Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretjaru Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mis-Segretarjat Parlamentari u minn kull entità li taqa’ taħtu għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti:
a. L-isem l-attivita;
b. L-iskop tal-attività;
c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.);
d. Id-Data tal-attività;
e. Il-post fejn saret;
f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u
g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21410.
Santa Luċija — Parkeġġ biswit il-ground tal-futbol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu s’issa dwar il-parkeġġ li hemm biswit il-ground tal-futbol ta’ Santa Luċija u li fuqu qamet kontroversja minħabba l-bdil fl-użu tiegħu u x’passi iktar ser jittieħdu, jekk huwa l-każ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li SportMalta bgħatet ittra legali lill-Klabb imsemmi. Tali ittra qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22384, dwar studenti bil-kundizzjoni tal-ADHD, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jaqsam din l-informazzjoni skont jekk l-iskejjel humiex tal-Istat, tal-Knisja jew tal-privat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Settur
Primarja
Skola Medja
Skola Sekondarja
Stat
284
146
207
Knisja
235
/
326
Indipendenti
88
/
109
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22384, dwar studenti bil-kundizzjoni tal-ADHD, jista' l-Ministru jipprovdi l-aħħar figuri li għandha l-Università ta' Malta u jgħid għal liema data jirreferu dawn il-figuri?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħal ma ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22384, l-Universita ta’ Malta tista’ tippublika l-informazzjoni mitluba wara l-aħħar tas-sena.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22383, dwar studenti bil-kundizzjoni tad-dyslexia, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jaqsam din l-informazzjoni skont jekk l-iskejjel humiex tal-Istat, tal-Knisja jew tal-privat?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22383, dwar studenti bil-kundizzjoni tad-dyslexia, jista' l-Ministru jipprovdi l-aħħar figuri li għandha l-Università ta' Malta u jgħid għal liema data jirreferu dawn il-figuri?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħal ma ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22384, l-Università ta’ Malta tista’ tippublika l-informazzjoni mitluba wara l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każ/każijiet ta' rapporti dwar abbuż fiżiku minn edukatur/edukaturi fuq student/studenti fl-iskola li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament matul is-sena 2023? Jekk iva, meta saru dawn ir-rapporti? Jista’ jgħid ukoll għal kull każ, jekk sarx rapport lill-pulizija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena msemmijja ġejna nfurmati b’2 każijiet. Infurmat li l-Pulizija għaddejha bl-investigazzjoni neċessarja u għaldaqstant informazzjoni addizzjonali ma tistax tiġi ppublikata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fl-Awtorità għall-Integrità fl-Isports li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Jekk iva, jista' jgħid min huma, u x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-entita msemmija hemm impjegat wieħed li hu kunsillier. Infurmat li l-pakkett finanzjarju ta’ dan l-impjegat hu marbut ma’ direttiva 7.
Università ta’ Malta — Korsijiet bi stipendju addizzjonali - Admissions
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm admissions fil-korsijiet tal-Università ta’ Malta li fl-aħħar ħames snin kellhom stipendju addizzjonali (prescribed courses)?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Sportivi — Studenti li jirrappreżentaw lil Malta - Safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif is-sistema edukattiva qed tagħti sapport fit-tliet livelli ta' edukazzjoni differenti (sekondarju, post sekondarju u terzjarju) meta dawn l-istudenti jkunu mitluba li jsiefru biex jirrappreżentaw lil Malta jew inkella jkunu mitluba li jattendu għal training biex jiġu preparati għall-kompetizzjonijiet relattivi fl-isport tagħhom waqt il-ħin tal-lezzjonijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-istudenti li jirrapreżentaw lil pajjiżna, jingħataw is-sostenn kollu neċessarju sabiex jirkupraw il-lezzjonijiet u x-xogħol mitluf. Dan isir permezz ta’ lezzjonijiet online jew lezzjonijiet rekordjati.
Sportivi — Studenti li jirrappreżentaw lil Malta - Għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-istudenti li huma wkoll sportivi u jirrappreżentaw lil Malta f'xi tip ta’ sports jew huma parti mit-tim Nazzjonali fl-isport tagħhom speċjalment dawk ta' taħt is-16-il sena, kif ukoll f'livell post sekondarju fejn jidħlu noti u spjegazzjoni tal-lezzjonijiet partikulari li huma jkollhom jitilfu biex jattendu għal dawn l-attivitajiet?
Sportivi — Studenti li jkomplu l-isport tagħhom fuq livell aktar avvanzat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi tip ta' studju jew ingħatatx xi tip ta' attenzjoni fejn wieħed jara jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-istudenti li jkomplu l-isport tagħhom fuq livell aktar avvanzat mill-bqija u ċjoè li jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-isport tagħhom u jekk dawn humiex qed jingħataw l-opportunità kollha meħtieġa biex ikollhom ukoll suċċess akkademiku, dan in kwantu li jkollhom inaqqsu l-ħin regolari tagħhom ġewwa l-klassi bħall-bqija tal-istudenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn l-istudenti hux qed ikollhom jagħżlu li jitilqu l-isport jew li jkomplu l-istudju akkademiku tagħhom għax is-sistema eżistenti mhux qed toħloq bilanċ u sapport reċiproku bejn it-tnejn?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li matul ix-xhur li għaddew sar studju dwar dan ibbażat fuq l-istudenti li attendew l-iskola Nazzjonali tal-Sport. Permezz ta’ dan l-istudju ser issir l-evalwazzjoni neċessarja sabiex dawn l-istudenti jingħataw l-opportunitajiet mistħoqqa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet tas-Servizz kontra l-Ibbuljar?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għan tas-servizz hu li jqajjem għarfien u jintervjeni f’każijiet ta’ ibbuljar billi joffri għajnuna u sapport ġewwa l-iskejjel kollha. L-istudenti jiġu mgħejuna biex jilħqu l-milja tal-kapaċitajiet soċjali u l-ħiliet akkademiċi tagħhom sabiex l-istudenti jħossuhom siguri f’ambjent sigur bl-għan li jħaddnu l-valuri neċessarji b’ċertu rispett.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien ippjanat li titlesta l-binja tas-Sustainable Living Complex (SLC) tal-Università ta' Malta u kemm kienet stmata li tiġi tiswa? Jista' jgħid ukoll jekk il-proġett marx over-budget u jekk kienx hemmx direzzjoni biex ix-xogħol jieqaf minħabba nuqqas ta' fondi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-binja msemmija kellha titlesta fl-2023, pero minħabba problemi loġistiċi din il-binja għadha ma tlestitx. Din il-binja ġiet stmata li tiġi tiswa għal madwar €49.5 miljun.
M’hemm l-ebda struzzjoni sabiex ix-xogħol fuq din il-binja jitwaqqaf u kemm il-Gvern, kif ukoll l-Università huma kommessi biex dan il-proġett jitlesta sa l-aħħar.
Għawdex — Studenti b’diżabiltà li jagħlqu s-16-il sena - Korsijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema edukattiva f’Għawdex hux qed toffri xi korsijiet għal studenti b’diżabiltà li jagħlqu s-16-il sena? Jekk iva, jista’ jgħid jekk għal dawn il-korsijiet, dawn l-istudenti humiex qed ikunu offruti assistenza personali skont l-esiġenzi tagħhom?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda kurrikulu nazzjonali speċifiku għall-istudenti li għandhom aktar minn 16-il sena li jattendu fl-iskola Sannar Primary and Special Unit. L-iskola toffri programm kurrikulari funzjonali (Functional Curriculum) bbażat fuq il-ħtiġijiet li joħorġu mill-Pjan Individwali Edukattiv għal kull student.
Fil-Unit Speċjali fl-iskola ta’ Sannat studenti minn sittax-il sena sa tnejn u għoxrin sena isegwu programm li għalkemm hu mibni fuq il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali huwa adattat għal kull student individwali. L-istudenti huma mqassma fi klassijiet fejn ikun hemm għalliem wieħed, erbgħa
Learning Support Educators
u mhux iktar minn tmin studenti.
Kull student, kull sena jkollu l-
Individualized Educational Programme
tiegħu maħdum b’konsultazzjoni mal-ġenituri u mal-professjonisti kollha li jsegwu lill-istudent. Xogħol l-għalliem hu li jara li kull student qed jirċievi tagħlim li hu tajjeb għall-istudent bl-għajnuna tal-
Learning Support Educators
.
Il-ġurnata tibda u tispiċċa b’dak li hu msejjaħ
Circle Time
. Waqt dan il-ħin il-klassi tkun miġbura kollha bħala familja u l-enfasi tkun fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet soċjali. Fil-ħin l-ieħor il-ġurnata tkun mimlija b’attivita’ strutturata waħda wara l-oħra. Għalkemm f’ħin wieħed kulħadd ikun qed jagħmel il-Matematika ma jfissirx li l-istudenti kollha jkunu qed jagħmlu l-istess attività imma kollha kemm huma jagħmlu attività skont il-ħila u l-bżonn tagħhom.
Normalment l-attivitajiet ikunu marbuta ma tema partikulari li tinbidel kull ġimgħa.
Suġġetti li jiġu mgħallma huma:
· Malti
· Ingliż
· Matematika
· Xjenza Ġenerali
· Reliġjon
· Office Skills
· Lego Club
· Edukazzjoni Fiżika
· Tisjir
· Life-Skills
· Home Management
· Hydrotherapy
· Ħiliet fl-Informatika ( ICT Skills)
Fl-aħħar tas-sena jsir
Review
tal-
Individualized Educational Plan
biex jiġi diskuss flimkien mal-ġenituri l-progress li sar. Dan ir-
Review
iservi bħala bażi għat-tagħlim li jingħata fis-sena ta’ wara.
Il-filosofija tal-iskola hi li fl-istudent ma narawx dak li ma jafx jew mhux kapaċi jagħmel imma naraw il-potenzjal partikulari tal-istudent, anke b’diżabilità severa u nippruvaw niżviluppawh.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — CEOs u membri fi ħdan il-bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-CEOs u l-membri fi ħdan il-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll il-ħlas u l-perkaċċi ta' dawn is-CEOs u l-membri f’dawn il-bordijiet u l-perjodu tal-ħatra tagħħom?
Skejjel statali — Livell primarju - Għalliema li rriżenjaw fl-aħħar term skolastiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw għalliema matul l-aħħar term skolastiku u li kienu jgħallmu fil-livell primarju fl-iskejjel statali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar term skolastiku tas-sena li għaddiet, minn 1,294 għalliem, irriżenjaw 8 għalliema fil-livell primarju.
Skejjel statali — Livell medju u sekondarju - Għalliema li rriżenjaw fl-aħħar term skolastiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw għalliema matul l-aħħar term skolastiku u li kienu jgħallmu fil-livell medju u sekondarju fl-iskejjel statali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar term skolastiku tas-sena li għaddiet, minn 2,854 għalliem, irriżenjaw 8 għalliema fil-livell medju u sekondarju.