Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 16470 tal-Legizlatura XIII, ninsab infurmat illi l-Arts Council Malta tat donazzjoni ta’ €1,500 fis-sena 2021 u €500 fis-sena 2022.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – kuntratti ma’ influencers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

Rampa bejn l-Imnajdra u Ħaġar Qim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed titkabbar ir-rampa bejn l-Imnajdra u Ħaġar Qim? Jista’ jgħid jekk il-UNESCO ġietx avżata dwar dan kif jitolbu l-operational guidelines tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-passaġġ eżistenti li jgħaqqad lil Ħaġar Qim mal-Imnajdra nbena fil-bidu tas-sittinijiet. Wara aktar minn sittin sena ta’ użu, il-biċċa l-kbira taċ-ċangaturi tal-franka kienu nkisru, u dan irriżulta f’perikli serji għas-sigurtà tal-viżitaturi, minbarra li estetikament ma kinux pjaċevoli u kienu jagħtu impressjoni ta’ traskuraġni. Barra minn hekk, infurmat li xi partijiet tal-ħitan tal-konkrit li jżommu dan il-passaġġ sofrew ħsarat strutturali u kien hemm sogru li jaqgħu. Intant infurmat li ricentament, Heritage Malta kienet iffaċċjata b’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn viżitaturi kellhom jiġu assistiti minn tim mediku waqt li kienu fl-Imnajdra. Minħabba l-wisa’ limitata tal-passaġġ, ambulanza ma setgħetx tinżel l-Imnajdra. Seħħew ukoll għadd ta’ nirien fiż-żona madwar is-siti megalitiċi iżda l-vetturi tal-Protezzjoni Ċivili ma setgħux jilħqu s-sors tan-nar, b’riskju ta’ ħsara serja kemm lill-istrutturi megalitiċi – li huma elenkati bħala Siti ta’ Patrimonju Dinji – kif ukoll lill-ambjent naturali ta’ dan is-sit ta’ Natura 2000. Infurmat li Heritage Malta studjat disinji alternattivi għal passaġġ ġdid, filwaqt li kkunsidrat il-kuntest tal-madwar, il-loġistika u l-metodoloġija tax-xogħol li għandha tiġi adottata biex is-siti jinżammu aċċessibbli u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda impatt fuq is-siwi arkeoloġiku u ekoloġiku taż-żona. Fl-istess ħin, Heritage Malta kellha tagħżel disinn aħjar biex jiġi ffaċilitat l-aċċess f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għalhekk, infurmat li Heritage Malta kellha żżid il-wisa’ tal-passaġġ mingħajr ma tiġi estiża l-istruttura lil hinn mill-pedament eżistenti tagħha. Dan wassal għall-ħtieġa li kull naħa tal-passaġġ tisporġi b’35 ċm ’il barra bla ma jitwessgħu l-pedamenti. Infurmat li strutturalment, dan seta’ jitwettaq biss bl-użu ta’ planki tal-konkrit. Infurmat li ntgħażlet sistema ta’ precast minflok jingħata l-konkrit fuq il-post sabiex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta’ tixrid ta’ materjal u biex tiġi ffaċilitata l-kostruzzjoni. Il-wiċċ tal-planki qed jitħalla biż-żrara tal-qawwi mqabbża, sabiex il-kulur aħħari tal-planki tal-konkrit jaqbel aktar mal-ambjent ta’ blat fil-madwar. Infurmat ukoll li l-livelli tal-passaġġ eżistenti se jinbidlu wkoll f’għadd ta’ punti sabiex tiġi segwita t-topografija taż-żona u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ waqgħat minn għoli eċċessiv tul dawn il-punti. Sabiex jitjieb l-aċċess għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’każ ta’ nirien, infurmat li qed tiġi integrata wkoll sistema ta’ tifi tan-nar fil-passaġġ il-ġdid li mhux biss se tilħaq lill-Imnajdra iżda se jkollha wkoll għad ta’ punti ma’ fejn jistgħu jitqabbdu l-pajpijiet tal-ilma. Il-passaġġ il-ġdid se jiffaċilita wkoll il-manutenzjoni tal-ilqugħ li jgħatti ż-żewġ siti. Intant infurmat li x-xogħlijiet huma koperti mill-permess għall-iżvilupp PA1637/20, li minbarra r-rikostruzzjoni tal-passaġġ jinkludi wkoll it-tibdil tal-kmamar tal-uffiċjali tas-sigurtà li kien hemm sa issa f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Infurmat ukoll li matul il-proċess tal-ippjanar u qabel ma nħareġ il-permess, kien hemm konsultazzjoni kontinwa kemm mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li t-tnejn qed jissorveljaw ix-xogħlijiet li għaddejjin. Il-periti u l-arkeologi ta’ Heritage Malta qed jagħmlu monitoraġġ u sorveljanza kontinwa wkoll. Fuq nota finali, infurmat li kif mitlub fil-linji gwida dwar l-operat, il-UNESCO jiġu infurmati b’xogħol ta’ manutenzjoni bħal dan fir-rapporti li jintbagħtu regolarment.

Birkirkara – Triq Psaila — bus stop

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-bus stop li kien hemm fejn il-binja tal-GO ġewwa Triq Psaila, Birkirkara, iċċaqlaq u ħa erba’ parking spaces, meta 100 metru 'l bogħod hemm bus stop quddiem Sunshine Store u ieħor fejn l-iskola? X’permessi kien hemm biex iċċaqlaq dan il-bus stop?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li ninsab infurmat illi l-imsemmi ‘Bus-Stop’ ma jaqax fil-konfini ta’ Birkirkara iżda ta’ Santa Venera, nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi d-domanda tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Belt Valleta — lift - kuntatt f'każ ta' emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-awtorità responsabbli mill-manutenzjoni tal-lift ta' Bieb il-Belt? Jista' jgħid ukoll xi jrid isir u ma' min irid isir kuntatt f'każ ta' emerġenza?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli Lokali – kunsillier nisa u rġiel

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi dettalji dwar ir-rappreżentenza femminili li hemm fil-Kunsilli Lokali wara l-elezzjoni ta' Mejju 2019? Jista’ jgħid kemm hemm membri eletti fil-Kunsill Lokali li huma nisa, irġiel u t-total ta' membri li huma eliġibbli għal kull lokalità li jiġu eletti fil-kunsill, maqsuma lokalità lokalità għat-68 kunsill lokali? X’inhu t-total ta' kandidati nisa u rġiel li kkandidaw ruħhom imqabbel mat-total ta' kandidati nisa u rġiel li ġew eletti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali 2019? Jista’ jagħti informazzjoni dwar is-sess, l-età u l-lokalità ta' dawk eletti?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi d-domanda tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461, 5066, 5165 u 6362 jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta’ żvilupp fuq ix-xogħol neċessarju fil-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid fid-dawl li din is-sitwazzjoni issa ilha pendenti s-snin u jindika meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju f’din il-pjazza ?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Segretarju Parlamentari – spiża fuq servizzi ta’ fotografija

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, jgħid jekk ingaġġax persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġa, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li s-Segretarjat Parlamentari kkonċernat nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali ma ingaġġat l-ebda persuna bħala fotografu, la full-time u lanqas part-time. Minn żmien għal żmien is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali tagħmel użu minn numru ta’ servizzi medjatiċi relatati ma’ attivitajiet li jiġu organizzati biex jippromwovu l-ħidma li ssir u diversi servizzi li minnhom igawdi l-poplu u parti żgħira minn dawn jinkludu l-fotografija. Għal servizzi ta' fotografija, l-ispiża totali għas-sena 2022 kienet ta' €2,770.80.

Ingaġġ ta’ persuni għal servizzi ta’ fotografija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingaġġax persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġa, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li l-Ministeru nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma ngaġġa l-ebda persuna bħala fotografu, la full-time u lanqas part-time. Minn żmien għal żmien il-Ministeru jagħmel użu minn numru ta’ servizzi medjatiċi relatati ma’ attivitajiet li jiġu organizzati biex jippromwovu l-ħidma li ssir u diversi servizzi li minnhom igawdi l-poplu u parti minn dawn jinkludu l-fotografija. Għal servizzi ta' fotografija, l-ispiża totali għas-sena 2022 kienet ta' €14,600.

Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Servizzi fil-qasam tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-servizzi li ngħataw lill-anzjani mill-Kunsilli Lokali matul is-sena 2021 u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt illi ntenni l-impenn kontinwu ta’ dan il-Gvern vis-à-vis ċ-ċittadini kollha, mhux l-inqas liċ-ċittadini anzjani, ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 5976.

Fosos tal-Furjana – Xogħol ta’ manutenzjoni u/jew restawr

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8008, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir xi xogħol ta' manutenzjoni jew restawr, jew kwalunkwe xogħliijiet oħrajn li bihom se jirripristinaw il-Fosos tal-Floriana? Jista' jgħid liema entità hi responsabbli għall-manutenzjoni tal-imsemmija Fosos tal-Floriana?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Talbiet għal ħlas ta’ ħsarat fuq il-vetturi minħabba l-kundizzjoni tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8507 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7918, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għamlu talba għall-ħlas lill-Gvern Lokali dwar allegati ħsarat li sofrew fuq il-vetturi tagħhom minħabba l-kundizzjoni tat-triq, u f'liema lokalitajiet saru, f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt. Kunsill Lokali 2021 2022 2023 (sad-data tat-tweġiba ta' din il-PQ) Totali ta' Talbiet Kunsill B'Kunsill fl-aħħar sentejn (2021, 2022 u 2023 sad-data tat-tweġiba ta' din il-PQ) Il-Belt Valletta (Citta' Umilissima) 0 0 4 4 L-Imdina (Citta' Nobile) 1 1 0 2 Il-Birgu (Citta` Vittoriosa) NIL RETURN 0 L-Isla (Citta' Invicta) NIL RETURN 0 Bormla (Citta Cospicua) 1 0 0 1 Ħal Qormi (Citta' Pinto) 1 4 1 6 Ħaż-Żebbuġ (Ċitta Rohan) NIL RETURN 0 Ħaż-Żabbar (Citta' Hompesch) 9 6 2 17 Is-Siġġiewi (Citta Ferdinand) 14 18 10 42 Iż-Żejtun (Citta` Beland) 7 5 3 15 Ir-Rabat (Għ) (Citta` Victoria) 0 1 0 1 Ħ'Attard NIL RETURN 0 Ħal Balzan 0 4 0 4 Birkirkara 6 4 3 13 Birżebbuġa 1 2 2 5 Ħad-Dingli 3 2 0 5 Il-Fgura NIL RETURN 0 Il-Floriana 0 0 2 2 Il-Fontana NIL RETURN 0 il-Gudja 1 0 0 1 Il-Gżira 3 5 1 9 Għajnsielem 0 0 1 1 L-Għarb NIL RETURN 0 Ħal Għargħur 2 1 6 9 L-Għasri NIL RETURN 0 Ħal Għaxaq NIL RETURN 0 Il-Ħamrun 0 3 1 4 L-Iklin 0 0 5 5 Il-Kalkara NIL RETURN 0 Ta' Kerċem 1 0 0 1 Ħal Kirkop NIL RETURN 0 Ħal Lija 0 0 1 1 Ħal Luqa 8 7 5 20 Il-Marsa 1 1 1 3 Marsaskala 3 1 0 4 Marsaxlokk NIL RETURN 0 Il-Mellieħa NIL RETURN 0 L-Imġarr 2 3 3 8 Il-Mosta 8 7 12 27 Mqabba 1 2 0 3 L-Imsida 1 2 3 6 Il-Munxar 0 0 1 1 In-Nadur NIL RETURN 0 In-Naxxar 15 14 6 35 Ir-Raħal Ġdid (Paola) 1 1 0 2 Pembroke 2 2 3 7 Tal-Pieta' 0 1 1 2 Il-Qala 1 1 0 2 Il-Qrendi NIL RETURN 0 Ir-Rabat (Mt) 10 8 4 22 Ħal Safi NIL RETURN 0 San Ġiljan 3 2 4 9 San Ġwann 4 7 10 21 San Lawrenz NIL RETURN 0 San Pawl il-Baħar 10 15 2 27 Ta' Sannat NIL RETURN 0 Santa Luċija 0 1 0 1 Santa Venera 0 2 1 3 Tas-Sliema 7 5 3 15 Is-Swieqi 5 3 10 18 Ta' Xbiex 3 1 0 4 Ħal Tarxien 1 2 2 5 Ix-Xagħra 4 2 0 6 Ix-Xewkija 2 2 1 5 Ix-Xgħajra NIL RETURN 0 Iż-Żebbuġ (Għ) NIL RETURN 0 Iż-Żurrieq NIL RETURN 0 L-Imtarfa NIL RETURN 0

Il-Furjana – manutenzjoni taż-żona wara l-Librerija Pubblika Ċentrali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8484, jista’ l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-parti ta’ wara tal-Librerija Pubblika Ċentrali l-Furjana faċċata tal-Msida Bastion Historic Garden, int u tiela’ lejn l-Uffiċini tal-Kumissarju tat-Taxxi Interni billi mhijiex tiġi kkurata u miżmuma tajjeb ?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Belt Valletta – Palazzo Parisio – dokumentazzjoni relatata max-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni relatata mal-permessi maħruġa minn Heritage Malta għax-xogħlijiet li saru f’Palazzo Parisio fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Belt Valletta – xogħlijiet f’Palazzo Parisio

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni relatata mal-permessi maħruġa minn Heritage Malta għax-xogħlijiet li saru f’Palazzo Parisio fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta? Jista’ jgħid kemm swiet l-ispiża ta’ Palazzo Parisio?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.