 u 35 sena; c. għandhom bejn 36 u 60 sena; u d. għandhom iktar minn 60 sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-15 ta’ Ottubru ta’ din is-sena t-total ta’ pazjenti li għandhom il-karta s-safra (Schedule V) u li għandhom id-dijabete huma 31,709. 1,624 għandhom id-dijabete tat-tip 1 u 30,085 għandhom id-dijabete tat-tip 2.

Persuni li għandhom id-Dijabete Type 2 u li jieħdu kura permezz ta’ insulina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni bid-Dijabete Type 2 u li qed jieħdu kura permezz ta’ insulina?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 4,549 persuna bid-Dijabete tat-tip 2 u li qed jieħdu kura permezz ta’ insulina.

Persuni fid-Dijabete – kura fin-nervituri tas-saqajn

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li qed jiġu kkurati fin-nervituri speċjalment tas-saqajn (neuropathy), konsegwenza tad-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diabetic neuropathy tista’ tirriżulta f’kumplikazzjonijiet fiċ-ċirkulazzjoni tas-saqajn. Mill-informazzjoni miġbura mill-Hospital Activity Analysis tal-Isptar Mater Dei jirriżulta li bejn Jannar ta’ 2016 u Awwissu ta’ 2019, kien hemm 2326 pazjenti li iddaħħlu għallinqas darba, għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba f’kumplikazzjonijiet fiċ-ċirkulazzjoni minħabba d-dijabete. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 4109 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 274, nhat it-Tlieta, 5 ta' Novembru 2019)

Persuni bid-Dijabete — kura fil-kliewi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li qed jiġu kkurati fil-kliewi (neuropathy), konsegwenza tad-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminu neuropathy jirreferi għal kundizzjonijiet u mard tan-nervituri u mhux tal-kliewi kif qed tindika hi.

Persuni bid-Dijabete — kura fl-għajnejn

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li qed jiġu kkurati fl-għajnejn (retinopathy), konsegwenza tad-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar tal-2016 u Awwissu tal-2019 kien hemm 2426 persuni li jbatu mid-dijabete u li ġew ikkurati fl-għajnejn b’ xi tip ta’ kura li normalment tingħata lil min jbati mir-retinopathy konsegwenza tad-dijabete fl-isptar Mater Dei.

Persuni bid-Dijabete — kura kardovaskulari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti li qed jiġu kkurati fis-sistema kardjovaskulari konsegwenza tad-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar ta’ 2016 u Awwissu ta’ 2019, kien hemm 1276 pazjenti li jbatu mid-dijabete u li ddaħħlu għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba Ischaemic Heart Disease (acute and chronic).

Ministeru għas-Saħħa – kumpanija — kuntratti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament ma ngħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa mis-sena 2013 sal lum.

Dipartiment tas-Saħħa – ċertifikazzjoni għal għoti ta’ servizz ta’ massage

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ ċertifikazzjoni jew liċenzja tinħareġ mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex persuna tkun tista’ tagħti massage fi spas, beauty centres jew massage parlours?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard għandu r-rwol li jagħmel ċert li persuna li ġejja minn barra tkun tista’ tagħti massage fi spas, beauty centres jew massage parlours, irid ikollhom l-applikazzjoni mimlija mingħand it-tabib ta’ l-għażla tagħhom dwar saħħithom inġenerali. F’din l-applikazzjoni, it-tabib jiċċertifika li persuna tkun tista’ tagħti massage fi spas, beauty centres jew massage parlours, tkun konformi mal-kriterji li jinkludu; Persuni li twieldu jew għexu f’pajjiżi li skond l-Organizazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għandhom inċidenza ta’ rata għolja ta’ Tuberkulosi, irid jittieħed x-ray tal-pulmun. Abbażi tar-riżultat, jingħata trattament neċessarju. It-tabib irid jeżamina l-applikanti u jiċċertifika li ma għandhomx mard infettiv. Kull persuna għandha tieħu d-demm u jiġi eżaminat għall-Epatite B u jingħataw il-vaċċin kontra l- Epatite B abbażi tar-riżultat. Kull persuna għandha tieħu d-demm u jiġi eżaminat għall-Epatite Ċ, HIV u mard infettiv li jittieħed sesswalment. Abbażi tar-riżultat, jingħata trattament neċessarju. Persuni li jridu jġeddu l-permess tax-xogħol, iridu jimlew applikazzjoni msejħa Renewal of Work Permits for Masseurs/Masseuse. Il-kriterji jinkludu; Persuni li twieldu jew għexu f’pajjiżi li skont l-Organizazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għandhom inċidenza ta’ rata għolja ħafna ta’ Tuberkulosi, rrid jittieħed x-ray tal-pulmun. It-testijiet mediċi u tad-dmija msemmija hawn fuq, iridu jiġu repetuti għal 3 snin konsekuttivi. Abbażi tar-riżultat, jingħata trattament neċessarju. Persuni li twieldu jew għexu f’pajjiżi li skond l-Organizazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ma għandhomx inċidenza ta’ rata għolja ħafna ta’ Tuberkulosi, ma hemmx bżonn li jittieħed x-ray tal-pulmun. Minflok, huma mħeġġa li jirrepetu t-testijiet mediċi u tad-dmija msemmija hawn fuq għal sena waħda biss. Il-kors tat-tilqim kontra l-Epatite B irid ikun komplut qabel ma jerġa jiġġedded il-permess tax-xogħol għall-persuna li tagħti massage fi spas, beauty centres jew massage parlours.

Constant Glucose Monitors fl-ispiżeriji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu l-pjanijiet għall-introduzzjoni tal-Constant Glucose Monitors (CGM) fis-sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) għall-pazjenti tad-dijabete f’Malta u Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar kmieni din is-sena tnieda proċess sabiex jiddaħħal mudell ta’ remote monitoring għal ċertu kategoriji ta’ pazjenti. Dan il-proċess se jinkludi Constant Glucose Monitoring għal tfal b’dijabete u li jkun anness ma’ sistema ta’intelligenza artifiċjali. Il-proċess wasal fi stadju ta’ procurement taħt it-titlu ta’ Innovation Partnership (Research and Development Stage) for the Design, Development, Testing, Commissioning, Delivery, Operation and Maintenance of a Remote Patient Monitoring Service and a Call Centre Service for Preventive Care. Malta se tkun l-ewwel fid-dinja li se jkollha sistema bħal din li tkopri pajjiż sħiħ.

Persuni li għandhom id-Dijabete

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li għandhom id-dijabete f’Malta? Kemm minnhom huma Type 1 u kemm minnhom huma Type 2?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ pazjenti li għandhom il-karta s-safra (Schedule V) u li għandhom id-dijabete huma 31,709. 1,624 għandhom id-dijabete tat-tip 1 u 30,085 għandhom id-dijabete tat-tip 2. Ninfurmah ukoll illi mhux il-pazjenti kollha li għandhom id-dijabete tat-tip 2 għandhom l-imsemmija karta s-safra (Schedule V), xi whud jista’ jagħti l-każ li żammew il-karta r-roża.

Każijiet ġodda ta’ persuni bid-Dijabete Type 1

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ġodda tad-Dijabete Type 1, sena b’sena, bejn l-2008 u l-2018? X’kienet l-età ta’ dawn il-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika n-numru ta’ pazjenti li rrinunzjaw il-karta r-roża u applikaw għal karta s-safra mill-ġdid u li jsofru mill-kundizzjoni tad-Dijabete tat-tip 1. Ninfurmaha ukoll li qabel l-2012 l-pazjenti bid-dijabete tat-Tip 1 kollha kellhom l-kartuna r-roża u ma kienx hemm distinzjoni minn dawk li kellhom id-dijabete tat-Tip 1 għal dawk tat-Tip 2. Sena Numru ta' pazjenti li applikaw għal SCH V mill-ġdid li jbatu mid-dijabete tat-tip 1. L-età tvarja minn 2012 599 3 sa 97 2013 217 2 sa 86 2014 183 1 sa 86 2015 236 1 sa 92 2016 270 2 sa 97 2017 233 3 sa 97 2018 161 1 sa 91