Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awditur Ġenerali — nuqqasijiet

Question

Billi l-Ministru qal fil-Parlament li l-Awditur Ġenerali kien sodisfatt bit-tweġibiet kollha tal-Ministeru tiegħek dwar in-nuqqasijiet li huwa kien identifika aktar kmieni dwar l-operat tiegħu, jista' jqiegħed il-korrispondenza kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li ntbgħat lill-Awditur Ġenerali. Mid-dokument tneħħew l-appendiċi minħabba li fihom jissemmew terzi persuni u allura huma koperti bil-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.

Proċessi tal-majjal proċessat — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jagħmilx xi forma ta' spezzjoni biex ikun f'qagħda li jikkonferma jekk fil-proċess tal-majjal proċessat f'Malta jkunux qed jużaw majjal imrobbi u maqtul f'Malta jew inkella hux majjal importat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-uffiċjali jeżaminaw il-laħam li jkun qiegħed jiġi wżat għall-ipproċessar biex jiżguraw li dan għandu l-boll ovali kif mitlub mir-regolamenti Ewropej. L-uffiċjali ma jagħmlux distinzjoni jekk il-majjal hux ta’ oriġini Maltija jew barranija u din l-informazzjoni ma tinġabarx.

farmers' market — moniteraġġ fuq bdiewa li jixtru mingħand bdiewa bħalhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jimmoniterja l-bdiewa li jixtru mingħand bdiewa bħalhom biex ibiegħu fil-farmers' market bħalma jsir fil-każ tal-Pitkala, biex ma jkunx inkoraġġit cash sale u dan biex ma jkunx hemm evazjoni tat-taxxa? Jekk iva, b'liema mod?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Interpellant tiċċara l-mistoqsija tagħha.

farmers market — bdiewa li jdħaħlu prodotti li jibqgħalhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-bdiewa li qed ibiegħu fil-farmers' market jistgħux idaħħlu l-prodotti li jibqgħalhom, jiġifieri li ma jkunux biegħu fil-Pitkalija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

M’hemm xejn xi jżomm lill-bdiewa li jagħmlu dan.

farmers market — regoli fuq il-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk dawk li jistgħu jarmaw fil-farmers' market f'Ta' Qali humiex irregolati bl-istess regolamenti u liġijiet, per eżempju tas-sanità u tad-Dipartiment tal-Kummerċ bħalma huma regolati l-hawkers?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kull min qed jippartecipa fil-Farmers’ Market issottometta applikazzjoni mad-dipartiment tal-kummerċ u l-Ministeru assigura li jkun hemm spezzjoniiet regolari mill-awtoritajiet konċernati.

Dipartiment għal management tal-Animal Hospital — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-ftehim li għandu d-Dipartiment għall-Management tal-Animal Hospital ta' Ta' Qali? Jista' jispjega x'qed iwassal biex diversi persuni li ħadu l-pets tagħhom għall-kura f'dan l-isptar qed jilmentaw li qed iħallsu ħafna aktar milli jħallsu meta normalment imorru għal servizz ta' veterinarju fi kliniċi privati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 20153. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ftiehem mal-operatur biex l-NGOs jingħataw skont. Il-pubbliku li jieħu l-pets għall-kura iħallas għas-servizz b’rata kummerċjali. Il-pubbliku hu infurmat minn qabel kemm se jħallas għas-servizz.

Dipartiment tal-Animal Welfare — finanzjament ta' programm dwar il-ħarsien tal-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li d-Dipartiment tal-Animal Welfare qed jiffinanzja l-produzzjoni tal-programm dwar il-ħarsien tal-annimali li jixxandar fuq TVM? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ilu sejjer dan il-ftehim u kemm qed iħallas għalih id-dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Programm tal-Animal Welfare

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn programm li qed jixxandar fuq TVM, dwar l-Animal Welfare, qed ikollu ħafna drabi tirrappreżenta lill-Animal Welfare Department, kandidata li diġà kkontestat l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista meta fl-istess dipartiment hemm persuni oħra b'karigi aktar għolja minn tagħha li jistgħu jidhru huma minflok?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija koordinatriċi tad-Dipartiment tal-Animal Welfare u r-responsabiltajiet tagħha jinkludu l-kuntatt mal-media. M’hemm xejn xi jżomm persuna li tkun ikkontestat elezzjoni ġenerali milli jokkupa kariga ta’ uffiċjal pubbliku sal-livell li tokkupa din il-persuna. Jien infurmat li hemm persuni oħrajn kemm mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kif ukoll minn NGOs illi ġew intervistati fuq il-programm imsemmi.

Mega Project Desertec

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta dwar il-Mega Project Desertec li dwaru diversi pajjiżi ġirien tagħna diġà urew interess qawwi fih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Malta hi favur u tappoġġja proġetti ta’ enerġija li qed ikunu żviluppati fir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq.

Wind Farm Projects

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux lest li jintrabat li jippubblika l-istudji kollha qabel ma jieħu xi deċiżjonijiet strateġiċi dwar wind farm projects ta' ċertu daqs, speċjalment jekk ikun se javvera ruħu dak tas-Sikka l-Bajda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant l-E.I.As jsiru kollha pubbliċi, wara l-emendi li kienu saru fl-2001 fl-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Apparti minn hekk kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-konsultazzjoni pubblika hija parti integrali mill-proċess tal-EIA li proġett bhal dan jirrekjedi.

Rapport dwar il-mitigazzjoni tal-klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-96 proposta tar-rapport dwar mitigazzjoni tal-klima diġà ġew implimentati aktar minn sena wara li ġie approvat ir-rapport mill-parlament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

MRA — Dipartiment tal-Klima

Question

Billi bid-Dipartiment tal-Klima l-work load tal-Awtorità għar-Riżorsi Maltija se tiżdied sostanzjalment jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tal-gvern għall-proposta speċifika tal-Partit Laburista li qabel jiġi implimentat dan il-pass għandu jsir studju indipendenti mill-Management Efficiency Unit biex jiġi mgħarbel l-administrative capacity u anke l-istrengths and weaknesses tal-Awtorità nnifisha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-MRA diġà għaddejja b’taħditiet mal-entitajiet kkonċernati dwar ir-ristrutturar meħtieġ.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti lill-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21027 u jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody?, WE Events u WE Marketing & PR Services? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-kumpannija li qed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Interpellant ingħatat l-kuntratti mill-Ministeru, li jidhru fit-tabella t’ hawn taħt. Dawn ingħataw permezz ta’ direct order skont ir-regoli stabbiliti.

Għawdex: Xagħra — proġett f'Tal-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’sar matul l-2010 fuq il-proġett tal-Qortin, ix-Xagħra Għawdex? X’jonqos isir u meta mistenni li jitlesta? Kemm kienet in-nefqa ta’ dan il-proġett sena b'sena s’issa u kemm hu mistenni li tkun in-nefqa totali tal-proġett sena b'sena mil-lum sa meta jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi d-diversi aspetti tal- proġett tar-riabilittazzjoni tal-Qortin, ix-Xagħra, Għawdex diġà ġew attwati. Id-disinn tal-proġett kien gie sottomess lill-MEPA u l-proġett ġie approvat mill-Bord tal-MEPA. Tender għall-Project Management tax-xogħlijiet previsti kien ħareg, ġie evalwat u ngħata f’Ottubru 2010. Il-pass li jmiss huwa il-ħrug tat-tender għax-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni. Dan huwa previst li jsir kmieni s-sena d-dieħla. Wara li jingħata l-kuntratt tax-xogħol, il-proġett mistenni li jkun lest sas-sajf tal-2013. In-nefqa totali tal-proġett mistenni li titla’ kwazi €4.2 miljun. Fl-2009 intefqu €45,000, fl-2010 intefqu €25,000. Fis-sena 2011 mistenni li jintefqu l-fuq minn €600,000 waqt li fis-sena 2012 mistenni jintefqu aktar minn €2,100,000. Ix-xogħlijiet mistennija jispiċċaw f’2013 b’nefqa ta’ xi €800,000 oħra.

Ta' Qali — Farmer Market

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk in-nies li joperaw il-farmer market ġewwa Ta' Qali humiex koperti bil-permess u liċenzji? Jista' jagħti d-dettalji tal-liċenzja li huma għandhom u jekk humiex awtorizzati jixtru huma stess il-biegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kull persuna li jarma fil-Farmers Market issottometta applikazzjoni mad-Dipartiment tal-Kummerċ għal-liċenzja biex jarma fis-swieq. Kull persuna li tarma f’dan is-suq jista' jixtri biegħa basta dan ikun prodott Malti.

Dipartiment tas-Sajd — tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għat-tender, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u min kienu l-kumpaniji li tefgħu dawn l-offerti? Jista' jgħid jekk dan it-tender ġiex mogħti lil xi ħadd minn dawn il-kumpaniji? U f'każ li iva, lil min ingħata? Kemm huwa l-valur ta' dan it-tender? Jikkonferma li t-tender kien jistipola li min kien se jingħata dan il-kuntratt ried ikun offra tliett snin ta' fisheries management service lid-Dipartiment tas-Sajd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proċess tat-tender għadu mhux konkluż. It-tender jistipola li min se jingħata dan il-kuntratt irid ikollu ’relevant experience in carrying out services in fisheries information systems over the past 3 years’. It-tender ma jistipulax li din l-esperjenza riedet tkun mad-Dipartiment tas-Sajd ta’ Malta.

studju dwar l-imtieħen tar-riħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18825 fejn il-Prim Ministru irreferini li din il-materja trid tiġi kkonfermata mill-Awtorita' ta' Malta għar-Riżorsi, jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi twettaq xi tip ta' studju dwar l-imtieħen tar-riħ (windmills) li kienu jintużaw (u xi uħud għadhom jintużaw għalhekk ukoll) biex itellgħu l-ilma minn taħt l-art?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa għaddej proġett li qed jevalwa kif dawn l-imtieħen tar-riħ jistgħu jiġu konvertiti f’turbini li jiġġeneraw l-elettriku. Dan il-proġett qed isir bi sħab mal-Istitut għal-Enerġija Sostennibli tal-Università ta’ Malta. Diġà tħejja l-ewwel disinn u bħalissa beda x-xogħol biex jinbena prototip.

Sid ta' Razzett — ngħaġ u baħar tal-ħalib

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk huwiex permessibbli li sid ta' razzett li fih irabbi n-ngħaġ tal-ħalib, ikun jista' jrabbi ukoll baqra għall-ħalib? Jekk dan mhux permessibbli, jista' jgħid għaliex dan mhux possibbli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

ġbir ta' skart mhux separat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabar skart mhux separat kull ġimgħa, f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex bejn Jannar u Ottubru 2010 u kemm inġabar skart separat fl-istess perjodu mill-istess lokalitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevol Interpellant illi l-ammonti ta' skart miġbur jiġi rrapurtat kull xahar u mhux kull ġimgħa. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. L-ammont ta’ skart miġbur mill-bring-in sites m’hux inkluż għax dan l-iskart ma jinġabarx minn kull lokalità separatament.

Suq tal-bdiewa

Question

Wara l-esperjenza li kellna matul l-aħħar ftit ġimgħat pemezz tas-suq tal-bdiewa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu maħsub li se jkompli jinfirex l-għadd ta' swieq simili madwar Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li hu maħsub li swieq oħra jinfetħu fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.