Jista' l-Ministru jgħid x’qed iwassal sabiex f’partijiet minn Ħ’Attard u partikolarment fi Triq iż-Żagħfran qed ikun hemm riħa qawwija ta' renaġġ? Jista' jgħid x'miżuri qed jittieħdu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li iżjed kmieni din is-sena, il-korporazzjoni kienet ħadet azzjoni biex jinbidlu xi manhole covers tad-drenaġġ li kienu difettużi fit-tarf t’isfel ta’ Triq Żagħfran kantuniera ma’ Triq Nutar Zarb, kif ukoll kien issewwa suffun privat fi sqaq qrib ta’ Beldiam Jewellers li minnu setgħet kienet ħierġa r-riħa. F’dawk li huma rapporti formali, minn dak inhar ir-rapporti ta’ rwejjaħ f’dak l-inħawi kienu waqfu. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi iżjed detallji ta’ fejn eżatt hemm complaints fi Triq iż-Żagħfran lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tkun tista’ tinvestiga l-każ.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ftehim mal-kunsill lokali
Question
B'referenza għall-ftehim li ssemma fil-mistoqsija parlamentari 29153, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30817 u jgħid x'tip ta’ ftehim għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mal-kunsilli lokali rigward reinstatement b’hot asphalt ta’ trinek li jkunu saru mill-korporazzjoni jew kuntratturi mqabbda minnha għal tiswijiet ta' servizzi jew xi xogħol ieħor relatat? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim hux ma' kunsilli lokali indipendenti jew inkella jekk hux mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali direttament? Jista' jgħid minn meta beda jiffunzjona dan il-ftehim u kemm għaddiet fondi lill-kunsilli lokali l-korporazzjoni permezz ta' dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jagħti l-ammonti ta' fondi sena b’sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-ftehim jispeċifika li wara li tlesti x-xogħol tagħha fuq il-pajpijiet fit-toroq, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħmel reinstatement temporanju. Il-Kunsilli Lokali mbagħad jagħmlu r-reinstatement permanenti permezz tal-kuntratturi tagħhom. Il-Kunsilli jitħallsu għal kull biċċa xogħol li jagħmlu. Il-ftehim sar mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) u ġie ffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2010. Dan il-ftehim kien jinkludi li l- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħti arretrati fuq xogħolijiet tal-istess korporazzjoni li saru mill-2007 sal-aħħar ta’ Awwissu 2010. Dawn l-arretrati tħallsu kif ġej:
Fl-2010 tħallsu €519,800 fir-rigward ta’ xogħlijiet li saru fl-2007.
Fl-2011 tħallsu €709,800 għal xogħolijiet li saru fl-2008, kif ukoll għal xogħlijiet li saru fl-2010 (sal-aħħar ta’ Lulju).
Barra minn hekk, skond il-ftehim ukoll, hu ppjanat li fl-2012 jingħataw l-arretrati dwar xogħlijiet tal-2009.
Peress li l-Kunsilli għadhom m’għamlux ir-reinstatement li kellhom jagħmlu minn Awwissu 2010 ‘l hawn, il-KSI għadha m’għaddiet l-ebda ammont ta’ flus għal dan il-perjodu (jiġifieri Awwissu 2010 s’issa). Madanakollu qiegħda f’diskussjonijiet mal-AKL biex dan ix-xogħol jsir kemm jista’ jkun malajr. Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, l-AKL bagħtet ċirkulari lill-Kunsilli kollha biex isir dan ix-xogħol fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jassigura li l-ilment li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li diġà għadda għand l-ARMS Ltd mill-persuna konċernata, jingħata l-attenzjoni meħtiega u mmedjata? Jista' jara li din l-istess persuna tibda tirċievi kontijiet regolari u li l-kont ikun meqjus bħala residenzjali u mhux non-residential? Jista' jara li l-kontijiet tal-passat jiġu kkoreġuti sabiex dawn jirriflettu rata residenzjali (kif fil-fatt hu l-post) u mhux rata non-residential?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jassigura li ż-żewġ ilmenti li qed jintbagħtu separatament u li diġà għaddew għand l-ARMS Ltd mill-istess persuna madwar xahar ilu, jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u mmedjata? Jista' jassigura li din l-istess persuna tibda tirċievi konitijiet regolari fuq iż-żewġ proprjetajiet li għandha?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.
kotba tal-irċevuti tal-VAT — temporary acknowledgement
Question
Jista' l-Ministru jara li l-prassi kurrenti li tintuża meta wieħed jirritorna kotba tal-irċevuti tal-VAT mimlija u dan jingħata biss Temporary Acknowledgement of Returned Receipt Books, tispiċċa peress li din l-hekk imsejħa temporary acknowledgement ma jkunx fiha n-numru tal-kotba ritornati fuqha u għaldaqstant dak li jkun ma jkollux irċevuta li l-ktieb partikolari jkun irritornah? Peress li skont il-prassi kurrenti l-irċevuta formali qed tasal xhur wara, jista' l-Ministru jara li b’mod immedjat tibda tinħareġ irċevuta formali li tkun tinkludi n-numru tal-ktieb jew kotba ritornati u din tiġi skambjata mal-kotba ritornati, minflok ma tinħareġ temporary acknowledgement li ma jkun fiha l-ebda dettalji?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-prassi kurrenti hi li meta persuna reġistrata tirritorna lura fid-Dipartiment minn ktieb tal-irċevuti fiskali sa tnejn tinħareġ l-irċevuta formali mill-ewwel peress li l-verifika meħtieġa ssir dak il-ħin stess. F’każ li jiġu rritornati aktar minn żewġ kotba tinħareġ riċevuta temporanja peress li l-verifika ma tkunx tista’ ssir dak il-ħin stess. L-irċevuta formali tintbagħat bil-posta ftit taż-żmien wara hekk kif jitlestew il-verifiki meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta żżommx informazzjoni dwar l-inħawi li fihom għad m'hemmx bozoz pubbliċi mwaħħla fit-toroq residenzjali, jew f'dawk mhux residenzjali? Jista' jagħti tagħrif jekk l-istess Enemalta tieħux inizjattivi biex fejn hemm tali nuqqasijiet dawn il-bozoz nieqsa jitwaħħlu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Enemalta ma żżommx informazzjoni dwar inħawi li fihom għad m'hemmx bozoz. Ir-responsabbiltà tat-twaħħil ta’ bozoz ġodda m’għadux f’idejn l-Enemalta iżda f’idejn il-kunsilli lokali, fil-każ tat-toroq residenzjali u t-Transport Malta fil-każ ta’ dawk arterjali.
Ħal Balzan — Triq il-Wied - tappieri li jinqalgħu minn posthom fix-xita
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet fi Triq il-Wied, Ħal Balzan għar-rigward tal-ammont kbir ta' ilma li jgħaddi u jinġabar f'din it-triq u għar-rigward it-tappieri tad-drenaġġ li wara kull ħalba xita jinqalgħu minn posthom b'periklu kbir għas-sewwieqa u persuni oħra li jkunu għaddejjin mit-triq? Tista' tissolva din il-problema tad-drenaġġ li jfur kull darba li tagħmel ix-xita?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
talba li għamlet il-Kummissjoni Ewropea għal informazzjoni dwar miżuri li jirrigwardaw in-nefqa pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31372 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni jew komunikazzjonijiet mibgħuta mill-Gvern Malti lill-Kummisssjoni Ewropea rigward it-talba li għamlet il-kummissjoni għal informazzjoni dwar miżuri li jirrigwardaw in-nefqa pubblika li ttieħdu mill-gvern fil-baġit għas-sena 2012 u fis-6 ta’ Jannar 2012, liema komunikazzjonijiet seħħew bejn id-data li fiha tħabbar il-baġit għas-sena 2012 u s-6 ta’ Jannar 2012? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lill-Gvern Malti fuq l-istess suġġett mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea minn meta saret it-talba oriġinali tal-Kummissjoni Ewropea sa meta ħarġet il-komunikat tagħha fejn qalet li ma kenitx se tiftaħ il-proċedura ta’ excess deficit fir-rigward ta’ Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn id-dokumenti:-
(i) Ittra ddatata 11 ta’ Novembru 2011, mingħand il-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea, indirizzata lill Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment;
(ii) Tabella li ġiet ikkomunikata mill-Gvern Malti lill-Kummissjoni Ewropea f’Jannar tal-2012 u li tikkonċerna misuri li jirrigwardjaw n-nefqa pubblika u
(iii) Ittra ddatata 11 ta’ Jannar 2012 mingħand il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, indirizzata lill Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30321 u jgħid liema huma dawk it-taxxi u tariffi viġenti li japplikaw il-prinċipju tal-polluter pays? X'inhu d-dħul tal-gvern minn dawn it-taxxi u tariffi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
San Ġiljan — Triq il-Baħar l-Iswed - triq bla dawl
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31198 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex id-dawl li jinsab maqtugħ fi Triq il-Baħar l-Iswed , San Ġiljan kważi quddiem Triq it-Tabib John Buontempo f'San Ġiljan għadu maqtugħ peress li ilu jiġi rapportat għal bosta ġimgħat li m'hemmx dawl? Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni tiġi solvuta din il-problema?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bozoz imsemmija digà saritilhom il-manutenzjoni meħtieġa.
Marsa — Triq l-Għassara tal-Għeneb - kumpens lin-negozjanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk in-negozju u l-ħwienet fi Triq l-Għassara tal-Għeneb, il-Marsa li ilhom bit-triq ta' quddiemhom magħluqa għal ħafna xhur, ingħatawx xi kumpens tan-negozju li tilfu?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 462 (written).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern fuq riklamar relatat mal-Budget 2012 fuq il-gazzetti (jagħti breakdown gazzetta b’gazzetta), fuq it-televiżjoni (jagħti breakdown stazzjon bi stazzjon), fuq l-istazzjonijiet tar-radju (jagħti breakdown stazzjon bi stazzjon), fuq l-internet (jaghti breakdown website b’website) ? Jista' jgħid min ipproduċa dawn ir-riklami u kemm kien il-ħlas li rċieva għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif intgħażel min ipproduċa dawn ir-riklami?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kumpanija li għamlet ix-xogħol ta’ produzzjoni kienet magħżula wara sejħa għal expression of interest f’Diċembru 2008 li ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 18353 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li fiha l-Ministeru talab l-offerti għal tipi differenti ta’ produzzjoni (awdjo, viżwali, elettronika) għas-servizzi meħtieġa mid-Dipartimenti kollha tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, b’mod partikolari d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni, id-Dipartiment tad-Dwana, l-Awtorità Maltija għall-Istandard u d-Dipartiment tal-Artijiet.
L-għażla tal-kumpanija saret wara sejħa għall-offerti.
ħlas għall-pubblikazzjoni tal-budget li ntbagħtet fid-djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern fuq pubblikazzjoni li ntbgħatet fid-djar f’Malta u Għawdex relatata mal-Budget 2012? Jista' jgħid min ipproduċa din il-pubblikazzjoni u kemm kien il-ħlas li rċieva għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif intgħażel min ipproduċa din il-pubblikazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31615.
Jista' l-Ministru jindika, mid-data tax-xiri ta' Dar Malta fi Brussell sal-lum, kemm huwa l-ispazju minn dan il-bini li nkera lil terzi? Kemm daħħal il-Gvern Malti kull sena minn dawn il-kirjiet lil terzi? Min kienu l-kerrejja? Għal kemm żmien hija l-kirja? Jista' jgħid jekk hux għaddejjin negozjati ma’ kumpaniji oħra li wrew interess biex jikru spazju f’Dar Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm huma dawn il-kumpaniji?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19288.
F’Novembru tal- 2010 inkera nofs l-ewwel sular minn Epure għal disa’ snin b’possibilità li jitterminaw il-ftehim f’għeluq it-tielet sena jew inkella s-sitt sena. F’Jannar tal-2011 inkera n-nofs l-ieħor tat-tieni sular minn Vodafone, ghal disa’ snin b’possibilità li jitterminaw il-ftehim f’għeluq it-tielet sena jew inkella s-sitt sena.
Dan l-aħħar ġimgħat kien hemm negozjati għaddejin ma kumpanija li nteressata tikri n-nofs li fadal ta’ l-ewwel sular.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2010?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — karozzi mixtrija
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta’ karozzi mixtrija mill-Ministeru tiegħu u minn dipartimenti, awtoritajiet, entitajiet, aġenziji eċċ li jaqgħu taħtu mill-2008 sal-2011 għal uffiċjali fil-gradi ta’ chairpersons, diretturi ġenerali, kapijiet eżekuttivi u diretturi? Jista' jgħid x’mudell kienet kull karozza? Jista' jgħid x’kienet l-ispiża fuq kull karozza? Jista' jgħid f’liema grad kienu l-uffiċjali li għalihom inxtrat kull karozza? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel fuq kull waħda minn dawn il-karozzi, sena b’sena b’mod separat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li fiċ-Ċirkewwa jitpoġġew guards tal-ħadid bħala prekawzjoni fejn ir-rampi tal-vapur minħabba l-perikolu li hemm li wassal f'din l-aħħar ġimgħa għal żewġ persuni jispiċċaw fil-baħar bil-vetturi, wieħed minnhom b'konsegwenza fatali li tilef ħajtu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minħabba x-xogħolijiet li hemm għaddejjin fiċ-Ċirkewwa, l-operazzjonijiet huma taħt il-kontroll ta' Transport Malta. Madanakollu ġa ttieħdu passi, sa fejn dawn jistgħu jittieħdu u kif dejjem ittieħdu, biex jiġu evitati inċidenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proprjetajiet tal-Gvern fis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali hu mistenni li jiġu offruti għall-bejgħ matul is-sena li ġejja?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Kompetizzjoni Ġusta u l-Konsumatur.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30654, 30486 u 30119 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.