Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku — Rapporti minn persuni li jużaw t-trasport pubbliku fil-konfront ta' sewwieqa tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti magħmula minn persuni li jużaw it-trasport pubbliku fil-konfront ta' sewwieqa tat-trasport pubbliku fejn irrapportaw każijiet fejn huma ġew aggrediti, insultati, mhedda u anke msawta?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lil Onor. Interpellant sabiex jispeċifika il-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.

Trasport Pubbliku – Tag tas-sewqan għax-xufiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera kollha tal-kumpanija tat-trasport pubbliku għandhomx tag biex isuqu l-istess vetturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex persuna tkun tista’ issuq vetturi tat-trasport pubbliku bil-passiġġieri jrid ikollha it-tag maħruga minn Transport Malta. Infurmat ukoll li minn spezzjonijiet li jsiru b’mod regolari minn uffiċjali ta’ Transport Malta ma jirriżultax li qatt kien hemm xi persuna li kienet qed issuq tali vetturi fuq is-servizz mingħajr ma kellha it-tag.

Għawdex – pompi tal-petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pompi tal-petrol f’Għawdex bil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet għall-permessi ta’ pompi tal-petrol ġodda f’Għawdex u jekk iva fejn huma s-siti li saret l-applikazzjoni fuqhom? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw liċenzji u permessi ġodda biex jinbnew pompi tal-petrol f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4260, L-Awtorità iddeċidiet u approvat tlieta u għoxrin applikazzjoni (23) relatati ma’ pompi tal-petrol fil-gżira ta’ Għawdex minn meta bdiet l-Awtorità tal-Ippjanar fl-1993 sal lum. Bħalissa l-istess Awtorità għandha quddiema żewġ applikazzjonijiet ivvalidati jew ippublikati għal xogħol relatat ma’ pompi tal-petrol, però dawn huma għal alterazzjonijiet jew irrinovar ta’ pompi eżistenti u mhux għal pompi ġodda. L-Awtorità ma tistax tikkometti, f’ dan l-istadju, jekk hux ser jingħata l-permess lill xi waħda minn dawn l-applikazzjonijiet peress li l-Bord tal-Ippjanar jew il-Kummissjoni tal-Ippjanar tkun trid tieħu deċiżjoni finali fuq il-meritu ta’ kull każ separat. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, deċiżi u approvati jew applikazzjonijiet pendenti li ġew ivvalidati jew ippublikati, li huma indikati fl-istess sistema bħala fil-gżira ta’ Għawdex u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti. · Petrol · Fuel . Diesel

Ta’ Xbiex – Triq il-Prinċipessa Margerita – pelican lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi stallata pelican lights fit-Triq il-Prinċipessa Margerita, Ta’ Xbiex peress li din it-triq saret traffikuża ferm?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dawn it-talbiet normalment jiġu mressqa mill-Kunsill Lokali rispettiv. F’dan il-każ Transport Malta se tkun qed tieħu nota ta’ dan is-suġġeriment u ser tibda il- proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ studju sabiex tiġi evalwata din it-talba.

Gudja – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura fil-Gudja? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma: · Tiswijiet fil- Boundary Wall Triq il-Ġibjun, Gudja By-pass. In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 1,954.99. · Filwaqt wkoll fil-Gudja saru xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni tal-infrastruttura. Il-parti l-kbira ta’ dawn ix-xogħlijiet saru f’Dawret il-Gudja. In-nefqa sa issa hija stmata €15,000.

Ħal Għaxaq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Ħal-Għaxaq? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ħal Għaxaq saru xogħlijiet ta’ patching u manutenzjoni tal-infrastruttura. Il-parti l-kbira ta’ dawn ix-xogħlijiet saru f’Dawret Ħal Għaxaq. In-nefqa sa issa hija stmata €15,000.

Raħal Ġdid — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Raħal Ġdid? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma: · Tiswija ta’ ħajt fi Triq il-Perit Mintoff. · Tiswija tar-rounabout fi Triq il-Baċir, Kordin. · Tiswija ta’ traffic island fl-area ta’ Kordin. In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet dik ta’ € 2,369.32. Barra minn hekk, x-xogħlijiet li beħsiebhom isiru huma: · Kostruzzjoni ta’ uffiċini u faċilitajiet anċillari f’Laboratory Wharf- (xogħol li qed isir għad-Dipartiment tad-Dwana). · Xogħlijiet ta’ alterazzjoni f’bini (ex- Quality Control Section) ġewwa Kordin – (xogħol li qed isir għall-Building Regulations Office). In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet hija stmata li tkun dik ta’ € 981,408.

Fgura — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura fil-Fgura? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet xogħlijiet f’dawn it-toroq imsemmija hawn taħt. Indikat ukoll l-istima tax-xoghlijiet li saru. Tul din il-legislatura, fil-Fgura, Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi , liema lista qed isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw. Triq il-Ġdida fi Triq il-Merħba, Fgura €50,000 Parti minn Triq Għarnuq, Fgura €25,000 Parti minn Triq Pawlu Micallef, Fgura €50,000 Titjieb fil-Junction fi Triq id-Dejma, Fgura €20,000

Ħal Tarxien — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’xogħlijiet saru u x’beħsiebhom isiru tul din il-leġiżlatura f’Ħal Tarxien? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hija ppjanata li tkun?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru s’issa huma: · Tiswija ta’ central strip fi Triq San Anard, Tarxien. · Tiswija tal-boundary wall fi Triq Tal-Barrani, Tarxien. In-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kienet ta’ € 899.01. Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi , liema lista qed isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Transport Malta – fondi allokati għal toroq f’Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3406 fejn il-Ministru għat-Trasport ġie mistoqsi biex jgħid kemm allokat fondi Transport Malta biex isiru toroq f'Għawdex matul is-sena 2017, fejn saru dawn it-toroq, kemm inġabu fondi tal-Unjoni Ewropea tramite Transport Malta matul l-2017 biex isiru toroq f'Għawdex u liema toroq inġabu dawn il-flus, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli minn Transport Malta peress li t-tweġiba għal dik il-mistoqsija kienet li talab li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat?

Response (BORG, IAN)

Waqt li nirringrazzja l-Onor. Interpellant tal-Mistoqsija tieghu, u iva nikkonfermalu li s-sottoskrit huwa l-Ministru politikament responsabbli minn Transport Malta, huwa jaf sal-lum kif dejjem ħadmu l-entitajiet Governattivi u l-Ministeru t’Għawdex f’dan ir-rigward. Għaldaqsant sabiex niżgura ruħi li nkun weġibt il-mistoqsija tiegħu, ninforma lill-istess Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Ġestjoni responsabbli mill-Fondi Ewropej li jistgħu jiffinanzjaw toroq minn network magħruf bħalha Ten-T, ma aġġudikat ebda sejħa relatata ma’ progetti ta’ toroq fis-sena msemmija – la fil-gżira ta’ Malta u lanqas fil-gżira Għawdxija.

Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

Peress li l-Ministru kien qal li fis-seba' snin li ġejjin il-Ministeru tiegħu ser ikun qed jonfoq mal-mitt miljun ewro fis-sena f'xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, u peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2874 kien qal li Transport Malta qiegħda taħdem fuq lista ta' interventi f'diversi lokalitajiet, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-lista hux lesta u jekk Triq Ħal Far li miż-Żurrieq tagħti għal Birżebbuġa hux ser isirilha wiċċ ġdid tat-tarmak? Jekk fl-affermattiv, meta ser jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din t-triq? Kemm hu proġettat li jiswa dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Bicycle lanes — Spazji f’toroq arterjali u distributorji

Question

Jista’ l-Ministru jara li fit-toroq arterjali u distributorji kollha, jiġu maħluqa spazji adekwati għal bicycle lanes? Jista’ jiżgura li fejn dawn jiġu introdotti jkunu safe għal min jużahom billi jsiru line markings u tabelli apposta? Jista’ jara li fejn hemm diġà bicycle lanes, dawn isirulhom il-line markings u t-tabelli neċessarji skont standards tal-EU?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Hekk kif jafu dawk kollha li jużaw it-toroq ta’ kuljum, cycle lanes jistgħu jsiru f’dawk it-toroq fejn ikun teknikament possibbli li jsiru b’mod sikur, mingħajr ma jpoġġu f’periklu s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq, fosthom is-sewwieqa tar-roti stess. Hemm postijiet fejn id-disinn tat-triq u l-użu tal-ispazju fil-ġnub tagħha ma jippermettux li jsiru cycle lanes. F’dan il-kuntest, ikun aktar prudenti li kull trid tiġi meqjusa skont il-karatteristiċi tagħha ħalli jiġu identifikati l-aħjar faċilitajiet li jistgħu realment jitwettqu b’mod sikur, għal dawk kollha li jużaw it-toroq, milli ninsistu fuq proċedura ġeneriċi mhux meqjusa. Minkejja dawn l-isfidi tekniċi, qed naħdmu sabiex kull fejn huwa possibbli jkun hemm mhux biss cycle lanes iżda anke faċilitajiet għal dawk kollha li jużaw it-toroq, fosthom dawk li jivvjaġġaw bil-pass, vetturi li jaħdmu bl-elettriku u oħrajn. Qed nikkunsidraw ukoll soluzzjonijiet alternattivi għal dawk it-toroq fejn m’huwiex teknikament possibbli li jsiru cycle lanes.

Introduzzjoni ta’ bicycle lanes ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb ta’ introduzzjoni ta’ aktar bicycle lanes ġodda f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jissottometti lista, lokalità lokalità u pjanta li tindika minn fejn sa fejn ser jiġu nklużi bicycle lanes?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4230 tal-istess seduta.

Malta u Għawdex — Tul u wisa’ ta’ kull triq arterjali u distributorja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tat-tulijiet u l-wisa’ ta’ kull triq arterjali u distributorja li għandna f’Malta u Għawdex, inkluż it-tul tal-bankini, it-tul ta’ bicycle lane li fiha (jekk fiha), minn kemm-il karreġjata hi magħmula u kemm-il lane fiha? Jista’ jissottometti pjanta li tindika fejn tinstab kull triq arterjali u distributorja?

Response (BORG, IAN)

Din l-informazzjoni tingħata meta titkejjel.

Bus lanes f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ bus lanes li jinsabu f’Malta u Għawdex, lokalità b’lokalità? Jista’ jissottometti pjanta li tindika minn fejn sa fejn tinsab kull bus lane?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ bus / priority lanes eżistenti hija kif indikata fit-tabella ta’ hawn taħt. Kopja tal-pjanta tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Priority Lanes Marsa - Aldo Moro (Northbound) Marsa - Aldo Moro (Southbound) Msida – Triq ix-Xatt Pieta' - Triq Marina shared space Floriana - Triq Nazzjonali & Triq Sarria Gzira – Triq ix-Xatt Sliema Ferries – Triq ix-Xatt Blata l-Bajda, Bombi – Triq Nazzjonali & Triq l-Indipendenza

Malta u Għawdex – bus lanes ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb ta’ introduzzjoni ta’ aktar bus lanes f’Malta u f’Għawdex? Jista’ jissottometti lista lokalità b’lokalità u pjanta li tindika minn fejn sa fejn ser jiġu inklużi bus lanes ġodda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, m’hemmx il-ħsieb li jiġu introdotti bus / priority lanes ġodda.

L-Imtarfa – ħolqien ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex fil-lokalità tal-Imtarfa, Transport Malta tara kif toħloq aktar spazju ta’ parkeġġ għar-residenti tal-Imtarfa għaliex qed jitranġaw numru ta’ binjiet u allura l-garaxxijiet mhumiex aċċessibbli għall-karozzi, u f’dawn il-ġranet marru l-wardens u weħlu ċitazzjoni mal-vetturi pparkjati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali talbiet jiġu mressqa mill-Kunsill Lokali wara li jkollu talbiet mill-individwi li ma jkollhomx aċċess għall-garaxxijiet. Il-Kunsilli Lokali ġieli jorganizzaw il-parkeġġ billi japplikaw għal sistema ta’ parking bays skont in-neċessità taż-żona fejn ikun hemm parkeġġ disorganizzat.

Reserved Parkings

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra bil-kriterji li huma meħtieġa biex persuna jkollha reserved parking (kaxxa safra) quddiem jew viċin ir-residenza ta’ fejn tgħix?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tkun intitolata li jkollha parkeġġ riservat quddiem ir-residenza tagħha jekk jirrizulta li għandha problemi severi ta’ mobilta’ u tkun sewwieq. Dan jigi determinat minn Bord li jinkludi tabib, rappreżentant tas-CRPD u uffiċċjal minn Transport Malta. F’ kull każ, il-persuna trid tkun ikkwalifikat minn qabel għall-Blue Badge. Il-parkeġġi għal persuni b’diżabbiltà m’humiex personalizzati u jintu¿aw minn dawk kollha li għandhom Blue Badg e . Dawk il-persuni li għandhom il- Blue Badge jikkwalifaw għal reserved parking space suġġett għal kundizzjonijiet oħrajn. Hemm każi eċċezzjonali oħra fejn l-Awtorità tat-Trasport tintalab tapprova parkeġġi riservati permezz ta’ kaxxi sofor għal persuni li jikkwalifikaw minħabba materja ta’ sigurtà. F’dawn il- każi t-talba tiġi minn għand il-Qorti jew il-Kummissarju tal-Pulizija.

Ħal Lija – Triq Preziosi – parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jokkupa żewġ car parking spaces (kaxxi bojod) illegalment fi Triq Merino, kantuniera ma’ Triq Preziosi f’Ħal Lija? Billi l-kaxxi ta’ dawn il-parking bays huma bojod, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir abbuż minn dawn il-parking bays għad-detriment tar-residenti li jgħixu fl-inħawi u li lmentaw fuq social media fuq dan l-abbuż? Jista’ jgħid x’passi jistgħu jittieħdu fil-konfront ta’ min qiegħed jabbuża?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li dan huwa każ relatat ma’ sigurta li tinvolvi l-ħidma wkoll tal-Korp tal-Pulizija u għaldaqstant m’għandix aktar dettalji.