Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti barranin fl-Universita' ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk studenti cittadini fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jkunu jixtiequ jiġu jistudjaw f'Malta jkollhomx l-istess kundizzjonijiet bħal studenti Maltin? Hemm xi zmien stipulat b'xi ftehim bejn Malta u l-Unjoni Ewropea li dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinbidlu wara li jgħaddi xi perjodu ta' żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22270.

holidays tal-Milied u s-Sena l-Ġdida għall-iskejjel tal-Gvern u skejjel oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta bdew u meta spiċċaw il-holidays tal-Milied u s-Sena l-Ġdida li għadhom kemm għaddew, għall-iskejjel tal-Gvern u għall-iskejjel l-oħra, waħda waħda, kemm dawk privati kif ukoll dawk tal-Knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha f’dawn l-aħħar sentejn? Tista' tgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Tista' tgħid in-natura tal-każ? Tista' tgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġewx sospiżi xi nies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — voti approvati li ma ġewx utilizzati

Question

B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talba għal-post tal-gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22333, issa li jidher li dawn is-sinjuri għamlu l-applikazzjoni, tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni in kwestjoni issottomettew l-applikazzjoni tagħhom għall-post alternattiv nhar it-23 ta’ Diċembru, 2010 u għaldaqstant għadha qed tiġi pproċessata.

Furjana — allokazzjoni ta' appartamenti

Question

B'referenza tal-mistoqsija parlamentari 22250, tista' l-Ministru tgħid meta hu previst li ssir l-allokazzjoni ta' binja A, binja B u binja Ċ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għaddejja bil-proċess ta’ analizzar ta’ applikanti eliġibbli għal dawn il-postijiet. Hekk kif dawn il-blokkijiet jitlestew mill-finishing li qed isir fihom, jiġu allokati skont il-kriterji stabbiliti.

Istituzzjoni terzjarja ta' edukazzjoni medika

Question

Tista' l-Ministru tgħid bejn il-proposta ta' St George's University of London bi sħab mal-Università ta' Malta u dik tar-Royal College of Surgeons in Ireland għal istituzzjoni terzjarja ta' edukazzjoni medika f'Malta, liema ntgħażlet mill-gvern? X'kienu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull proposta? Minn min saret l-għażla u min ħatar lil dawk li għamlu l-għażla? Fiex tikkonsisti l-proposta magħżula u meta se tidħol fis-seħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kumitat tal-għażla irrakomanda lil St.George’s University of London bi sħab mal-Università ta’ Malta. Il-Kumitat tal-għażla kien magħmul minn Lawrence Zammit, Prof. Carmelo Mallia, Prof. Mario Vassallo, Dr. Charles Mallia Azzopardi, Dr. Natasha Azzopardi Muscat, u Ms Jackie Camilleri. Il-ħatra tal-Kumitat tal-għażla saret mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja u mill-Ministeru tas-Saħħa. Il-Kumitat għamel l-għażla tiegħu wara analiżi tal-proposti u tad-dokumentazzjoni sottomessa. Il-Kumitat ikkonsidra l-impatt fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-qasam mediku u l-effett fuq il-komunita medika fis-settur pubbliku tas-saħħa. L-Università ta’ Malta ma’ St George’s University of London għandha twaqqaf il- graduate entry programme wara li jsiru l-preparamenti kollha meħtieġa.

Learning Support Assistants — Skola primarja ta' Kerċem

Question

Tista' l-Ministru tgħid it-tifel, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jattendi l-iskola primarja ta' Kerċem u bħalissa mhux qed jitħalla jattendi skola għax hu mingħajr learning support assistant għax hija tqila u ilha nieqsa minn qabel il-Milied, meta se jingħata learning support assistant ġdida biex ikun jista' jerġa' jibda jattendi l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-imsemmi tifel għandu learning support assistant miegħu. Meta din tkun assenti jsiru arranġamenti ma’ LSA oħra sabiex it-tifel jibqa jmur l-iskola. Meta ma jmurx l-iskola it-tifel jingħata għajnuna permezz ta’ għalliema li tmur tagħtih sapport id-dar.

MCAST — Istitut tal-Business u Commerce - għalliema tal-accounts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema tal-accounts li għadhom nieqsa jew ma jattendux regolari fl-Istitut tal-Business and Commerce fil-MCAST minkejja li s-sena akkademika ilha tant li bdiet? L-istudenti kemm se jdumu mċaħħda minn dawn l-għalliema, x'se jiġri dwar il-kors tagħhom u kif se jiġu assessjati f'suġġett fejn tant tilfu tagħlim? Kemm minn dawn l-istudenti ħallsu lill-Edecxel biex jiġu assessjati minkejja li huma bla għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ m’hemmx għalliema tal-accounts nieqsa. Hemm żewġ għalliema li preżentament huma assenti: Għalliema li tgħallem il- Book-keeping & Accounts fis-Certificate in Administrative & Secretarial Studies (kors mhux tal-BTEC) u żewġ suġġetti relatati ma’ l- accounts fil-BTEC Diploma in Busines s . Mil-bidu tas-sena skolastika l-għalliema kienet assenti 13-il ġurnata fuq sick leave u preżentament qegħda fuq sick leave . L-għalliema l-oħra tgħallem l- Accounts fl-AAT Diploma in Accounting (kors mhux tal-BTEC). Mil-bidu tas-sena skolastika l-għalliema kienet assenti 12-il ġurnata fuq sick leave u bħalissa reġgħet qegħda fuq sick leave. Fiż-żewġ każijiet, il-Kulleġġ jagħmel ħiltu biex jinstabu għalliema oħra li jagħmlu tajjeb għal dan it-telf. L-istudenti jridu jħallsu membership fee fil-bidu tal-kors mitluba mill-Association of Accounting Technicians (AAT). Ħlas għall-eżamijiet għadu ma sar mill-ebda student. Dan isir meta l-istudenti jkunu waslu għall-eżamijiet.

ETC — servizzi għal persuni minn 60 sena 'l fuq

Question

Tista' l-Ministru telenka x'servizzi għandhom il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ li permezz tagħhom persuni li għandhom minn 60 sena 'l fuq ikunu jistgħu jagħmlu użu minnhom ħalli jibqgħu integrati fid-dinja tax-xogħol? Tista' tgħid matul is-sena 2010 kemm kien hemm persuni li għandhom minn 60 sena 'l fuq li għamlu użu minn dawn is-servizzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ toffri numru ta’ servizzi lill-persuni li għandhom minn 60 sena 'l fuq bl-għan li jibqgħu integrati fid-dinja tax-xogħol. Fost dawn is-servizzi nsibu ir-reġistrar għal xogħol full jew part-time kif ukoll gwida fuq xogħol u taħriġ mill-employment advisors. Il-Korporazzjoni toffri l-Employment Aid Programme (EAP) għal dawk li jidħlu fil-kriterji tal-iskema kif ukoll numru vast ta’ korsijiet f’oqsma differenti. Matul is-sena 2010 kien hemm numru ta’ persuni li għandhom minn 60 sena 'l fuq li għamlu użu minn dawn is-servizzi. B’kollox 484 persuna għamlu użu minn tal-inqas wieħed minn dawn is-servizzi bejn Jannar u Novembru tal-2010. Minn dawn 301 irreġistraw fuq ir-reġistru tax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għall-ammont ta’ żmien bejn Jannar u Novembru ta’ 2010 (id-data tinkludi dawk li irreġistraw fuq part 1, 2 jew 3 (għal xogħol full-time ), 3C1 and 3C2 (għal xogħol part-time ). Sal-aħħar ta’ Novembru kien hemm total ta’ 124 persuna li għandhom minn 60 sena 'l fuq li kienu għadhom fuq ir-reġistru tal-Korporazzjoni. Kien hemm ukoll 270 li għandhom minn 60 sena 'l fuq li segwew xi wieħed mill-korsijiet li toffri il-Korporazzjoni. Waqt li 4 persuni pparteċipaw fl-Employment Aid Programme (EAP).

Education Channel — NGO edukattiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk NGO edukattiva tistax ixxandar l-attivitajiet tagħha fuq l-Education Channel? Kif tista' tagħmel dan, jekk dejjem huwa possibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li NGO edukattiva tista’ xxandar l-attivitajiet tagħha fl-Education Channel. Dan tista’ tagħmlu billi tinforma lill-Education 22 u l-entità tiġi mistiedna biex titkellem jew l-attività tiġi mtellgħa fuq powerpoint f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata.

Skola speċjali tal-Wardija — investiment

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment sar fl-iskola speċjali tal-Wardija matul l-2010? Kemm hu n-numru ta' studenti li jattendu f'din l-iskola u minn liema lokalitajiet huma ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2010 fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi Edukattivi għall-Adulti Żagħżagħ sar investiment strutturali kemm biex dan iċ-ċentru jsir iktar aċċessibli għaż-żagħżagħ li jattendu fiħ kif ukoll biex jiġi mwettaq il-proġramm ta’ dan iċ-ċentru. Fost dan l-investiment hemm it-tiżbiħ tal-entratura ta’ l-iskola fejn saret ukoll rampa biex il-parti ta’ fuq taċ-ċentru ġiet aċċessibli għall-istudenti li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Sar ukoll investiment fuq kmamar li jinsabu fil-grawnds tal-iskola. Dawn ġew attrezzati biex ikunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet bħala parti mill-programm taċ-ċentru. Inbidlu wkoll il-bibien kollha fiċ-ċentru. Hemm 77 student f’dan iċ-ċentru. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-lokalitajiet minn fejn ġejjin l-istudenti.

Skola primarja ta' San Pawl il-Baħar — trasport provdut mill-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar li jitwasslu l-iskola permezz ta' trasport ipprovdut mill-gvern stess? Kemm studenti mhumiex ipprovduti bi trasport simili? Billi riċentement numru ta' persuni (studenti u ġenituri) kienu sejrin lura lejn darhom bil-mixi fl-inħawi tal-Qawra, tista' tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ġenituri li forsi għadhom mhumiex infurmati bit-trasport provdut b'xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ tfal li jużaw it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-gvern minn u lejn l-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar hu ta’ 297. Kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin huma konxji li hemm dan it-trasport ipprovdut bla ħlas mill-gvern. Xi ġenituri, li għalkemm jafu b’dan it-trasport, jippreferu jiġu għat-tfal huma stess, speċjalment għat-tfal fil-Kindergarten u Year 1.

Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika — kopja tal-prevalence study

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-prevalence study li ġie varat f'Dicembru 2010 waqt seminar organizzat mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istudju ta’ Prevalenza ġie varat f’seminar organizzat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika f’Diċembru 2010. Ir-rapport finali se jiġi ppubblikat dalwaqt.

kotba ċensurati mill-iskejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-kotba tal-awtur Malti magħtuf Mario Azzopardi ġew ċensurati mill-iskejjel sekondarji? Xi kriterji jintużaw f'deċiżjonijiet bħal dawn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kotba ta’ Mario Azzopardi, bħal kull ktieb ieħor ippubblikat jiġu ikklassifikati fuq il-bażi ta’ tlett kriterji li jinsabu fil-Manual for School Librarians stampat mid-Dipartiment Servizzi għall-Istudenti fl-2006, kif ukoll ċirkularijiet li ħarġu wara. Il-kriterji li jintużaw s’issa f’deċiżjonijiet bħal dawn huma: - jekk il-ktieb hux adattat għall-età tal-istudenti; - jekk il-ktieb hux adaddat għas-sess maskil jew femminil tal-istudenti; u - jekk il-ktieb hux adattat bħala suġġett li jkun fi skola.

kotba mċaħħda milli jidħlu fl-iskejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tipprova tikkonvinċi lill-Kamra tar-Rappreżentati għaliex huwa tajjeb dak li għamel il-gvern meta numru ta' kotba ta' valur imprezzabbli, inkluż Candide ta' Voltaire, Silġ fuq Kemmuna u Kwart ta' Mija ta' Alfred Sant, Meta jdellel il-Qamar ta' Lino Spiteri, Lady Chatterley's Lover u Women in Love ta' DH Lawrence u Jum it-Tama ta' Patri Wistin Born ġew imċaħħda milli jidħlu fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Napprezza ħafna kieku l-Onorevoli Interpellant ma jippruvax jippolitiċizza kull ma jiġri f’dan il-pajjiż meta jaf tajjeb li l-gvern qatt ma ta, u qatt mhu sejjer jagħti direzzjoni li l-istudenti tagħna jkunu mċaħħda minn kotba ta’ valur literarju imprezzabbli. Bħalissa s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kotba fl-iskejjel sekondarji qiegħda tiġi evalwata minn grupp ta’ nies appuntati mill-Ministeru tiegħi. Dan il-grupp għandu jwassal ir-rakkmandazzjonijiet tiegħu u fi żmien qasir. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna jidħlu minorenni ta’ bejn il-11 u s 16-il sena.

PBS — twaqqif ta' programm satiriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-programm satiriku VIP Xow tal-kummidjanti popolari Zoo tneħħa kompletament mill-iskeda tal-programmi tal-Public Broadcasting Services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif intqal pubblikament mill-PBS, il-programm VIP Show twaqqaf minħabba l-aġir tal-producers li naqsu milli jiltaqgħu mal-Bord Editorjali diversi drabi, taw prodott mhux ta’ kwalità tajba biżżejjed għall-Istazzjon Nazzjonali u minħabba l-kontenut tal-programm mogħti għax-xandira tat-3 ta’ Jannar 2011, li espona lill-PBS għal konsegwenzi legali minħabba disprezz lejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.

Piż tal-baskijiet tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru telabora ftit fuq it-tweġiba li kienet tat għal mistoqsija parlamentari 4099? Tista' tgħid skont l-istess formola, student li hu twil 1.25 metru u jiżen 27 kg kemm hu l-limitu ta' piż li jista' jgorr? Tista' tgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux xi sistema li bis-saħħa tagħha jsir moniteraġġ tat-toqol tal-basktijiet tal-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Student li jiżen 27 kg, il-piż massimu li jġorr m’għandux jaqbeż l-20% (għoxrin fil-mija) tal-piż totali tal-ġisem, jiġifieri 5.4 kg. L-iskejjel għandhom ċirkulari li ħarġet fil-25 t’Awwissu 2009 li tagħti direzzjoni dwar dan. Il-moniteraġġ isir fl-iskejjel fuq l-linji gwida imsemmija fiċ-ċirkulari.

Każ ta' housing

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' housing fejn is-sinjura, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ħafna drabi tkellmet ma' tal-housing fejn dejjem jgħidluha li qiegħda fuq il-bord u din ma tistax tibqa' tħallas l-ammont ta' kera tal-privat ta' €300 b'żewġt itfal ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħti parir lis-sinjura biex tmur l-uffiċċju tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar.

Website interattiva għall-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tara li tittieħed inizjattiva biex ikun hemm website interattiva għall-ġenituri fejn ikunu jistgħu jwasslu l-mistoqsijiet, is-suġġerimenti u l-kritika tagħhom dwar xi jkun għaddej fl-iskejjel ta' wliedhom biex jiġu indirizzati mid-direttorati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-website tad-Direttorati tal-Edukazzjoni tagħmel parti mill-website tal-Ministeru. Għalkemm il-website m'għandhiex forum, il-ġenituri u l-pubbliku nġenerali jistgħu jressqu is-suġġerimenti, il-kummenti u l-ilmenti jew billi jużaw l-email tal-Customer Care tad-Direttorati: info.education.meef@gov.mt jew billi jirrikorru għall-Customer Care tad-Direttorati ġewwa il-Furjana. Dan diġà qed iseħħ. Is-suġġerimenti li jitressqu dejjem jiġu kkunsidrati u fejn ikun hemm ilmenti dawn jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli.