B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9314, jista' l-Ministru jgħid x'kienu it-tipi ta' reati kriminali rrapportati lill-pulizija f'dawn l-aħħar ħames snin (2004,2005,2006,2007 u 2008)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 10348.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li għandhom xi marda mentali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 45 priġunier fl-Isptar Monte Carmeli li qed jingħataw kura u attenzjoni f’kull aspett ta’ saħħa skont il-ħteġijiet tagħhom. Infurmat li n-numru ta’residenti li jingħataw kura jvarja kontinwament u dan jgħodd għal kull qasam ta’ saħħa, jiġifieri kura medika, dentali, psikoloġika, psikjatrika, eċċ.
Rabat, Mtarfa, Ħad-Dingli, s-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard — inkonvenjent minn daqq qawwi ta' mużika f'diskoteki
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar petizzjoni ffirmata minn numru ta' residenzi mir-Rabat, Mtarfa, Ħad-Dingli, s-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard dwar inkonvenjent minn daqq qawwi ta' mużika f'diskoteki fl-inħawi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-pożizzjoni li ttieħdet mill-Korp tal-Pulizija hija dik li tistabbilixxi l-Liġi fl-Artiklu 10 (1) tar-Regolamenti Biex Jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-għases f'Malta u f'Għawdex li mhux qed ikunu miftuħa kuljum fuq bażi regolari? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema minn dawn l-għases huma mistennija jerġgħu jinfetħu fiż-żmien li ġej?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Bħal ma diġa kelli l-okkażjoni nispjega, l-għasses prinċipali kollha jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li l-oħrajn jingħalqu meta l-preżenza tal-pulizija li jkun xogħol f’dik l-għassa tkun meħtieġa x’imkien ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna matul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2009?
Kif kien imqassam dan in-numru a) xahar xahar u b) bil-pajjiż ta' oriġini?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bomb scares/theddid ta' bombi fil-bini tal-Qorti mill-1 ta' Jannar 2009 sat-30 ta' Settembru 2009? Kif kienu mqassma dawn xahar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru ta' din is-sena kien hemm 11-il bomb scare fil-bini tal-Qorti. Dawn kienu maqsuma kif ġej:- :
Jannar 3
Marzu 1
April 2
Mejju 2
Ġunju 1
Lulju 1
Settembru 1
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8634, ladarba l-inkjesta maġisterjali dwar is-sejba tal-mediċina folza bl-isem Plavix skont il-Ministru ġiet magħluqa fl-24 ta' Ottubru 2008, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Pulizija? Jekk ma ttieħdu l-ebda passi, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli dan isir?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dan il-każ qwd ikun segwita l-proċedura skont l-artiklu 100 tal-Att dwar il-Mediċina (Kap 458).
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru investigazzjonijiet mill-pulizija dwar appartanenza ta’ żgħażagħ għal assoċjazzjonijiet imsejħa Gotiċi u dwar patti ta’ suwiċidji ? Jekk iva, fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien ġie rrappurtat każ wieħed ta' suwiċidju, li kellu marbut miegħu allegazzjoni ta' żewġ persuni oħra li ukoll kellhom il-ħsieb li jikkommettu suwiċidju. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, li għadha ma ġietx konkluża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu persuni l-qorti li għandhom anqas minn 16-il sena? Għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena sal-aħħar ta' Settembru, il-Pulizija ressqet 54 persuna taħt is-sittax-il sena quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi, fosthom serq, ħsara, ksur tal-paċi pubblika, ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ksur tar-regolamenti dwar żibel u skart, tipjip, pussess ta' droga, prostituzzjoni u theddid.
persuni li qegħdin il-ħabs, taħt arrest preventiv u sentenzjati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum? Għaliex qegħdin hemm? X'età għandhom kull wieħed? Ta' liema sess huma kull wieħed? Kemm minnhom huma taħt arrest preventiv? Kemm sentenzjati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Jista' l-Ministru jgħid kif fil-Barrakka ta' Fuq responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Belt u fis-Saluting Battery responsabbiltà ta' Wirt Artna qegħdin isiru attivitajiet b'mod regolari? Minn dawn is-siti l-volum tal-mużika tkun għolja u tinstema' mill-Isla u mill-Birgu u l-ħsejjes ikkawżati jibqgħu jkarku sas-1.00 a.m. Saru rapporti lill-Pulizija tal-Għassa tal-Belt u anke d-Depot, iżda dawn l-abbużi baqgħu jsiru għad-detriment tas-saħħa tan-nies li jabitaw fil-madwar. Jista' jgħid għaliex mhux qed jittieħdu passi kontra dawn l-abbużi minkejja li saru rapporti lill-Pulizija? Min qiegħed joħroġ dawn il-permessi u min qiegħed jassigura li ma tinkisirx il-liġi? Il-liġi tistipula bl-aktar mod ċar li wara l-11.00 p.m. l-istorbju jrid jieqaf.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-ewwel parti ta' din il-mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat. Rigward rapporti lill-Pulizija, ninforma lill-Onorevoli Membru illi kull meta jkun hemm rapporti dwar xi ilmenti, il-Pulizija tieħu azzjoni kemm sabiex l-inkonvenjent jitwaqqaf immedjatament, kif ukoll azzjoni oħra meħtieġa skont il-liġi.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — teleworking u reduced hours
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal teleworking u reduced hours rispettivament fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-aħħar sena kien hemm 15- il talba għal teleworking u 29 talba għal reduced hours. Infurmat ukoll li dawn it-talbiet kollha intlaqgħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-suldati li kienu mal-RSC (Revenue Security Corps) u kienu mislufin lid-detention services għadhom jaħdmu mad-detention services? X'inhu r-rank ta' dawk li baqgħu jaħdmu mad-detention service u ta' dawk li marru l-RSC?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm membru wieħed biss tar-Revenue Security Corps li għadu misluf lis-Servizz tad-Detenzjoni u dan għandu rank ta' Warrant Officer Class 2. Ir-ranks ta' dawk li marru lura l-RSC kien ivarja bejn Gunner u Surġent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba tpoġġew pellets kontra il-ġrieden fil-barracks fejn hemm l-immigranti illegali? Kemm ħallas il-Gvern mis-sena 2008 sal-lum għal dawn is-servizzi? Huwa sodisfatt li x-xogħol qed isir sewwa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab informat illi kull xahar il-kuntrattur jispezzjona l-kaxxi madwar iċ-ċentri fejn jitpoġġew il-pellets kontra l-ġrieden fil-barracks fejn hemm l-immigranti irregolari. Mis-sena 2008 sallum il-Gvern ħallas is-somma ta’ €1910.02 għal dawn is-servizzi. Għar-rigward l-aħħar domanda r-risposta hija posittiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-mediċini kklassifikati bħala dangerous drugs qed jiġu amministrati lill-immigranti illegali mis-suldati b'mod speċjali fil-weekends? X'inhi r-raġuni li tul il-ġimgħa dawn jingħataw mill-MMDNA u fil-weekends mis-suldati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul il-ġimgħa l-mediċini msemmija mill-Onorevoli Interpellant jingħataw lill-immigranti rregolari minn nurses ta' kumpanija privata ingaġġata apposta b'kuntratt biex tipprovdi servizzi mediċi fiċ-Ċentri ta' Detenzjoni.
Infurmat ukoll li fil-weekends ir-responsabbilità taqa' fuq in-nurses tal-MMDNA biex jingħataw dawn l-imsemmijia mediċini.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Serqiet rappurtati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija milll-Ministeru/dipartimenti/ korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul din is-sena? Kemm huwa kkalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija 2 serqiet li seħħew fi stabbilimenti / bini tal-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru. Dawn kienu jikkonsistu f’kartiera kontenenti flus, cheques, credit cards u dokument stmati € 400 u apparat tat-telephone stmat € 80.
Tribunal ta' Kontra l-Korruzzjoni — investigazzjonijiet
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10430, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu u liema kienu l-każijiet li ntbagħtu quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra il-Korruzzjoni matul l-2007 u l-2008? Liema huma l-każijiet li spiċċat l-investigazzjoni dwarhom u liema għadhom pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2007 u 2008, ġew preżentati quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, sittax-il każ, erbgħatax fl-2007 u tnejn fl-2008. Minn dawn, f’ każ wieħed biss għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwarhu, il-ħmistax l-oħra kollha ġew konklużi.
Dwar l-aħħar parti tad-domandi, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-Art. 15 (1) Kap.326 l-ebda informazzjoni ma tista’ tiġi svelata dwar il-każijiet li tirċievi l-Kummissjoni.
Agency for Welfare of Asylum Seekers u l-union — diskussjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx id-diskussjonijiet bejn l-Agency for Welfare of Asylum Seekers (AWAS) u l-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tagħha? Jekk dan għadu ma bediex, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew dawn id-diskussjonijiet ħalli dawn il-ħaddiema, ikollhom ftehim kollettiv applikabbli għalihom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-11 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, inbeda l-proċess ta’ negozjar kollettiv bejn l-Aġenzija għal Ħarsien ta' Persuni li qed ifittxu l-Asil (AWAS) u l-Union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tagħha. Infurmat ukoll iżda, illi l-Management tal-AWAS mhuwiex lest li jkompli b’dawn id-diskussjonijiet qabel ma jitneħħew l-azzjonijiet industrijali li għadhom għaddejja u li ġew ordnati mill-istess Union.