Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10144 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni taħt is-16-il sena — postijiet ta' divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena ġo postijiet ta' divertiment din is-sena? Fejn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, kien hemm 108 persuna taħt is-sittax-il sena li nstabu mill-Pulizija ġewwa postijiet ta’ divertiment f’San Ġiljan u r-Rabat Għawdex. Infurmat ukoll li l-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti kontra 62 persuna responsabbli mill-postijiet ta’ divertiment fejn instabu dawn iż-żagħżagħ.
Leg 11 PQ #10145 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni din is-sena? Fejn inqabdu? X'weħlu? Kemm minn dawn ittellgħu l-qorti aktar minn darba? Kemm-il darba?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, kien hemm 55 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 274 darba fuq akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni fil-Gżira, Ta’ Xbiex / Msida u l-Marsa. Minn dawn hemm 36 persuna li tressqu 255 darba fuq l-istess akkużi matul din is-sena. Infurmat ukoll li minn dawn hemm diversi każi li għadhom pendenti quddiem il-Qorti u dawk il-każi li ġew deċiżi, l-pieni mogħtija kienu ta' libertà kondizzjonata u sentenza ta’ ħabs sospiża.
Leg 11 PQ #10146 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga din is-sena? X'tip kienet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ droga maqbuda mill-Pulizija bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena kienet kif ġej: Cocaine 11kgs629.303grs Heroin 7kgs285.59grs Cannabis grass 457kgs559.4grs Cannabis resin 23kgs197.84grs Ecstacy 21,567 1/5 tabs Ecstasy (caffeine) 3,011 tabs Khat 20kgs100grs Liquid cocaine 780ml Methadone 450ml Amphetamine 1tablet D.H.C 25 tabs Valium 1 tab
Leg 11 PQ #10147 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Attaki sesswali jew stupri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' attaki sesswali jew stupri li ġew rapportati din is-sena? Kemm ġew solvuti u kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati bħal dawn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew irrppurtati lill-Pulizija 53 każ ta' stupru jew attakk sesswali. Infurmat ukoll illi investigazzjonijiet f'46 minn dawn il-każijiet ġew konlużi u li dwarhom s'issa tressqu l-Qorti 31 persuna.
Leg 11 PQ #10803 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — family friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'family friendly measures qed jitħadmu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid hemmx faċilità ta' childcare fl-istess dipartimenti għat-tfal tal-ħaddiema?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi qed jitħaddmu diversi miżuri favur il-familja fosthom maternity leave, paternal leave, career break, teleworking, flexitime u reduced hours. Infurmat ukoll illi, rigward il-faċilità ta' childcare, qed isir kull sforz sabiex, fejn hemm din il-problema, tiġi solvuta mill-aktar fis possibbli.
Leg 11 PQ #11666 Sitting 151 2009-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Kirjiet ta' għamara, pitturi u pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-risposta hija fin-negattiv.
Leg 11 PQ #10137 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni l-qorti fuq drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti din is-sena fuq każi konnessi ma' bejgħ, traffikar, pusses jew teħid ta' drogi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi minn Jannar u Settembru ta' din is-sena il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 449 persuna fuq akkużi relatati mad-droga.
Leg 11 PQ #10138 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali il-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu immigranti illegali l-Qorti din is-sena? Għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, kien hemm 51 l-immigrant illegali li tressaq quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi, fosthom ħrib u attentat ta’ ħrib u ksur ta’ bon ordni, attruppament, ħsarat, dikjarazzjoni falza, attakk u reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi, pussess ta’ droga.
Leg 11 PQ #10141 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet din is-sena? Fejn u għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena ingħataw 47,872 ċitazzjoni mill-Pulizija dwar ksur tar-regolamenti tat-traffiku f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Leg 11 PQ #10142 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni reċidivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reċidivi llum? Minn liema lokalità huma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi skont il-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna, kull persuna li, wara li tkun ġiet ikkundannata għal reat b’sentenza li tkun saret definittiva, tagħmel reat ieħor, dik il-persuna tkun meqjusa bħala reċidiva. Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub jinżamm taħt indiċi skont il-persuna sabiex ikun jista' jinħareġ ċertifikat ta' kondotta meta jkun hekk mitlub mill-persuna kkonċernata. Għaldaqstant mhux possibbli li jingħata dan it-tagħrif peress li jirrikkjedi illi r-reġistri kollha jiġu vverifikati.
Leg 11 PQ #11310 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każ ta' persuna f'kwestjoni mal-Pulizija

Question

B'referenza għall-allegat swat li sofriet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn għadd ta' pulizija skont kif spjegat minn għadd ta' ritratti li ġew ippubblikati f'paġna 5 tal-ġurnal Malta Today tal-ħarġa tal-11 t'Ottubru, 2009, jista' il-Ministru jispjega x'se jagħmel dwar dan il-każ, tenut kont li dan m'huwiex każ iżolat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija li ġiet ippublikata minn dan il-Ministeru fil-11 ta' Settembru 2009 bi tweġiba għal dak li deher f'dak il-ġurnal.
Leg 11 PQ #11361 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Akkwist illegali tal-liċenzja tad-dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li ġew allegati b'akkwist illegali tal-liċenzja tas-sewqan tad-dgħajjes fil-fatt ġew proċessati quddiem il-qrati? Kemm minnhom għadhom ma ġewx proċessati? Kemm instabu ħatja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Ottubru 2007 u Jannar 2008 ġew ippreżentati 433 każ il-Qorti in konnessjoni ma' akkwist illegali ta’ liċenzja tas-sewqan tad-dgħajjes. Minn dawn 32 għadhom qed jiġu pproċessati. Infurmat ukoll illi l-proċeduri fir-rigward 25 minnhom qed jistennew deċiżjoni mill-Qorti ta’ l-Appell Kriminali dwar eċċezzjoni tal-Preskrizzjoni sabiex ikun jistgħu jitkomplew u s-sebgħa l-oħra għadhom qed jinstemgħu il-provi. Mill-401 każ deċiż, 395 persuna nstabu ħatja.
Leg 11 PQ #11362 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Awtorità Marittima — liċenzji tad-dgħajjes illegali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stadju waslu l-proċeduri kontra impjegati tal-Awtorità Marittma li allegatament kienu involuti fil-ħruġ ta' liċenzji tas-sewqan tad-dgħajjes b'mod illegali? Meta saret l-aħħar seduta fil-qrati tagħna dwar dawn il-proċeduri?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsba infurmat illi l-proċeduri li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jinsabu pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrrati (Malta) u l-kawża tinsab differita għall-provi tal-Prosekuzzjoni. Infurmat ukoll li l-aħħar seduta quddiem il-Qorti saret fil-15 t’Ottubru, 2009.
Leg 11 PQ #11440 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

regolamenti dwar bouncers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-regolamenti ġodda dwar bouncers humiex se jkunu koperti minn legislazzjoni komprensiva li tiġi diskussa fil-Parlament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-intenzjoni hija li r-regolamenti ġodda dwar bouncers se jkunu koperti minn leġislazzjoni kompressiva li tiġi diskussa fil-Parlament.
Leg 11 PQ #11597 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Reġistru tal-persuni li abbużaw sesswalment mit-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-reġistru ta' persuni li jkunu abbużaw sesswalment mit-tfal?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Abbozz ta' Liġi li huwa marbut ma' reġistru għar-reati gravi qiegħed fi stadju avvanzat.
Leg 11 PQ #10132 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali — rimpatrijati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ġew rimpatrijati f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi wħud li reġgħu ġew lura wara li ntbagħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti illegali li ġew ripatrijati f’dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: 2005 2006 2007 2008 2009* 955 780 338 260 319 * sa l-aħħar ta’ Settembru 2009 Infurmat ukoll li dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu nstabu Malta illegalment. Ħadd minn dawn ma rega’ ntbagħat lura.
Leg 11 PQ #10133 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

immigranti illegali — ħarbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti illegali li ħarbu minn Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm inqabdu hawn Malta? Kemm minnhom inqabdu barra minn Malta u reġgħu itnbagħtu lura? Jekk kien hemm, fejn inqabdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab informat illi matul dawn l-aħħar ħames, kien hemm 87 immigrant irregolari li kienu daħlu Malta u nstabu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Minn dawn 16 intbgħatu lura. Dawn kienu nqabdu l-Awstrija, l-Italja, l-Isvizzera, l-Ġermanja u l-Olanda.

Boat parties — Mużika għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-Port il-Kbir qegħdin jidħlu boat parties f'ħinijiet diversi u anke tard bil-lejl u dawn qed ikollhom mużika u discos li jinstemgħu ħafna partikolarment bil-lejl? Dawn jankraw f'xi post fil-Port il-Kbir u l-mużika tad-disco iddamdam lil dawk li jabitaw fl-inħawi. X'passi qed tieħu l-Pulizija dwar dawn il-boat parties?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-operat u moviment ta' bastimenti fil-Port il-Kbir ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Pulizija. Mill-banda l-oħra l-Pulizija taġixxi jekk tirċievi lmenti simili għal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Attivitajiet f'żoni pubbliċi — ħsejjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta f'żona pubblika bħal ġonna, pjazez u grounds jiġu organizzati attivitajiet u ma jkunx hemm kontroll fuq ħinijiet u ħsejjes, fejn dawn ikunu qed jirritaw lir-residenti, x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet f'dan ir-rigward? Min qed joħroġ il-permessi u min qed jissorvelja dawn it-tip ta' attivitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-permessi għall-attivitajiet li qed jirreferi għalihom huma regolati primarjament bl-Artiklu 20 tal-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap 441).
Leg 11 PQ #10792 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Parental Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave f'din l-aħħar sena, kemm jekk saru minn nisa u kemm jekk saru minn irġiel, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fid-dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru kien hemm talba għal 13 għall-Parental Leave li dawn kollha ġew milqugħin.