Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi — Ċentru tas-Saħħa ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża tal-ilma jqattar mis-soqfa fil-bramel mal-art fiċ-Ċentru tas-Saħħa ġdid fi Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi, nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirrferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22967.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) jekk għandux it-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu; (b) x’tip ta' karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew jaħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f'każ ta' fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom? (d) Jekk għandu t-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu? (e) Jekk kull karozza hiex tal-kiri jew inxtratx mill-Gvern u jekk f'każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza? (f) Jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garage? Jekk fl-affermattiv, kemm titħallas kera fix-xahar għal tali garage u min hu l-benefiċjarju ta' tali kera?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6209.

POYC — Mediċina għall-Parkinson’s Disease

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li jbatu bil-kundizzjoni tal-Parkinson’s Disease li jibbenefikaw mill-mediċina mill-POYC?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 2,058 pazjent li jbatu bil-kundizzjoni tal-Parkinson’s Disease li jibbenefikaw mill-mediċina mill-POYC.

Belt Valletta — Infestazzjoni ta’ ġrieden

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet da parti ta’ entitajiet kompetenti taħt id-dekasteru tiegħu dwar infestazzjoni ta’ ġrieden fil-Belt Valletta, mill-bidu tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f’kull istanza, jgħid x’kien l-eżitu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali matul is-sena 2024 irċieva 29 ilment fuq infestazzjoni ta’ ġrieden fil-Belt Valletta. Permezz tal-ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control Unit fi ħdan l-istess Direttorat twettqu diversi trattamenti għal kontra l-ġrieden b’riżultat ta’ dawn l-ilmenti. Ninsab infurmat ukoll li mill-bidu ta’ din is-sena s’issa d-Direttorat għadu ma rċieva l-ebda lment f’dan ir-rigward fil-Belt Valletta. Għal aktar dettalji nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella li qiegħeda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li kienu u/jew għadhom qed jagħtu servizz legali lill-Ministeru tiegħu u lid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mis-26 ta' Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu għas-servizzi professjonali tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Ħamrun – Ċentru ta’ Matul il-Jum — Servizz tat-trasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jipprovdi s-servizz tat-trasport liċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Ħamrun? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt għas-servizz tat-trasport għaċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun jipprovdih l-Executive Transport. Dan il-ftehim jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

Malta u Għawdex – Djar tal-anzjani — Ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma d-djar tal-anzjani f'Malta u f'Għawdex li jsajru l-ikel għall-anzjani fil-kċina tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li d-djar tal-anzjani f'Malta u f'Għawdex li jsajru l-ikel għall-anzjani fil-kċina tagħhom huma: 1. Casa Antonia 2. Casa Felicia 3. Casa Leone 4. Casa Serena 5. Central Home 6. Dar Ta’ Kleru 7. Jasmine Home 8. Pax et Bonum 9. Simblija 10. St. Elizabeth 11. St Catherine 12. St Paul’s Home 13. The Imperial Gozo 1. St Domenic 2. Villa San Lawrenz

Appuntamenti fil-Faċilità San Vinċenz de Paul — trasport għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex qed jiġi pprovdut trasport għall-anzjani li jkollhom appuntament fil-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jekk ma jiġix provdut dan is-servizz, jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibda jipprovdih?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li jiġi pprovdut trasport għall-anzjani li jkollhom appuntament fil-Faċilità San Vinċenz de Paul mid-dipartimenti tat-trasport ta’ SVP u ta’ St Luke’s.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Konsulenti Maltin u barranin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 12484.

Is-Siġġiewi – Berġa tas-Saħħa – tilqima tal-influwenza

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-tilqima tal-influwenza tibda tingħata fil-Berġa tas-Saħħa tas-Siġġiewi għall-benefiċċju tal-anzjani li qed jiġu mitluba jmorru Ħal Qormi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21783.

Il-Furjana — Ċentru tas-Saħħa - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema parti taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana hi kkundannata u x'xogħlijiet saru s’issa biex din il-parti terġa’ tinfetaħ lura, għal użu mill-professjonisti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li qed isiru pjanijiet biex tinħareġ sejħa għall-kiri ta’ propjetà fl-inħawi tal-Furjana sakemm eventwalment jsir ir-ristruturar taċ-ċentru kollhu. Is-servizzi li ġew trasferiti f’ċentri oħra fil-Kura Primarja huma dawk tal-fisjoloġija, podjatrija u oftalmija.

Sptar Mater Dei — Kura għas-saħħa mentali - Ward

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiftaħ il-ward imwiegħed ta' kura għas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kif ġie mħabbar ix-xahar l-ieħor, ġie ppubblikat it-tender għall-espansjoni u żvilupp tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u l-bini ta’ swali ġodda għall-kura tas-saħħa mentali. Kif spjegajt kemm il-darba, dan l-iżvilupp estensiv għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-isptar u jtejjeb is-servizzi, b’mod partikolari fil-kura tas-saħħa mentali.

Anzjani – Servizz ta’ Inkontinenza

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24422, jista’ l-Ministru jgħid xi trid tagħmel persuna biex titlob li jkollha żieda fin-numru ta’ nappies/pull-ups/pads minħabba żieda fil-bżonn tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li persuna tista’ titlob li jsirilha assessjar mill-professjonisti fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jekk tħoss li l-bżonnijiet tagħha nbidlu. Il-prodotti u l-kwantità li tingħata jinbidlu biss wara li jsir assessjar professjonali.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tad-Dekasteru tiegħu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?i

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22324.

CDAU – Tlestija tal-Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li laħqu l-età li jibdew skola kinder, iżda minħabba li għadhom qegħdin jistennew li l-assessment ikun komplut miċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU), għadhom fic-Child Care u jkollhom iħallsu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-deċiżjoni jekk it-tfal jibdewx skola jew le mhix deċiżjoni ta’ CDAU. Għalhekk, tali informazzjoni li qed tintagħlab ma tinżamx mis- CDAU. Għaldaqstant, nissuġerixxi li l-Onor. Interpellant tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Xiri ta’ karozzi ġodda - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.