Legislature:
Category:
Reset
Active:

Smart City — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29427 u jgħid kemm kienet s'issa n-nefqa min-naħa tal-gvern, minn korporazzjonijiet u awtoritajiet tiegħu biex żamm mal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt li ffirma meta twaqqfet Smart City? Fiex intnefqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li in-nefqa min-naħa tal-Gvern skont il-kuntratt li ffirma meta twaqqfet Smart City kienet ta’ € 5,823,433.5, liema ammont huwa self bankarju li MGTIL ħadet biex tkun tista tħallas l-esproprazzjoni ta’ art li nkriet lil SCM. Minn naħa ta’ l-MIP intefqu € 7,930,066 fuq spejjeż ta’ rilokazzjoni u hemm € 55,000 pendenti lil kumpaniji li talbu kumpens għal telf ta’ negozju li sofrew. In-nefqa min-naħa tal-Enemalta u l-Water Services Corporation fiż-żona magħrufa bħala Smart City Malta hija relatata mal-iżvilupp infratrutturali neċessarju biex ikunu jistgħu jipprovdu is-servizzi tagħhom. F’dan ir-rigward, dawn il-korporazzjonijiet ma daħlu fl-ebda spiża addizzjonali minħabba SCM, imma l-investiment sar fuq espansjoni tal-infrastruttura tagħhom biex ikunu jistgħu jipprovdu is-servizzi relatati fuq il-prodotti u servizzi rispettivi li joffru; li huma l-ilma u l-elettriku. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-gvern jirċievi kull sena mingħand il-kumpanija l-ħlas taċ-ċens liema ċens jiżdied matul il-konċessjoni sabiex matul id-99 sena tal-konċessjoni ikun rċeva total ta’ € 9.922 miljun. Apparti minn hekk il-Gvern għandu wkoll sehem ta 9% mill-ekwità tal-kumpanija biex jirrifletti l-investiment tal-gvern li pprovda l-art, liema sehem ma jistax jitneħħa jew ikun imnaqqas sakemm jitlesta proġett.

Reserved Parking — awditjar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25657 u 26562, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reviżjoni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26562 saritx? Jekk fl-affermattiv, jista' jirraporta lill-Kamra r-riżultat ta' dan l-eżerċizzju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bini tal-Parlament il-Ġdid — proċess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28842 u jgħid x'miżuri ambjentali qed jittieħdu fil-proċess tal-proġett tal-bini tal-Parlament il-Ġdid waqt il-fażijiet differenti tal-kostruzzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qegħdin jiġu mplementati numru ta' mizuri ambjentali matul il-kostruzzjoni ta’ dan il-progett, kif gej:- - il-materjal jiġi rriċiklat, bħal per eżempju ċertu materjal li ġie skavat qiegħed jerġa jintuża għall-proġett; - L-iskart ta’ kostruzzjoni qiegħed jiġi magħżul fuq is-sit qabel ma jiġi mormi fil- landfills indikati; - strateġija biex materjal varju li għandu jintuża fuq il-bini jasal fuq is-sit meħlus minn kull materjal ta’ ppakkeġġar; - sistema ta’ just in time delivery biex jitnaqqas ir-riskju li jitkisser xi materjal; - moniteraġġ fuq il-konsum tal-elettriku, tal-ilma u tad- diesel ; - Miżuri oħra li ttieħdu biex jitnaqqas l-impatt tal-progett fuq l-ambjent tal-madwar jinkludu: · Wheel wash fejn il-ħruġ (l-ilma tax-xita qiegħed jigi miġbur ġo reservoir biex jerġa jintuża) · Kontrol fuq it-trab billi jintużaw dust suppressing equipment , bħal vacuums, netting, damping u kanuni tal-ilma · Meta jkun possibbli l-kunsinnji jgħaddu mid-Ditch u l-Yellow Garage Tunnel u mhux mit-toroq prinċipali tal-Belt.

Parlament il-Ġdid — kunsiderazzjonijiet ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28843 u jgħid x'kunsiderazzjonijiet ambjentali qed jittieħdu fil-bini tal-Parlament il-ġdid li jaffettwaw l-operat tal-bini meta dan jibda jiffunzjona f'termini ta' energy performance? Jista' jgħid x'rating ambjentali mistenni li jkollu l-bini tal-Parlament il-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Bini tal-Parlament il-Ġdid se jkun qed inaqqas il-carbon emissions minħabba diversi fatturi: l-għamla u l-metodu ta’ kif se jkun mibni; istallazzjoni ta’ sistemi ta’ energija efficjenti u kontroll adegwat ta’ dawn is-sistemi, li jinkludu pannelli fotovoltajċi li se jkunu fuq il-bejt tal-bini li se jipprovdu madwar 20% tal-enerġija wżata għall-bini. Dawn is-sistemi se jkunu superviżjonati u analiżżati fid-dettal biex dejjem jiġu studjati opportunitajiet aħjar ta’ effiċjenza. L-ilma tax-xita se jkun miġbur u maħżun biex jintuża għal non-potable water. Dan kollu jsegwi il-linji gwida internazzjonali. Id-disinn tas-servizzi jimxi mal-kriterji fi proċeduri bħal BREEAM u LEED.

Transport Malta — parkeġġ għar-residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull lokal, kemm hemm spazji ta' parkeġġ għar-residenti lokal b'lokal? Meta saret it-talba quddiem Transport Malta biex tidħol din l-iskema? Fil-preżent kemm huma l-kunsilli lokali li għandhom talba quddiem Transport Malta biex jagħmlu parkeġġ residenzjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma żżommx dettalji dwar l-ammont ta’ parkeġġi riservati bl-iskema tal-parkeġġ residenzjali lokal b'lokal iżda qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' kull triq, lokal b'lokal, u l-ħinijiet meta tapplika l-iskema skont Avviż Legali 200 tal-2009 u wkoll id-dati ta' meta saret kull talba mill-kunsill lokali rispettiv. Hemm ukoll skema fi Triq Ħajt Ruman, Triq San Ġużepp u Triq Żurrieq approvata ġo Ħal Safi li għadha fil-perjodu ta' prova. L-ammont ta' kunsilli lokali li għandhom talba pendenti għal parkeġġ residenzjali fil-lokalità tagħhom huma totali ta' ħmistax.

Riforma tat-trasport il-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta bdiet taħdem ir-riforma il-ġdida tat-trasport pubbliku bir-rotot il-ġodda, liema huma l-lokalitajiet li tnaqqsulhom il-parkeġġi? Kemm tnaqqsu minn kull lokal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li tneħħew is-sussegwenti parkings mill-lokalitajiet ta’: Valletta 45 parkeġġ u 20 parkeġġ riservat Gżira 2 parkeġġi Żebbuġ 3 parkeġġi San Ġwann 4 parkeġġi (1 għal mutur) Tarxien 2 parkeġġi San Pawl il-Baħar 6 parkeġġi Marsaskala 1 parkeġġ Sliema 26 parkeġġ

Transport Malta — breakdown tas-salarji u kundizzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28475, jista' l-Ministru jagħti breakdown tas-salarji u kundizzjonijiet tal-40 persuna li ġew impjegati ma' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-fatt in-numru ta' persuni li kienu ingaġġati ma' Transport Malta kien ta' 41 u mhux ta' 40 kif bi żvista kien indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 28475. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi s-salarji u l-kundizzjonijiet ta' dawn il-41 persuna.

Transport Malta — lokalità tal-persuni impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28475, jista' l-Ministru jagħti breakdown minn liema lokalità ġejjin l-40 persuna impjegati ma' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

B'żieda ma' dak li għedt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 29140, ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-persuni ġejjin minn 26 lokalità differenti mxerrda ma' Malta u Għawdex li huma: M'Scala, Mosta, Siġġiewi, Lija, Rabat, Mrieħel, Gżira, Attard, Balzan , Naxxar, Xemxija, B'Kara, Mellieħa, Swieqi, Sliema, San Ġiljan, Marsalforn, Pembroke, Pieta', Sta Venera, Valletta, Żejtun, Ħamrun, B'Bugia, Paola u Ħaż-Żabbar.

Sliema — studju fuq breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar il-possibbiltà li jsir breakwater f'Tas-Sliema? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-istudju fuq il-Medja tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma sar l-ebda studju min-naħa tal-Ministeru tiegħi tat-tip li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

MITA — faċċata ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-faċċata l-ġdida tal-binja tal-Malta Information and Technology Agency ġewwa Santa Venera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża relatata ma' xogħlijiet fuq il-faċċata l-ġdida tal-binja tal-Malta Information and Technology Agency (MITA) ġewwa Santa Venera hija ta' €277,020 mingħajr il-VAT.

Riforma fit-trasport pubbliku

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7971, jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta' x'intnefaq, min issuplixxa u kemm sewa kull prodott li kellu x'jaqsam ma' xogħol, apparat elettriku, mekkaniku u finishing works li ammontaw għal €3,179,837?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal xiex qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu minħabba li l-Mistoqsija Parlamentari 7971 tidher li titratta suġġett differenti.

San Pawl il-Baħar — Triq Piscopo Macedonia - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jibda x-xogħol marbut ma' Triq Piscopo Macedonia, u xi toroq oħra fl-istess inħawi, f'San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-lista ta' toroq residenzjali li Transport Malta għandha tagħmel sas-sena 2012. Fil-preżent qed jitħejjew l-istejjem neċessarji biex tkun tista’ toħroġ is-sejha għall-offerti aktar tard din is-sena.

trakkijiet u vetturi industrijali pparkjati f'żoni residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk trakkijiet u vetturi industrijali jistgħux jiġu pparkjati f'żoni residenzjali? Jekk iva, għal kemm il-ħin? Jistgħu dawn jiġu pparkjati f'dawn iż-żoni u jitħallew hemm għal perjodu ta' ġranet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3804.

Mosta — Triq il-Wied - parking

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parking ta' Triq il-Wied, il-Mosta jiġi organizzat ħalli vetturi industrijali u trakkijiet kbar ma jkunux jistgħu jipparkjaw f'żoni residenzjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamnetari Nru. 27757, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din it-talba lill-kunsill lokali konċernat sabiex jittieħdu l-passi neċessarji u jiġu nfurzati r-regolamenti applikabbli.

Transport Malta — parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' monitoring tagħmel Transport Malta fejn jidħlu parking bays fil-lokalitajiet tagħna għall-parking riservat, parking għal persuni b'diżabilità eċċ.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għandha r-responsabbiltà li tapprova u timplimenta l-parkeġġi riservati ġodda li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija, iżda r-responsabbiltà tal-manutenzjoni u l-ħarsien ta' tali parkeġġi fit-toroq tal-kunsilli lokali taqa' taħt l-istess kunsilli lokali.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — persuni b'diżabilità impjegati fis-settur u fis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilità f'kull skala fis-settur u s-servizz pubbliku impjegati fid-dipartimenti, uffiċċji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid għal kull vettura skont in-numru, x'inhu l-użu tagħha u min jużaha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kuntratturi privati — proġetti tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus attwali li għandha titħallas lill-kumpaniji/kuntratturi privati għal xogħlijiet li għamlu fi proġetti tat-toroq f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.