Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Lija — Ċimiterju - spralli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-entitajiet li jaqgħu taħtu ħallew żewġ spralli sporġuti diversi pulzieri ‘l fuq mit-tarmac b’mod traskurat għal ġimgħat sħaħ eżatt fejn iċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija? Jaf il-Ministru li għexieren ta’ vetturi qed iċarrtu t-tyres magħhom? Jista’ jgħid min se jassumi r-responsabilità?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-Onor. Azzopardi qed jirreferi għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ wiċċ it-triq li saru fil-ġimgħat li għaddew fit-triq indikata. Fil-fatt, il-ħaddiema konċernati neħħew il-wiċċ antik tat-triq, li kellu diversi ħsarat, u bdew jiksuh b’asfalt ġdid fl-istess żmien, mhux “ġimgħat sħaħ” wara, kif qed jiġi allegat. Persuni li jsofru ħsarat minħabba allegati nuqqasijiet fit-toroq għandhom jagħmlu rapport fl-eqreb għassa tal-Pulizija u wara jressqu l-ilment tagħhom, bid-dokumentazzjoni meħtieġa, lill-awtoritajiet jew kunsilli lokali responsabbli mill-istess triq, skont il-proċeduri applikabbli.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Tiġdid ta' telework/remote working

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 23717.

Central Link – miżuri għal sewqan b'veloċità eċċessiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu biex jitħarsu s-sewwieqa u r-residenti ta' Ħ’Attard minn min isuq b'veloċità eċċessiva, issa li hemm is-Central Link?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direttorat fi ħdan l-Awtorita’ qed iwettaq studju f’diversi ħinijiet tal-ġurnata inkluż matul il-lejl dwar il-velocita’ tal-vetturi f’dawn it-toroq. L-informazzjoni dwar dan l-istudju kienet diskussa fil-laqgħa tal-Kumitat ghall-immaniggjar tat-traffiku li saret fis-6 ta’ Jannar 2022 u li għaliha attenda u ipparteċipa is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ H’Attard. Kien hemm qbil li dan l-istudju flimkien ma suġġerimenti oħra li tqajmu mis-Sindku u membri prezenti ghal-laqgħa, ghandu jitkompla u deċizjoni tittiehed f’laqghat oħra tal-Kumitat ghall-immaniggjar tat-traffiku.

Ħ’Attard — Triq l-Imdina – talba għal zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ssir zebra crossing biswit ix-showroom tal-Harley-Davidson fi Triq l-Imdina Ħ’Attard fejn it-triq tranġat minħabba l-proġett tas-Central Link?

Response (BORG, IAN)

NInforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saret diskussjoni fil-Kumitat għall-immaniggjar tat-traffiku bejn il-partijiet kollha ikkonċernati, inkluż il-Kunsill Lokali ta’ H’Attard, il-Kumitat iddeċieda li għandu jsir l-istudju neċessarju sabiex tkun tista’ tittieħed deċizjoni fil-laqgħat li jmiss.

Ħ'Attard — Triq Durumblat - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat, bejn il-Mosta u Ħ'Attard fejn ix-xogħol jidher li waqaf fin-nofs?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġà qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fiż-żona ta’ Ta’ Qali l-aġenzija qed twettaq pjan ta’ titjib li jinkludi diversi toroq li hemm fl-inħawi bħala soluzzjoni sostenibbli biex aktar persuni jkunu jistgħu jgawdu dawn l-inħawi f’sigurtà, b’mod partikolari r-residenti Mostin, li bħalissa biex jaslu bil-mixi lejn il-ġonna u faċilitajiet oħrajn f’Ta’ Qali jridu jgħaddu minn toroq perikolużi li ma fihom ebda bankini jew infrastruttura oħra sigura għalihom. Dan il-pjan sar bi ftehim mal-Kunsill Lokali u mal-awtoritajiet rispettivi wara li ġew ikkonsultati dawk kollha konċernati. Żewġ toroq li kellu jsir titjib fihom bħala parti mill-pjan għal din iż-żona huma Triq San Pawl tal-Qliegħa u Triq Durumblat li kienu ta’ periklu għal dawk li jkunu għaddejjin f’dawn l-inħawi bil-mixi għax fil-biċċa l-kbira tagħhom lanqas biss kien hemm bankini waqt li l-karreġġjati tal-karozzi saħansitra jvarjaw fil-wisgħa. Għalhekk kien jeħtieġ li jigu ddisinjati mill-ġdid biex fost titjib ieħor il-karreġġjati jkunu standard u jinħolqu rotot kontinwi siguri għall-mixi bl-introduzzjoni ta’ bankini. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett, qed tingħata prijorità lil ħafna persuni li mill-Mosta u lokalitajiet oħrajn viċin imorru bil-mixi lejn l-inħawi ta’ Ta’ Qali. Dan se jkun aktar importanti fid-dawl tal-fatt li fiż-żmien li ġej f’dawn l-inħawi ser ikollna Park Nazzjonali ġdid li qed jiġi żviluppat mill-Gvern f’Ta’ Qali wkoll. Filwaqt li Triq San Pawl tal-Qliegħa tlestiet is-sena li għaddiet, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat kellhom isiru f’fażijiet minħabba li din hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, din it-triq kienet tirrikjedi li fiha jsiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, drenaġġ, elettriku u telekomunikazzjoni li ntalbu mill-entitajiet rispettivi biex isiru mill-aġenzija, kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi roundabouts u punti ta’ qsim (pelican crossings) għal aktar sigurezza f’din it-triq, kif ukoll qed tibni bankini biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet ix-xogħlijiet fl-aħħar parti tat-triq twaqqfu sabiex it-triq setgħet tintuża bħala rotta alternattiva waqt l-aħħar xogħlijiet ta’ Central Link Project. Issa li dan il-proġett huwa lest, ix-xogħlijiet fi Triq Durumblat qed jitkomplew u s-servizzi kollha ġodda li għad fadal isiru taħt l-art fl-aħħar parti ta’ din it-triq u l-bini mill-ġdid tagħha mistennija jitlestew fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule - studju dwar pavimentar

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23261 dwar Pjazza Antoine de Paule, jista’ l-Ministru , jgħid meta Transport Malta ser tiddeċiedi dwar meta ser jibda l-istudju dwar il-pavimentar tal-Pjazza? Għaliex għadha ma tatx l-awtorizzazzjoni tagħha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju dwar il-pavimentar tal-Pjazza Antoine de Paule qiegħed issir mill-MHAL. L-Awtorità ta’ Transport f’Malta ser tipprovdi s-servizzi ta’ Enforcement Officersu qed tagħmel l-arranġamenti ta’ traffiku meħtiega biex ma jinħoloqx inkonvenjent għal pubbliku u sabiex dan il-proġett ikun jista’ issir.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq it-toroq li saru minn Infrastruttura Malta, intefqu fuq ġibjuni biex fihom seta’ jinġabar l-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li għal darb’ oħra qed naraw Onorevoli ta’ din il-Kamra li filwaqt li ftit snin ilu vvota b’determinazzjoni sabiex l-aġenzija Infrastructure Malta mank imqar titwaqqaf, issa qed ikompli juri l-interess fil-ħidma bla heda li l-ħaddiema ta’ din l-aġenzija wettqu minn kemm ilha li twaqqfet fl-2018. Infakkar li kieku għaddiet tal-Onorevoli Cutajar u deputati oħrajn tal-Oppożizzjoni, l-€400 miljun investiment li issa qed jirrikonoxxi li twettaq kieku kienu jibqgħu biss ħolma fuq l-ixkaffa, bħalma fil-fatt kienu baqgħu fi żmien meta l-istess deputati kienu fil-poter taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Insemmi biss proġetti bħall-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u Central Link Project, li kien ilhom meħtieġa għexieren ta’ snin iżda l-amministrazzjonijiet preċedenti beżgħu jwettquhom. Bir-raġun ma nixba’ qatt nirringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti, li fi tliet snin għamlu dak li amministrazzjonijiet preċedenti mank imqar pruvaw jibdew. Nittama li l-Onorevoli Cutajar jirrikonoxxi u jkompli jħeġġeġ lil dawn il-ħaddiema wkoll. Kuntrarjament għall-Onorevoli Cutajar, u m’n’Alla jkun hekk, Infrastructure Malta ma tiftakarx biss fl-infrastruttura għal kontra l-għargħar meta f’pajjiżna ninħakmu minn maltemp qawwi, hekk kif rajna f’dawn l-aħħar xhur meta fost oħrajn, kellna l-aktar ħarifa li fiha ni¿let xita f’dawn l-aħħar 25 sena. Permezz ta’ Infrastructure Malta flimkien ma’ entitajiet u dipartimenti oħrajn involuti, il-Gvern jaħdem biex jinkorpora infrastruttura għal kontra l-għargħar u għall-ġbir tal-ilma tax-xita f’kull proġett infrastrutturali li jsir fit-toroq Maltin. F’dawn l-aħħar tliet snin, minbarra proġetti kbar bħal Marsa Junction Project, il-Mini ta’ Santa Luċija, il-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq arterjali u investiment ta’ miljuni kbar f’infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet mijjiet ta’ toroq residenzjali u rurali. F’dawn il-proġetti u ħidmiet differenti investejna aktar minn €12-il miljun f’infrastruttura għal kontra l-għargħar, ferm u ferm aktar minn kemm kien jiġi investit f’din it-tip t’infrastruttura fis-snin ta’ qabel. Dawn jinkludu fost oħrajn aktar minn 47 kilometru ta’ katusi u kanali ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita li jaqa’ fit-toroq lejn il-ġibjuni, lejn il-mini tas-sistema nazzjonali ta’ kontra l-għargħar jew lejn il-widien, fejn l-ilma jiġi assorbit fil-blat biex eventwalment jasal sal-ħażna tal-ilma tal-pjan taħt l-art. Dan ifisser li fi tliet snin għamilna kwa¿i darbtejn it-tul tal-gżira, miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. L-investiment jinkludi wkoll mijiet ta’ spralli ġodda biex iwasslu l-ilma tax-xita mit-toroq lejn il-katusi taħt l-art, l-installazzjoni ta’ hydrodynamic separators biex isaffu l-ilma qabel jinħażen fil-ġibjuni jew imur fil-widien, it-tħaffir ta’ soak aways, xogħlijiet ta’ titjib ta’ spralli, katusi u kanali antiki, tiswijiet ta’ ġibjuni eżistenti u fejn ikun teknikament possibbli anke l-bini ta’ ġibjuni ġodda. Infrastructure Malta s’issa bniet 14-il ġibjun, filwaqt li qed tibni oħrajn fi proġetti li għandha għaddejja bħalissa. Ħafna minn dawn il-ġibjuni jgħinuna fit-tisqija tal-eluf ta’ siġar u arbuxelli ġodda li qed inħawlu mal-ġnub tat-toroq ġodda, bħal dawk tal-Marsa Junction, Central Link Project u Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa. Kif nistgħu ninnutaw, l-infrastruttura għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita tmur ħafna lil hinn minn sempliċiment il-bini ta’ ġibjuni. Fil-fatt, kieku kellhom isiru biss il-ġibjuni u xejn aktar, jibqgħu vojta, bħalma ġieli ġara fil-passat. Madankollu, minkejja li fl-aħħar tliet snin sar ħafna u ħafna xogħol biex intaffu d-diffikultajiet tal-għargħar u naħżnu aktar ilma tax-xita, xorta jonqos ħafna x’isir. Fost oħrajn, għandna żoni bħax-xatt tal-Imsida, fejn il-problema tal-għargħar ilha magħna snin twal. Dan huwa post ieħor fejn amministrazzjonijiet preċedenti jew m’għamlu xejn, jew dak li għamlu ma solva xejn. Qed nippjanaw proġett ambizzjuż biex din iż-żona jkollha infrastruttura aħjar ukoll. Proġett li mhux biss se jnaqqas il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja u jirriġenera l-ispazji ta’ rikreazzjoni u ġonna li hemm fl-inħawi, iżda wkoll se jibdel mill-qiegħ is-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita b’soluzzjonijiet sostenibbli li jtemmu l-problemi t’għargħar fl-aktar post li jsofri meta jkollna l-maltemp. Ninsab kommess li nwettqu dan il-proġett fiż-żmien li ġej ukoll, flimkien ma’ ħafna investimenti oħrajn għal infrastruttura aħjar f’pajjiżna. Għamilna ħafna u determinati li nkomplu nwettqu ferm aktar.

Infrastruttura Malta – nefqa fuq ġibjuni ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tan-nefqa fuq kull ġibjun ġdid li nbena (u jindika f’liema lokalitajiet saru) mill-€400 miljun li ntefqu s'issa fuq toroq li saru minn Infrastruttura Malta?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija Parlamentari 23601 tal-istess Seduta u nżid li l-ġibjuni indikati jinsabu f’Santa Venera, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Imrieħel, Santa Luċija, il-Marsa, Ħal Luqa, ir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq.

Marsaskala – proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li saru f’Marsaskala f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Mill-bidu ta’ din is-sena s’Ottubru li għadda, Infrastructure Malta lestiet xogħlijiet f’196 triq residenzjali u 91 triq oħra qalb il-kampanja. Għaldaqstant minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, l-aġenzija bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 800 triq residenzjali u rurali. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Marsaskala l-aġenzija diġà għamlet xogħlijiet u titjib f’dievrsi toroq kemm residenzjali kif ukoll rurali li jinkludu Triq Patri Wistin Born, Triq il-Lampuka, Triq il-Qrempuċ, Triq Thomas Ashby, Triq il-Vjola, Triq Btieti, Triq il-Buttar u triq ġdida fiha, fil-limiti tat-Torri ta’ Triq il-Wiesgħa, Triq Ta’ Rumi, Xatt il-Batterija ta’ Riħama, Triq ir-Ridott, Triq Tal-Gardiel, Triq il-Qaliet, Triq La Sengle u Triq San Ġwakkin. Għal dak li huwa titjib ta’ infrastruttura marittima, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid diversi mollijiet li hemm max-xatt ta’ din il-lokalità nkluż ukoll dawk fuq in-naħa taż-Żonqor fil-Bajja ta’ San Tumas. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Mosta – Triq il-Leġġenda – bdil tal-main tad-drenaġġ

Question

​​​​​​​​​​​ Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ikkoordinax mal-Waterservices li taħthom jaqa’ d-Drainage Department biex jaraw jekk hemmx bżonn jinbidel il-main tad-drenaġġ qabel issir Triq il-Leġġenda fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali oħra. Dan ifisser li għolliet il-medja tat-toroq residenzjali għal erba’ toroq fil-ġimgħa – triq aktar kull ġimgħa mis-sena 2020. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Il-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta u Triq il-Kostituzzjoni. Bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia, Triq il-Leġġenda, Triq il-Bennej, Triq in-Naqqax, Triq l-Għollieqa, Triq Alessandra, Triq l-Assemblea Nazzjonali, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Farinal, Triq Rafel Caruana Dingli, Triq Bergamott, Triq Parjan u Triq il-Bonnijiet, waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej. Qabel ma tibda x-xogħlijiet fi triq, Infrastructure Malta tikkonsulta bosta partijiet interessati biex tiżgura li t-tijib ippjanat isir b’mod li jissodisfa rekwiżiti differenti, ħalli b’hekk wieħed jieħu l-aħjar li jista’ mill-investiment li jsir u biex dan iservi aktar fit-tul. Entitajiet u kumpaniji li għandhom netwerks tas-servizzi tagħhom għaddejjin minn taħt l-art fit-toroq jiġu kkuntattjati biex jiċċekkjaw jekk l-infrastruttura tagħhom ikollhiex bżonn li tissaħħaħ jew tinbidel bħala parti mix-xogħlijiet tat-toroq ippjanati, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ xogħlijiet oħrajn fl-istess toroq fil-futur previdibbli. Fil-każ tat-triq indikata x-xogħlijiet jinkludu tqegħid ta’ pajpijiet għall-cables tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u l-Internet, kif ukoll bankini ġodda qabel ma t-triq jissaħħulha l-pedamenti u jsirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Fil-fażi tal-konsultazzjoni, ma saritx talba mill-Water Services Corporation biex isiru xogħlijiet fuq l-infrastruttura tas-servizzi tagħha. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq tal-Katidral – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titkompla u titlesta Triq tal-Katidral f’San Pawl il-Baħar, peress li bħalissa tqiegħdu xi pjanċi fit-tarf tat-triq li huma ta’ inkonvenjent għar-residenti speċjalment mal-lejl bl-istorbju li jagħmlu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Ir-Rabat Għawdex — Triq Wied il-Lunzjata - Crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23646 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23530, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li fil-fatt minn mindu saru l-crash barriers ir-residenzi iż-żona ta’ Triq Wied il-Lunzjata, fir-Rabat Għawdex qed ikollhom problema ta’ għarar? Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jsir xi tip ta’ intervent fiż-żona biex jiffaċilita aktar il-passaġġ tal-ilma?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li skont kif ahna nfuramati, din iż-żona hija parti mill-wied. Hekk kif diġa mwiegeb huwa mistenni li l-ilma jinżel fil-wied, irrilevanti mill-crash barrier.

Rabat – Triq l-Għeriexem – inawgurazzjoni — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23684 u jgħid kemm ġiet tiswa l-inawgurazzjoni ta’ Triq l-Għexierem fir-Rabat? Jista’ jgħid wkoll jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux lest totalment jew jekk għadx fadal xi xogħol pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninsab perpless kif kif minn proġett t’€4 miljun li għadha kif lestiet Infrastructure Malta, l-Oppożizzjoni u x-shadow minister għat-Trasport u l-Infrastruttura jidher li jinteressahom biss kemm swiet l-inawgurazzjoni tiegħu. Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ Triq Għeriexem u l-bini tal-belvedere ġdid li jħares fuq Wied Għeriexem, b’rotta pedonali aktar sigura bejn l-Imdina, ir-Rabat u l-Imtarfa, f’Novembru li għadda. Dan il-proġett ta’ €4 miljun jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkaw¿ati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess triq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri fi triq li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. It-triq issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn. Ir-residenti li jgħixu f’din it-triq kien ilhom għexieren ta’ snin jappellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni ħalli s-sisien ta’ din it-triq ma jibqgħux iċedu u jikkaġunaw ħsarat kbar lid-djar tagħhom, b’uħud minnhom saħansitra kienu f’periklu li jiġġarfu. Kif qal l-Uffiċjal Kap E¿ekuttiv ta’ Infrastructure Malta meta lestejna dan l-investiment, dan kien “proġett li fil-passat ħadd ma ried imiss miegħu. Proġett mimli problemi li anke waħda minnhom biss tasal taqtagħlek qalbek.” L-Onorevoli Bezzina jaf sew kif amministrazzjonijiet preċedenti qatt ma ppruvaw jagħmlu xejn biex jgħinu lir-residenti ta’ Triq Għeriexem. Investigazzjonijiet ġeotekniċi li saru waqt l-ippjanar ta’ dan il-proġett ikkonfermaw li din it-triq twila 800 metru tinsab fuq saffi ta’ blat imxaqqaq u tafal. Il-ħajt antik li kienet isserraħ fuqu t-triq kien fih ħafna konsenturi u beda jmil peress li kien qed jiġi mbuttat ’il barra biċ-ċaqlieq fis-saffi fondi ta’ materjal instabbli li hemm taħt it-triq. Hekk kif dawn is-saffi ċedew, is-sistemi tas-servizzi taħt l-art f’din it-triq ukoll ġarrbu ħsarat, bil-konsegwenza li l-ħruġ tal-ilma u d-drenaġġ kompla ggrava l-problema. Infrastructure Malta bniet it-triq ġdida u l-belvedere magħha fuq 370 pilastru tal-konkos u l-azzar imniffdin bejn tlieta u ħames sulari taħt l-art. Ix-xogħlijiet kollha tal-iskavar tal-proġett saru taħt il-ħarsien ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Infrastructure Malta biddlet id-disinn tal-istruttura tat-triq biex diversi fdalijiet li nstabu waqt ix-xogħlijiet, u li potenzjalment għandhom importanza arkeoloġika, ġew mħarsa u jibqgħu aċċessibbli għal aktar studji fil-futur. Bħala parti mill-istruttura ġdida li fuqha sserraħ it-triq, hemm mina (walk-through culvert) li minnha jgħaddu l-cables tal-elettriku għat-tisħiħ tas-sistema tal-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Infrastructure Malta bniet din il-mina taħt lart twila 600 metru b’260 biċċa tal-konkos maħduma apposta minn qabel forma ta’ ‘U’. Din il-mina se tnaqqas il-ħtieġa li t-triq terġa’ titħaffer meta fil-futur ikun hemm bżonn tiswijiet jew xogħol ieħor ta’ titjib. Il-proġett jinkludi wkoll sistemi ġodda tad-drenaġġ u għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-provvista tas-servizzi tal-ilma, u pajpijiet għall-cables biex ġew imtejba s-servizzi tal-internet u telekomunikazzjonijiet oħra f’din iż-żona tar-Rabat. Il-pannelli fotovoltajċi tal-mogħdija solari ġdida jaħdmu b’teknoloġija innovattiva għall-bankini solari li qed tiġi introdotta f’għadd ta’ pajjiżi oħrajn. Dawn il-pannelli huma magħmulin minn ċelloli fotovoltajċi rqaq ħafna (ftit millimetri) imdaħħlin fl-art tal-bankina u mgħottija b’saffi ta’ materjali ta’ reżina u polymers trasparenti, b’saħħithom biżżejjed biex tgħaddi minn fuqhom bil-mixi, bir-rota u anke b’vetturi żgħar, filwaqt li għandhom wiċċ bl-istess reżistenza kontra ż-żliq bħal kull art oħra bil-konkos jew pavimentata. Dawn il-pannelli fotovoltajċi jiġġeneraw aktar minn 4,600 kWh t’elettriku kull sena, jiffrankaw 21 tunnellata f’emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u jipprovdu biżżejjed elettriku għal 40% tal-lanterni fi Triq Għeriexem. Dan huwa l-ewwel pass biex fil-futur isiru aktar mogħdijiet u korsiji għar-roti b’sistemi fotovoltajċi. Tajt ħafna figuri, iżda l-Onorevoli Bezzina jinteressah biss minn waħda – kemm swiet l-inawgurazzjoni. Nieħu gost infakkar li dan il-proġett inawgurajnih bis-sehem tal-komunità Rabtija, b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Infrastructure Malta u l-kuntratturi tal-proġett. Ridna li nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, iżda ridna wkoll nirringrazzjaw lir-residenti u l-ħaddiema tal-inħawi għall-paċenzja u l-koperazzjoni tagħhom. Għal din l-attività tal-inawgurazzjoni fid-19 ta’ Novembru 2021, bis-sehem tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, għaqdiet differenti tar-Rabat u anke t-tfal tal-iskola ta’ din il-lokalità, Infrastructure Malta ħallset €11,866.10, VAT inkluża. Dan ifisser 12-il darba inqas mill-ispiża tal-inawgurazzjoni ta’ Pjazza San Ġorg fl-2009, meta kienu ntefqu €141,770 f’attivitajiet t’inawgurazzjoni għal proġett b’investiment infrastrutturali ta’ €1.2 miljun (kwart tal-proġett tal-Għeriexem), jew tmien darbiet inqas l-ispiża ta’ €80,123 li ntefqet fl-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ €10 miljun għat-terminus ġdid meta f’Malta waslu l-bendy buses u xarabanks oħrajn tal-Arriva f’Lulju 2011. Ix-xogħlijiet fi Triq Għeriexem huma lesti. Issa Infrastructure Malta qed tagħmel xogħlijiet oħrajn fl-istess inħawi, fosthom il-bini mill-ġdid ta’ Triq Toni Farrugia, li tagħti għal Triq Għeriexem, u l-pavimentar tat-trejqa fil-wied fid-direzzjoni tal-Bypass tal-Imtarfa bi grass block pavers, biex tkun tista’ tintuża kemm mill-bdiewa, kif ukoll bħala passaġġ pedonali sigur qalb il-kampanja, bejn ir-Rabat u l-Imtarfa.

Mosta -Triq il-Kostituzzjoni – Parkeġġ bil-ħin

Question

Jista’ l-Ministru fil-kapaċità tiegħu bħala l-Ministru responsabbli mit-trasport jara li naħa mit-Triq il-Kostituzzjoni, il-Mosta, tkun magħmula parkeġġ bil-ħin? Dan biex iservi ta’ għajnuna lill-komunità kummerċjali li ħafna drabi jgħin il-fatt li f’din iż-żona jkun hemm lok ta’ pparkjar, liema pparkjar bil-ħin ikun fis-seħħ fil-ħinijiet tal-ħwienet bejn is-7am sas-7pm. Wara s-7pm sas-7am ir-residenti jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan l-ipparkjar mingħajr restrizzjonijiet.

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari 10137 ta’ Seduta 229.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Contracts for Service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?

Response (BORG, IAN)

Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.

Ir-Rabat Għawdex – bus stop quddiem it-Teatru Aurora

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bus stop li hemm quddiem it-Teatru Aurora fir-Rabat, Għawdex hiex qiegħda fl-agħar post possibbli fejn wieħed jagħmel bus stop li minħabba fiha jieqaf it-traffiku tal-gżira għall-ħinijiet twal u għandu jinstab post alternattiv fl-istess Triq Repubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ttieħdet nota tal-kontenut ta’ din il-mistoqsija parlamentari għal aktar konsiderazzjoni.