Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nollijiet ġodda tal-karozzi tal-linja — żieda lill-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk ġiex ikkunsidrat il-fatt li minn meta jidħlu n-nollijiet l-ġodda tal-karozza tal-linja, li se jkunu ogħla minn dawk tal-lum, dawk il-ħaddiema li qed jagħmlu xogħol fil-komunita' humiex se jingħataw żieda peress li hemm min saħansitra jrid jirkeb erba' karozzi tal-linja kuljum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif irreferejt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23073, waħda mir-regoli tal-Iskema hi li l-parteċipanti mhumiex meħtieġa jużaw it-trasport pubbliku aktar minn darbtejn kuljum. Ma jirriżultax li hemm xi parteċipant, li kif qal l-Onor. Interpellant li qed ikollu jirkeb erba karozzi tal-linja kuljum. Jekk jirriżulta li hemm xi parteċipant li qed ikollu juża l-karozza tal-linja erba darbiet kuljum dan qed isir mingħajr ma huma nfurmati l-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Iskema fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Għaldaqstant il-persuna inkwistjoni għandha tinforma b`dan lil dawk responsabbli biex jinstab rimedju immedjatament .

Xogħol fil-komunità — sick leave u vacation leave

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li dawk li ġew magħżula sabiex jaħdmu fl-iskema xogħol fil-komunità mhumiex intitolati la għal sick leave u lanqas vacation leave? Tista' l-Ministru tikkonferma ukoll li jekk impjegat ma jersaqx għax-xogħol għal jum, dan irid xorta jaħdem is-sigħat nieqsa sabiex ilaħħaq l-ammont ta' 780 siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-parteċipanti fl-iskema mhumiex impjegati u għalhekk mhumiex intitolati għal sick leave jew għal vacation leave. Meta jkunu, għal xi raġuni assenti, jaħdmu s-sigħat meħtieġa meta jkunu jistgħu biex ilaħħqu l-ammont ta’ siegħat stabbiliti.

skema xogħol fil-komunità — kundizzjonijiet diskriminatorji

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk taqbilx bil-mod kif qed titħaddem l-iskema tax-xogħol fil-komunità li toffri kundizzjonijiet diskriminatorji fil-konfront ta' dawn il-ħaddiema tal-iskema, meta jaraw li sħabhom u kollegi fuq il-post tax-xogħol għandhom il-possibilità ta' sick leave u vacation leave? Ma taħsibx li wasal iż-żmien li dawn il-ħaddiema, fuq bażi pro rata għandhom jingħataw kemm vacation leave u ossia sick leave u dan fl-iqsar żmien possibili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-parteċipanti f’din l-Iskema m’għandhomx status ta’ impjegati iżda ta’ reġistranti. Għaldaqstant m’għandhomx kundizzjonijiet ta’ impjegati imma ta’ parteċipanti.

Skema xogħol fil-komunità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilha topera l-iskema tax-xogħol fil-komunità, kemm minn dawk magħżula ilhom fl-iskema, kemm minnhom tbiddlu ma' oħrajn li jinsabu jirreġistraw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kemm ilha li bdiet l-iskema, cioe` minn Awwissu 2009, ġew imsejħa biex jiġu intervistati dwar l-iskema madwar 290 peruna li kienu eleġibbli li jidħlu fl-iskema. Bħalissa hemm 75 persuna li se jkunu ilhom 18 il-xahar fl-iskema, 52 persuna 12 il-xahar u 35 persuna 6 xhur. 71 persuna oħra bdew fl-iskema imma minħabba raġunijiet varji ma baqgħux u allura fejn kien possibli ġew mibdula ma` oħrajn. Dan ifisser li pparteċipaw fl-iskema total ta’ 233 persuna. Il-kumplament ta’ dawk intervistati għadhom fuq ir-reġistru tax-xogħol jistennew li jidħlu fl-iskema meta jkun hemm talba. Lejn nofs Frar se jibdew mal-40 parteċipant ġdid.

Bejgħ ta' appartamenti għall-single parents u familji li mhumiex koppji

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu appartamenti għall-bejgħ taħt l-iskema shared ownership intiżi għal single parents u familji li mhumiex koppji mill-Awtorità tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għadejja bil-konvenji u kuntratti tal-postijiet taħt ħarġa 75. Għalissa m’hemmx data fissa ta’ meta l-Awtorità tad-Djar ser tagħmel il-ħarġa għall-bejgħ ta’ postijiet oħra mibnija mill-awtorità. Dawn l-applikazzjonijiet joħorġu għall-klassifikazzjonijiet diversi ta’ klijenti.

Promotions għall-general hand

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li se joħorġu promotions għall-general hand mal-Ministeru tagħha? Kemm ilhom ma joħorġu dawn il-promotions?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li sejħiet għall-general hand jinħarġu minn żmien għal żmien, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u jkunu miftuħa għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku kollu, u mhumiex għalhekk ristretti għal vakanzi li jseħħu f’dan il-Ministeru. Infurmat li għalkemm l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni f’dan ir-rigward ħarġet fid-29 ta’ April 2004 kien hemm bosta sejħiet oħra mifruxa fis-Servizz Pubbliku li impjegati fil-grad ta’ general hand kienu eligibbli japplikaw għalihom.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — każ ta' separazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, qiegħed imniżżel mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bħala separat meta l-każ ta' separazzjoni tiegħu għadu mhux deċiż u quindi għadu legalment miżżewweġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għall-informazzjoni meħtieġa. .

PBS — chief executive officer

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, qabel ġie maħtur Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services iddikjarax il-kunflitti ta' interess li jista' jkollu bejn il-ħatra pubblika tiegħu u l-interessi kummerċjali privati li għandu fl-industrija tad-divertiment? X'qed jiġri meta jinqalgħu dawn il-kunflitti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ic-Chief Executive Officer tal-PBS iddikjara l-interessi tiegħu qabel ma ġie impjegat mal-kumpanija. S’issa għadu ma’ nqala’ l-ebda każ ta’ konflitt ta’ interess f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ dan is-settur u fil-każ li jinqala, is-CEO jirreferi liċ-Chairman tal-Kumpanija.

Skejjel primarja ta' Ħal Lija u Birżebbuġa — għalliema regolari

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa biex il-klassi 6.2 primarja ta' Ħal Lija u l-klassi 2 tal-primarja Birżebbuġa jkollhom għalliema regolari magħhom biex ma titħarbatx l-edukazzjoni tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dawn iż-żewġ klassijiet kellhom għalliema mill-bidu tas-sena skolastika. Biss billi dawn l-għalliema kienu Supply u ġew appuntati kindergarten assistants (KGAs) ftit taż-żmien ilu , kellhom iħallu il-klassijiet tagħhom biex jibdew l-impjieg bħala KGAs mat-tfal li se jibdew jattendu il- kindergarten fl-1 ta’ Frar. Għaldaqstant intbagħet għalliema fl-iskola Primarja ta’ Hal-Lija fis-27 ta’ Jannar waqt li għalliema oħra se tintbagħat fl-iskola Primarja ta’ Briżebbuġa fit-3 ta’ Frar.

Fondazzjoni Eden — Inspire - ftehim

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien hemm iffirmat mal-Fondazzjoni Eden u li llum hemm iffirmat ma' Inspire dwar servizz lill-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza — każijiet pendneti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każi pendenti quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza? Dwar xiex inhuma dawn il-każi? Kemm ilhom pendenti? X'inhuma r-riżorsi umani li għandha l-kummissjoni biex tressaq u tipproċessa dawn il-każi? X'postijiet vakanti għandha li qed iżommuha milli taħdem b'mod effettiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent, hemm 32 każ pendenti quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Każ wiehed ilu miftuħ minn Diċembru tal-2007, 4 każijiet ilhom miftuħin mill-2008, 12-il każ li għadhom pendenti infetħu fl-2009, 14-il każ pendenti infetħu fl-2010 u każ wieħed li għadu pendenti infetaħ fl-2011. Il-każijiet huma dwar:: · L-allegata diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew responsabbiltajiet tal-familja fl-impjiegi; · L-allegata diskriminazzjoni abbażi tas-sess fl-impjiegi; · L-allegat fastidju sesswali · L-allegata diskriminazzjoni abbażi tar-razza fl-aċċess tal-oġġetti u s-servizzi. Ir-riżorsi umani li għandha l-Kummissjoni biex tressaq u tipproċessa dawn il-każijiet huma ta’ Uffiċjal tal-Ilmenti u s-Sapport tal-Klijenti. M’hemm l-ebda post vakanti fil-Kummissjoni. Li hemm vakanti hi l-kariga tal-Kummissarju.

tilqima tat-TB fl-iskejjel tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk huwiex minnu li t-tilqima tat-TB ma ngħatatx fl-iskejjel tal-gvern kollha kif dejjem sar fil-passat? Tista' tgħid x'inhi r-raġuni għal dan u meta se terġa' tibda tingħata din it-tilqima?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità.

MCAST — Maritime Institute - sponsorship

Question

Fid-dawl tal-fatt li matul it-tieni sena tal-kors tal-OIC li jsir fil-Maritime Institute tal-MCAST u ċioe fejn suppost li l-istitut jipprovdi sponsor lill-istudenti li jkunu attendew għall-ewwel sena sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-ewwel prattika, peress li jidher li għall-istudenti ġuvintur li minnhom kien hemm 16 sab sponsors u għaż-żewġ tfajliet li ukoll temmew l-ewwel sena tal-kors b'suċċess l-istitut ma sabx sponsor u minħabba li s-suċċess matul it-tielet sena tal-kors jiddependi fuq kemm ikunu ħadu prattika l-istudenti matul it-tieni sena, tista' l-Ministru taċċerta li l-istitut isib sponsor għal dawn iż-żewġ studenti tfajliet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut Marittimu jagħmel ħiltu biex jinstabu sponsors għall-istudenti kollha. L-MCAST ma jistax jagħti garanzija ta’ placement abbord vapuri għax dawn ma jaqawx taħt it-tmexxija tiegħu iżda huma ndipendenti u jiġu mmaneġġjati minn kumpanniji tat-tbaħħir. L-istitut jibqa jgħamel minn kollox biex isib vapuri għal dawn iż-żewġ studenti. Fil-frattemp l-istudenti ser ikomplu t-taħriġ tagħhom fuq High Speed Catamaran . Iż-żmien fuq dan it tip ta’ ferry jgħodd bħala parti mit-taħriġ tagħhom.

Skola Primarja ta' Ħal Għaxaq — Transfers tal-Għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm transfers minn għalliema fl-aħħar sentejn fl-iskola Primarja ta' Ħal Għaxaq? Kemm kien hemm tfal li marru fi skejjel oħra mill-istess skola fl-aħħar sentejn? Kemm kienu l-għalliema peripatetic li talbu li ma jaqdux dmirijiethom fl-istess skola u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar sentejn kien hemm żewġ għalliema li ċċaqalqu mill-iskola Primarja ta’ Ħal-Għaxaq. F’dawn l-aħħar sentejn kien hemm 8 studenti li marru fi skejjel oħra. Ma kienx hemm għalliema peripatetic li talbu li ma jaqdux dmirijiethom fl-iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — każ ta' persuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm l-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex lil persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jibagħtilha l-flus li suppost ħadet u li ilha tistenna mis-sena 2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.

Żieda għal Għoli tal-Ħajja

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk iż-żieda miżera sħiħa ta' €1.16 għall-għoli tal-ħajja għal din is-sena hijiex tingħata ukoll lil dawk li qegħdin fuq il-benefiċċju soċjali? Jekk fin-negattiv, ma taħsibx li din hi inġusta meta huma proprju dawn il-familji li għandhom bżonn l-aktar għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żieda sħiħa ta’ €1.16 għall-għoli tal-ħajja ngħatat lill-pensjonanti, kemm dawk li jirċievu Pensjoni kontributorja għal Irtirar, Invalidita’ jew Romol kif ukoll dawk li jirċievu Pensjoni mhux kontributorja tal-Eta’ u Pensjoni għal Diżabilita’. Hemm benefiċċji soċjali oħra fejn ir-rata tal-benefiċċji tiżdied b’żewġ terzi tal-għoli tal-ħajja, bħalma hu l-każ ta’ l-Għajnuniet Soċjali, kif ukoll benefiċċji oħra li r-rata tagħhom tiżdied skont il-persentaġġ taż-żieda għal għoli tal-ħajja fil-paga minima nazzjonali.

rata ta' school leavers

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-aħħar statistika li għandha tar-rata ta' school leavers meta din hija komparata mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat hija tal-2009 b’rata ta’ 36.8%. (Ara dokument numru 6374 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra waqt is-Seduta 307 nhar it-Tnejn 31 ta' Jannar 2011)

Rata ta' tfal illitterati

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-aħħar statistika li għandha flimkien mal-istatistika tal-aħħar għaxar snin fejn tindika ir-rata tat-tfal illitterati li joħorġu mis-sistema edukattiva f'Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-aħħar Ċensiment tal-2005, hemm 7.2 fil-mija ta' persuni ‘l fuq minn għaxar snin li huma illitterati (it- terminu illitterati tirreferi ghall-persuni li iddikjaraw li ma jafux jiktbu jew jaqraw sentenza sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum). Ir-rata perċentwali ta’ llitterati maqsumin bl-età hija hekk: Eta’ bejn: Rata percentwali(%) 10-19 1.7 20-29 2.4 30-39 3.5 40-49 6.8 50-59 9.3 60-69 11.1 70-79 19.3 80-89 24.6 90 + 29.5 TOTAL 7.2 Din l-informazzjoni tista’ tingabar biss miċ-Ċensiment tal-popolazzjoni. Konsegwentament hija l-aktar waħda riċenti

Tfal bi skills

Question

Tista' l-Ministru tippubblika statistika ta' kemm joħorġu bi skills it-tfal mis-sistema edukattiva tagħna u jekk teżistix statistika simili fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bord tal-Eżamijiet tal-MATSEC ma jżommx statistika ta’ ħiliet speċifiċi ta’ studenti. Il-Bord joffri eżamijiet li fihom l-istudenti juru taħlita ta’ ħiliet skont is-suġġetti. Il-Bord jista’ jipprovdi statistika dwar kemm studenti li spiċċaw l-iskola sekondarja laħqu l-istandards meħtieġa f’diversi suġġetti fil-livell tas-SEC u kemm studenti ikbar laħqu l-istandards meħtieġa fil-livell intermedjarju u avvanzat. L-istudju bl-isem PISA (Programme for International Student Assessment) imnedi mill-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD) jiġbor statistika fuq il-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti ta’ 15-il sena (ħafna minnhom jkunu waslu fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja) permezz ta’ assessjar fil-matematika, x-xjenza u l-qari. F’dan l-istudju jipparteċipaw diversi pajjiżi, wħud membri tal-UE. Malta ħadet sehem fil-PISA 2009+. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju mistennija jiġu ppublikati f’Diċembru tal-2011.

Studenti barranin jistudjaw fl-Universitá ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk studenti li huma cittadini fl-Unjoni Ewropea jistgħux jiġu jistudjaw f"Universita ta' Malta u b'liema kundizzjonijiet jistgħu jagħmlu dan? Hemm xi żmien stipulat b'xi ftehim bejn Malta u l-Unjoni Ewropea li dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinbidlu wara li jgħaddi xi perjodu ta' żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jidħlu f’korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Università u r-Rekwiżiti Speċjali għall-kors fejn applikabbli. Dawn ir-rekwiżiti huma l-istess bħal dawk għall-ċittadini Maltin. Ma hemm l-ebda ftehim dwar dan bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. Fil-każ tal-miżati għall-korsijiet (fejn applikabbli), ċittadini tal-Unjoni Ewropea iħallsu l-istess miżati bħal ċittadini Maltin. Ċittadini mhux minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul fl-Università u r-Rekwiżiti Speċjali għall-Kors bħal applikanti Maltin u mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-persuni jridu jħallsu l-miżati għal kull kors, li huma ogħla minn dawk għal ċittadini mill-Unjoni Ewropea.