Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — karozzi li jipparkjaw ħdejn l-għassa

Question

Jista' l-Ministru jara li l-karozzi u l-muturi jipparkjaw fil-bays eżistenti fl-area ta' maġenb l-Għassa ta' Bormla għaliex ħafna residenti qed jilmentaw li qed ikun hemm ipparkjar bl-addoċċ? Jista' jara ukoll li l-karozzi jipparkjaw bis-silencer 'il barra u mhux lejn il-proprjetà tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ż-żamma tal-ordni tal-parkeġġ fit-triq ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

Arriva — tariffi tal-Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29426 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tariffi kollha li l-Arriva tiċċarġja lill-passiġieri kif miftehma ma' Transport Malta inkluż għall-użu taż-żoni Park and Ride?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nollijiet għall-ġarr ta’ passiġġieri bi trasport pubbliku huma mniżżla fir-Regolamenti Dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri kif stipulat fit-Tnax-il Skeda tal-istess regolamenti, liema regolamenti qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li n-nollijiet ta’ Parkeġġ u Biljetti għall-użu tas-siti tal-Park and Ride huma skont il-ftehim milħuq nhar l-20 ta’ Novembru 2010 bejn Transport Malta u Arriva Malta Ltd liema rati qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pijunier - timing ta' traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar tibdiliet fuq it-timing li għandhom diversi traffic lights li għandna madwar Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar tibdil fit-timing tat-traffic lights li hemm ħdejn Triq il-Pijunieri, San Pawl il-Baħar? Tista' Transport Malta tara wkoll jekk hemmx ħtieġa ta' bidliet partikolari kemm f'dawn il-lights, kif ukoll f'lights oħra madwar Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aħħar verifiki li saru fuq sistemi ta' junctions regolati bid-dwal kien meta nbidlet is-siegħa u fuq il-junction ta' Vjal Santa Luċija minħabba x-xogħlijiet li qed isiru f'Ħal Luqa. Is-sistema tad-dwal ħdejn Triq il-Pijunieri f'San Pawl il-Baħar kienet bil-ħsara iżda ġiet irranġata s-Sibt, 5 ta' Novembru 2011. Uffiċċjali ta' Transport Malta kontinwament jagħmlu moniteraġġ fuq junctions tat-toroq regolati b'sistema tad-dwal tat-traffiku u jsiru l-aġġustamenti meta dawn ikunu neċessarji.

Transport Malta — pelican lights

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jassigura li dawk il-pelican lights li għandna mwaħħla, f'diversi inħawi ta' Malta, li iżda għad m'għandhomx stallazzjoni tad-dawl, fil-fatt jiġu mgħammra b'dan id-dawl? Fejn jinsabu, skont Transport Malta dawn il-lights, li ġew approvati, imwaħħla fuq il-post, iżda għad m'għandhomx servizz tad-dawl? Kemm ilu approvat dan id-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pelican crossings li ġew approvati minn Transport Malta u d-data rispettivi ta’ tali approvazzjonijiet huma: fi Triq Mdina-Mrieħel parti minn installazzjoni ta’ inkroċju ma’ Triq Mrieħel fid-9 ta’ Awwissu 2011, Triq Kostituzzjoni-Mosta fit-28 ta’ April 2011, Triq Fleur de Lys-Birkirkara fit-28 ta’ April 2011, Triq Mdina-Mrieħel fit-28 ta’ April 2011, Triq Imdina-Attard/Ta’Qali fit-28 ta’April 2011, Għaxaq By-Pass fit 28 ta’ April 2011, Għajn Tuffieħa Road-Mġarr fis-6 ta’ Ġunju 2009, Triq Il-Kbira San Ġużepp-Ħamrun fit-28 ta’ April 2011 u Triq il-Wileġ-San Pawl il-Baħar fis-17 ta’ Gunju 2008. F’dawn il-pelican crossings tlestew ix-xogħlijiet infrastrutturali u twaħħlu l-arbli u x’uħud mil-lanterni u tali installazzjonijiet se jinxtegħlu fil-ġimgħat li ġejjin.

Xogħlijiet fuq toroq — tarmak

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm toroq li kellhom jiġu mgħotija t-tarmak, minħabba xogħol fit-toroq arterjali li huma parti mill-proġett tat-Ten-Ts, biex dawn l-istess toroq iservu ta' toroq alternattivi ta' aċċess għal dawk li qed jiġu mibnija mill-ġdid? Fejn jinsabu dawn it-toroq li kellhom isiru minħabba dawn l-istess proġetti?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

rotot ġodda tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx spazju biex jinbidlu jew jidħlu rotot ġodda tal-linja wara li bdiet is-sistema ġdida u din uriet li għandha ċerti nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntratt bejn Transport Malta u Arriva Malta Ltd jipprovdi għal tibdiliet u modifikazzjonijiet fis-servizz il-ġdid fejn jidħlu rotot. Fil-fatt, il-Ministeru flimkien ma' Transport Malta u Arriva Malta Ltd diġà ħabbru xi numru ta' tibdiliet fir-rotot f'Awwissu, Settembru u Ottubru 2011.

tibdil fir-rotta tal-karozza tal-Mosta

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-parir lill-awtoritajiet konċernati biex il-karozza tal-Mosta Nru 42 minflok tasal sa Tarġa Gap biss tgħaddi minn Santa Margherita ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-suġġeriment tiegħu qiegħed jiġi kkunsidrat fl-ambitu tat-tibdil fir-rotot li qed isiru bħalissa.

Mosta — Triq il-Kostituzzjoni - lights fiż-zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lights fiż-zebra crossing eżistenti li hemm fit-triq prinċipali ta' Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta, il-biċċa ta' fuq ħdejn iż-żona tal-ħwienet inti u ħiereġ mill-Mosta għar-Rabat jew għal San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-pelican lights li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari se jiġu stallati fil-ġimgħat li ġejjin.

Siti ta' parkeġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li s-siti kollha li huma pubbliċi fejn jipparkjaw il-karozzi f'diversi lokalitajiet se jingħataw b'tender li min joffri l-iżjed għaliha? Huwa minnu li dawn is-siti pubbliċi se jiġu privatizzati? Fejn jinsabu dawn is-siti? Kemm hu n-numru ta' parkeġġ f'kull sit?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat, illi għaddejjin diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal- car park attendants dwar kif dawn il-parkeġġi jistgħu jkunu organiżżati aħjar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta siti ta’ parkeġġ pubbliku eżistenti, bin-numru approssimattiv ta’ parkeġġ f’kull sit.

Smart City — kirjiet ta' uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew konklużi kirjiet għall-uffiċini minn kumpaniji tal-informatika fi Smart City u liema huma? Meta ġew finalizzati dawn il-kirjiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Numru 28902.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Riforma fit-trasport pubbliku

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7971, jista' l-Ministru jipprovdi statistika ta' min ipprovda konsulenza speċjali u spejjeż professjonali, kif intgħażlu tali entitajiet jew individwi, kemm tħallsu u fir-rigward ta' xiex ipprovdew il-konsulenza li ammontat għal €140,000(stima)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — areas għal yacht marinas

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hiex qed tikkunsidra li jiġu żviluppati areas ġodda għal yacht marinas? Billi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-1993/1994 kienet identifika numru ta' siti li possibilment setgħu jiġu żviluppati f'yacht marinas, jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn is-siti ġew fil-fatt żviluppati matul dawn is-snin? Kemm minn dawn ġew żviluppati mill-gvern, u kemm mill-privat? Liema minn dawn is-siti għadhom qed jiġu kkunsidrati għal tali żvilupp?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Speed cameras — policies

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-bidliet li mistennija jidħlu fis-seħħ, f'dak li jikkonċerna policies dwar l-speed cameras? Meta mistennija li jibdew jiġu implimentati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tipproponi emendi fir-Regolamenti tal-Vetturi bil-Mutur, kif ukoll se tistabilixxi qafas li fih ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet dwar talbiet jew ħtieġa biex isir tibdil fil-limitu tas-sewqan u l-implimentazzjoni tagħhom.

Grand Harbour Regeneration Corporation — informazzjoni dwar il-membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Corporation? Jista' jgħid x'inhu s-salarju ta' kull wieħed minnhom skont il-grad u jekk għandhomx xi benefiċċji oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għad-Diretturi, l-informazzjoni hija din:

roti armati b'makna ta' mutur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk roti armati b'makna ta' mutur jinħteġux liċenzja jew permess? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx restrizzjonjiet ta' età sabiex wieħed isuq rota b'makna ta' mutur?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23460.

Tined mikrija għat-terminus tal-Belt/Buġibba

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 29417, jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tined li huma mikrija għal terminus tal-Belt? Kemm hu n-numru tat-tined għat-terminus ta' Buġibba? Dawn it-tined inkrew wara sejħa pubblika għall-offerta (tenders)? Mingħand min inkrew dawn it-tined?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 8 tined il-Belt u 4 Buġibba. It-tined ġew mikrija minn Karl Borg Events u minn Zaffarese Group. Ma kien hemm l-ebda sejħa pubblika għall-offerta.

permessi għall-reserved parking slots

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-reserved parking slots kollha li hemm fit-triq, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, humiex kollha koperti bil-permessi meħtieġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab imfurmat li minn riċerka li saret fir-records ta' Transport Malta u minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-istess awtorità, irriżulta li t-tliet parkeġġi riservati f'din it-triq kollha għandhom approvazzjoni minn Transport Malta. Infurmat ukoll li waħda minn dawn il-parkeġġi għandha tabella li mhix awtoriżżata minn Transport Malta u dwar dan jien infurmat li Transport Malta se tinvestiga mal-kunsill lokali.

Transport Malta — liċenzja tat-taxis

Question

Rigward l-Transport Malta Customer Care Course, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li 13-il Għawdxi li applikaw biex jingħataw liċenzja tas-sewqan biex issuqu t-taxis wara li spiċċaw il-kors minflok ma dawn ingħataw il-liċenzja biex issuqu taxi, ingħataw il-liċenzja biex issuqu Chauffeur Driven Car li huma ma applikawx għaliha għaliex lanqas għandhom dawn it-tip ta' vetturi? Jekk dan kien żball ta' Transport Malta, x'hemm li jżomm milli joħorġu tags oranġjo minflok kannella biex dawn ikunu jistgħu jsuqu t-taxis?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawn il-persuni kienu awtoriżżati jsuqu biss vetturi għall-kiri (chauffer driven), u ma kenux awtoriżżati jsuqu taxis. Infurmat wkoll li ma jirriżultax lill-awtorità li għamlet xi żball. Skont ir-regolamenti l-ġodda dwar is-servizzi tat-taxi, dawk il-persuni li fid-data meta daħlu fis-seħħ l-istess regolamenti kienu awtoriżżati li jsuqu taxi, huma eżentati milli jagħmlu l-kors u joqgħodu għall-eżamijiet li llum huma meħtieġa biex jinħareġ permess ta’ xufier ta’ taxi. Għalhekk, minħabba li dawn il-persuni ma kenux awtorizzati biex isuqu taxis fid-data li daħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda, din l-eżenzjoni ma tapplikax fil-każ tagħhom u huma meħtieġa jgħaddu mill-proċess sħiħ biex jiksbu permess ta’ xufiera ta’ taxi, li fost l-oħrajn jinkludi attendenza għal kors speċifiku approvat mill-Awtorità, liema kors digà qiegħed jingħata fuq bażi regolari minn żewġ entitajiet li ġew approvati minn Transport Malta. Ninsab infurmat ukoll li wħud minn dawn il-persuni digà kellhom laqgħat separati ma’ dawn l-entitajiet, bl-iskop li dan il-kors jingħatalhom f’Għawdex stess.