Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta — Dipartimenti tal-Gvern, Ministeri, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi – reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ‘reserved’ ‘parking spaces’ għad-Dipartimenti tal-Gvern, Ministeri, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi rispettivament ġewwa l-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 2090, 2091, 2092. Tlabt biex il-listi jiġu aġġornati.

Birżebbugia – Triq tal-Ġebel – irranġar tal-ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u minn min ser jittranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuga peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq? Fid-dawl li reċentement persuna weġġgħet serjament meta spiċċat ġo għalqa peress li ma kienx hemm ilqugħ bejn it-triq u l-għalqa meta hemm diżlivell bejn il-livell tat-triq u l-livell tal-għalqa, jista’ jgħid min ser jagħmel tajjeb għad-danni li din il-persuna sofriet f’dan l-inċident, minħabba nuqqas ta’ tiswija u/jew bini mill-ġdid ta’ dawn il-ħitan tas-sejjieħ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ħitan tas-sejjieħ, bħall-ħitan diviżorji, huma regolati mill-Kapitlu 16 tal-Liġijiet ta' Malta. Jekk issir referenza għal dan il-Kapitlu tal-Liġi, wieħed jista’ faċilment isir jaf min hu responsabbli għall-manutenzjoni jew għal ħlas ta’ danni skont il-każ. Min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, meta jirċievi rapport ta’ strutturi perikolużi, jiġi nkarigat perit tal-gvern biex jagħmel rapport fejn jidentifika l-periklu, jekk ikun hemm, u jirrakkomanda l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu. Dan ir-rapport jintbagħat lill-pulizija li min-naħa tagħha tinforma lis-sid biex ineħħi l-periklu.

Rabat – Triq l-Għeriexem – inawgurazzjoni — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-inawgurazzjoni ta’ Triq l-Għeriexem fir-Rabat? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux lest totalment jew jekk għadx fadal xi xogħol pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Skema ta’ xiri ta’ karozzi electric/hybrid

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23282 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza dwar il-grant li qed joffri l-gvern dwar min jixtri karozzi electric/hybrid, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza ma tasalx sa qabel budget ieħor, xorta jkun intitolat għal grant? Jekk jintużaw il-fondi kollha għall-iskema, x’se jiġri? Xorta min laħaq xtara l-karozza, għandu dritt għar-rifużjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorità għat-Trasport baqghet u għada għadejja bl-approvazzjoni tal-grants sottomessi. Il-grant tiġi proċessata la darba l-vetturi plugin jew electric jiġu rreġistrati mal-Awtorità għat-Trasport. L-iskemi jerġgħu jiġu mħabbra s-sena d-dieħla u għaldaqstant kull applikazzjoni pendenti tigi proċessata wara li l-vettura plugin jew electric tiġi rreġistrata mal-Awtorità għat-Trasport.

Ta’ Xbiex – Funtana ħdejn Yacht Club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex ilha x-xhur ma taħdimx?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-funtana ta’ ħdejn il-Yacht Club ta’ Ta’ Xbiex damet perjodu ma taħdimx minħabba li kellu jiġi msewwi l-qiegħ tal-ġiebja li żżomm fiha l-ilma tal-funtana, peress li żviluppaw xquq fih. Ġie rranġat ukoll is-saqaf tal-istess ġiebja minħabba s-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema u tal-pubbliku. Wara li l-funtana nxtegħlet mill-ġdid, żviluppat ħsara fil-kontrolli elettroniċi tagħha u ħsarat oħra li ma kienux hemm qabel. Ġew ikkuntattjati numru ta’ kuntratturi li jistgħu jipprovdu soluzzjoni teknika vijabbli biex terġa’ titħaddem il-funtana. Kwotazzjoni għax-xogħol meħtieġ intbgħatet għall-approvazzjoni biex wara jkun jista’ jinbeda x-xogħol ta’ tiswija.

Mini ta’ Santa Venera, San Ġiljan u Tal-Qroqq – spiża fuq dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus għad-dwal fil-mini ta’ San Ġiljan, Tal-Qroqq u ta’ Santa Venera? Jista’ jgħid x’persentaġġ ta’ dawl qed jinxtegħel f’dawn il-mini wara diversi ilmenti li kien qawwi wisq?

Response (BORG, IAN)

Permezz tal-proġett li sar minn Infrastructure Malta, ingħatat ħajja ġdida lill-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji bħala parti mix-xibka tat-toroq arterjali ta’ pajjiżna. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-i¿jed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ ieħor li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin, li matulhom dawn il-mini ftit li xejn raw manutenzjoni jew tindif. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u kienu jeħtieġu anke xogħol kbir ta’ restawr fil-ġebel u l-konkos tagħhom. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni, li t-tnejn tħaffru fil-blat, sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Infrastructure Malta rrestawrat il-faċċati tad-daħliet tal-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni għad-dehra oriġinali tagħhom, bil-ġebla tal-franka. L-aġenzija talbet ukoll li d-daħliet tal-konkos mikxuf tal-Mini Tal-Qroqq, li kienu swiedu u kriehu bi snin ta’ dħaħen u nuqqas ta’ tindif, jingħataw dehra aktar sabiħa b’materjal ikkulurit li ma jaqbadx ħafna ħmieġ miegħu u li jkun jista’ jitnaddaf b’mod eħfef. Permezz ta’ dan il-proġett ġew mgħoddijin cables u katusi għall-entitajiet tas-servizzi fl-istess mini, u wara nksew b’saffi t’asfalt ġodda. Saru wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita li diġa kien hemm f’dawn il-mini. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta qed tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija tejbet ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina, il-kuntrattur tal-proġett installa ukoll sistemi għall-provvista tal-ilma għat-tifi tan-nar u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Fl-aħħar fażijijiet tal-proġett, Infrastructure Malta biddlet is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u ksiet il-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn isiru kull tant żmien. Sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbilità tal-mini għal tul ta’ ¿mien, fl-2018 Infrastructure Malta kkummissjonat studji tekniċi bl-għajnuna t’esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Permezz ta’ dawn l-istudji, ħareġ li t-tmien mini kien jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet f’diversi sistemi tagħhom. Fost affarijiet oħrajn irriżulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal fil-mini kollha kienet antikwata u kien jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Kien hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurezza u ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ t’emerġenza. L-ispi¿a biex saret is-sistema ġdida tad-dawl fit-tliet mini msemmija ammontat għal €1,729,184. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal speċjalizzata għal mini bħal dawn, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini tinbidel skont il-ħin u skont it-temp, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Id-dwal kollha fl-erba’ strutturi tal-mini qed jinxtegħlu matul il-ġurnata b’intensitajet differenti skont id-dawl naturali barra l-mina. F’kull mina hemm permanent lighting li jinkorpora sistema ta’ dwal li huma mixgħulin dejjem bl-istess intensità b’mod kostanti, u hemm ukoll dimmable lights li l-intensità tagħhom tvarja mal-ġurnata skont il-livell tad-dawl ta’ barra u mal-lejl dawn id-dwal ikunu mitfijin. Bħalissa qed jiġu finalizzati l-proċessi neċessarji biex id-dimmable lights ikunu kkalibrati. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajji¿na jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.

Bormla — Dock 1 - bankijiet

Question

Billi Dock 1 f’Bormla qed ikun frekwentat minn ħafna nies matul il-ħin tar-rikreazzjoni tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se jitwaħħlu bankijiet ma’ tul ix-xatt ħalli jkunu jistgħu jintużaw minn dawk li jiffrekwentaw l-area?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li wara talba li rċieva, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru li mmexxi jien, immanifattura tliet bankijiet biex jikkumplimentaw dawk eżistenti u li mistennija jiġu installati fil-ġimgħat li ġejjin.

In-Naxxar — Triq it-Tuffieħ - storm water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma sarux storm water culverts fi Triq it-Tuffieħ fin-Naxxar bħalma saru f’toroq oħra taż-żona tas-Sagħjtar fosthom Triq Korfu, Triq Ġibilta’ u Triq l-Ingilterra?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess ¿mien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. It-triq indikata hija parti minn proġett ta’ 13-il triq residenzjali, li kollha jinsabu fiz-zona magħrufa bħala Tas-Sgħajtar, fin-Naxxar, u li Infrastructure Malta ppjanat li tibnihom mill-ġdid f’daqqa. Sebgħa minn dawn it-toroq - Triq Ċipru, Triq Ġibiltà, Triq il-Libja, Triq il-Marokk, Triq Korfu, Triq l-Arġentina u Triq l-Ingilterra - diġà huma lesti, filwaqt li tlieta oħra - Triq il-Mitħna, Triq il-Ġermanja u Triq iċ-Ċili – jonqoshom l-aħħar saff t’asfalt. Bħalissa qed jinbnew mill-ġdid Triq it-Tuffieħ u Triq Spanja, u jmiss li jinbdew ukoll ix-xogħlijiet fi Triq il-Brażil. F’kull proġett li tagħmel, inklu¿ meta tkun qed tibni mill-ġdid toroq arterjali u residenzjali, Infrastructure Malta qed tinkludi sistemi ġodda ta’ katusi u spralli għall-ġbir tal-ilma tax-xita fejn ikun meħtieġ jew ittejjeb dawk eżistenti. Fil-każ tat-toroq fiz-zona tas-Sgħajtar, minbarra li għamlet xogħlijiet estensivi biex inbidlu u ġew imtejba s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inbew bankini ġodda u ssaħħew il-pedamenti tat-toroq qabel ma sarulhom uċuh ġodda b’l-asfalt, l-aġenzija diġà għaddiet man-nofs kilometru ta’ pajpijiet għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Din is-sistema se tiġi estiża wkoll fi Triq it-Tuffieħ u toroq oħrajn fl-istess zona li wkoll għad iridu jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej.

In-Naxxar — Vjal il-Labour - xogħol ta' kisi ta' tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn Infrastructure Malta qed tagħmel xogħol ta’ kisi bit-tarmac fi Vjal il-Labour fin-Naxxar mingħajr ma tikkonsidra li tagħmel storm water culverts fl-istess triq li minnha jinżel volum kbir ta’ ilma tax-xita speċjalment mill-Pjazza tan-Naxxar, liema ilma qed joħloq inkonvenjent u periklu għar-residenti, sewwieqa u stabbilimenti kummerċjali ta’ din it-triq?

Response (BORG, IAN)

F’kull proġett li tagħmel, Infrastructure Malta qed tinkludi sistemi ġodda ta’ katusi u spralli għall-ġbir tal-ilma tax-xita jew ittejjeb dawk eżistenti. Fi proġetti kbar fejn ikun hemm l-ispazju meħtieġ, l-aġenzija qed tibni wkoll ġibjuni kbar ħalli l-ilma li jinġabar mit-toroq jissaffa f’hydrodynamic separators u jinħażen għat-tisqija tas-siġar u pjanti fiz-zoni mħaddra biswit l-istess toroq. Ġibjuni bħal dawn saru fil-Marsa Junction Project, f’Central Link Project u qed isiru bħalissa fil-proġett tar-roundabout tal-Ajruport, Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project. Fejn ma jkunx hemm ġibjuni, l-ilma li jinġabar mill-katusi fit-toroq jitwassal fis-sistema ta’ mini ta’ kontra l-għargħar li hemm taħt l-art f’diversi partijiet ta’ Malta, jew inkella lejn il-widien tal-inħawi, fejn jiġi assorbit fil-blat u jinżel bil-mod fil-ħażna naturali tal-ilma tal-pjan. Meta tkun qed tibni mill-ġdid toroq arterjali u residenzjali, fejn ikun meħtieġ, Infrastructure Malta ukoll qed tagħmel sistemi ġodda ta’ ġbir tal-ilma tax-xita. Fost oħrajn, saru sistemi ta’ ġbir tal-ilma f’toroq li kienu magħrufin għall-għargħar, fosthom Triq il-Wied, f’Ħal Balzan; Triq Għeriexem, Triq Tat-Tagħbija u Triq Għajn Qajjet, ir-Rabat; Triq il-Wied, l-Iklin, Triq San Pawl, in-Naxxar; Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, u ħafna oħrajn. Bħalissa qed issir sistema ta’ katusi kbar biex tilqa’ l-ilma tax-xita fi Triq il-Kbira, il-Mosta. Minbarra li f’kull triq ġdida li tibni qed iżżid kilometri ta’ sistemi ta’ katusi u spralli sabiex tnaqqas l-ilma tax-xita milli jinġema’ fuq wiċċ it-triq, fl-istess waqt l-aġenzija qed tieħu ħsieb ukoll li tagħmel it-tindif u l-manutenzjoni meħtieġa lis-sistemi eżistenti, inkluż dawk li saru minnha fit-tliet snin li ilha mwaqqfa. Kull sena qabel jibda l-istaġun tax-xita, l-aġenzija tispezzjona u tnaddaf l-ispralli u l-katusi tas-sistemi tal-ġbir tal-ilma tax-xita fit-toroq ewlenin, speċjalment f’dawk il-postijiet baxxi fejn hemm aktar riskji t’għargħar. Infrastructure Malta diġà kienet ippjanat li ttejjeb ukoll is-sistema tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita fit-triq indikata, tant hu hekk li bħala parti minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni estensivi li qegħdin isiru fiha bħalissa diġà ġew mgħoddijin pajpijiet kbar għal dan il-għan f’parti minnha li jinsabu mgħottijin. Waqt li parti oħra minn din is-sistema qed issir fis-service road kif jindikaw il-pajpijiet li diġà hemm fuq il-post.

Ir-Rabat Għawdex — Triq Wied il-Lunzjata - Crash barriers

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23530, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li fil-fatt minn mindu saru l-crash barriers ir-residenzi iż-żona ta’ Triq Wied il-Lunzjata, fir-Rabat Għawdex qed ikollhom problema ta’ għarar? Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jsir xi tip ta’ intervent fiż-żona biex jiffaċilita aktar il-passaġġ tal-ilma?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Infrastructure Malta – użu ta’ polymer modified asphalt f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta ilha mwaqqfa Infrastructure Malta, kemm-il metru ta’ polymer modified asphalt intuża? Meta u fejn saru u fuq liema toroq fil-gżira ta’ Għawdex? Kemm-il metru ta' Polymer Modified Asphalt hu ppjanat li jsir matul is-sena 2022 ġewwa l-gżira ta' Għawdex u x'inhuma l-vantaġġi ta' dan it-tip ta' materjal li jintuża fit-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta ħadmet sabiex tirrevedi u ttejjeb l-istandards ta’ kwalità dwar il-bini tat-toroq f’Malta. Fil-fatt, wara konsultazzjonijiet m’esperti internazzjonali, l-aġenzija ġeddet diversi standards li kien ilhom ma jiġu riveduti madwar 20 sena. Permezz ta’ din il-ħidma, l-aġenzija setgħet anke tintroduċi metodi u teknoloġiji ġodda, fosthom tip t’asfalt aktar b’saħħtu għat-toroq arterjali li minnhom jgħaddu għexieren t’eluf ta’ persuni kuljum. Hekk kif qed jiġu adottati dawn l-ispeċifikazzjonijiet ġodda, l-aġenzija qed tintroduċi wkoll materjali ta’ kwalità ogħla u metodi aħjar ta’ kostruzzjoni, kif ukoll titjib fil-metodi tal-ittestjar, bħal pereżempju l-polymer modified asphalt għat-toroq arterjali ewlenin. L-aġenzija stabbilixxiet ukoll l-użu ta’ żebgħa tat-tip thermoplastic għal-linji u marki oħra fit-toroq, kif ukoll crash barriers tal-konkos ta’ standards internazzjonali, li huma aktar siguri u jnaqqsu l-konsegwenzi tal-ħabtiet billi jipproteġu s-sewwieqa u l-passiġġieri tal-karozzi u l-muturi b’mod aħjar. Infrastructure Malta qed tiggwida wkoll lill-kuntratturi lokali biex jiksbu l-livelli ta’ kwalità għolja li jesiġu l-istandards tekniċi l-ġodda. Għadd ta’ impjanti tal-asfalt li jipprovdu servizzi għall-kisi tat-toroq diġà kisbu ċertifikazzjonijiet ġodda li jikkonfermaw li huma konformi mal-istandards u proċessi ta’ kontroll tal-produzzjoni kif mitlub mir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Prodotti tal-Kostruzzjoni (CPR). Minn meta fl-2020 Infrastructure Malta nediet l-użu tal-polymer modified asphalt fit-toroq arterjali f’Malta, s’issa ntużaw 325,605 metri kwadri minn dan it-tip t’asfalt. Dan huwa materjal aktar b’saħħtu li jservi iżjed u jirreżisti aktar għat-tibdil fit-temperatura. Il-kumplament tal-mistoqsijiet għandhom jiġu riferuti lill-ministeru kkonċernat.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tan-nefqa fuq kull ġibjun ġdid li nbena (u jindika f’liema lokalitajiet saru) mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq toroq li saru minn Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Fgura – Triq il-Merħba u Triq Grawwa – ħitan imsewwija

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħitan li jinsabu fi Triq il-Merħba u Triq Grawwa Fgura u li huma fi stat perikoluż ħafna, kif ukoll invista tal-kwantità ta’ tfal li jgħaddu, dawn mill-ewwel jiġu msewwija u mibdula?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Fast Ferry Services — bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22010 u jara li r-rampi mill-art għall-bastimenti kollha tal-fast ferry service humiex weqfin iżżejjed u sikuri għal kull min jużahom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-operaturi tal-Fast Ferries, jagħmlu użu ta’ rampi li huma kompatibbli mal-bastimenti li joperaw, għall-fini tal-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri inklużi persuni b'diżabilità.

Għawdex — waqfiet tal-karozzi tal-linja - tactile paving

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm waqfiet tal-karozzi tal-linja f'kull lokalità f'Għawdex? Jista' jgħid kemm minn dawn il-waqfiet fihom tactile paving fit-tarf tal-bankina fejn hemm il-waqfa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ bus stops f’kull lokalità ġewwa Għawdex huwa skont it-tabella sussegwenti: Lokalità Numru ta Bus Stops Għajnsielem 29 Il-Fontana 11 Il-Munxar 7 Il-Qala 15 In-Nadur 46 Ir-Rabat 58 Ix-Xagħra 45 Ix-Xewkija 41 Ix-Xlendi 9 Iż-Żebbug 17 L-Għarb 16 L-Għasri 5 L-Imġarr 7 Marsalforn 12 San Lawrenz 14 Santa Luċija 5 Ta ' Kerċem 7 Ta' Sannat 10 Grand Total 354 Infurmat ukoll li l-informazzjoni mitluba fir-rigward tat-tactile paving mhix disponibbli u għaldaqstant qedgħa tiġi miġbura.

Iċ-Ċirkewwa — ilqugħ protettiv fuq il-mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu x-xogħlijiet ta' lqugħ protettiv fuq il-mollijiet tal-Port taċ-Ċirkewwa wara li numru ta' inċidenti seħħew li raw vetturi jispiċċaw il-baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġie nstallat tip ta’ lqugħ protettiv f’Ġunju 2021 qabel ma’ beda is-sajf.

Qawra – Triq A Caruana – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’qed jikkawża d-dewmien fix-xogħol ġewwa Triq A. Caruana l-Qawra u meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid diversi toroq residenzjali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fosthom Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq ġdida fi Triq J Quintinus, Triq l-Indipendenza, Triq Ġużeppi Despot u Triq l-Iskuna. Ix-xogħol fi Triq Annetto Caruana beda lejn nofs Ottubru u kien parti minn proġett wieħed li jinkludi tliet toroq oħrajn fl-istess żona ta’ San Pawl il-Baħar li huma Triq it-Tamar, Triq Andrew Cunningham u triq ġdida li tiġi bejniethom. L-erba’ toroq jonqos biss li jsirilhom f’daqqa l-aħħar saff t’asfalt u se jkunu lesti fil-jiem li ġejjin. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.