Legislature:
Category:
Reset
Active:

Minsteru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Chairpersons u diretturi maħtura

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma ċ-chairpersons u diretturi ta' kull kumpannija u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li nħatru wara l-10 ta' Marzu 2008? Tista' tgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Persuni b'diżabilità f'Għawdex — Opportunitajiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'opportunitajiet edukattivi jeżistu f'Għawdex għall-persuni b'diżabilità wara li jlestu l-iskola sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li studenti Għawdxin li għandhom diżabilita’ li jkunu jistgħu jkomplu jsegwu postijiet sekondarji, jistgħu jmorru fl-istituzzjonijiet edukattivi bħall-Malta College of Arts, Science and Technology, Institute for Tourism Studies u Sir Mikelang Refalo-6th Form. Studenti b’diżabilita’ huma wkoll offruti servizzi ta’ programmi edukattivi fl-iSpecial Unit ta’ Sannat wara li jagħlqu s-sittax-il sena. Studenti b’diżabilita’ jistgħu wkoll jagħmlu użu minn programmi edukattivi fl-iskejjel tal-Arti, Mużika u Drama.

Riżultati tal-livell avvanzat

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ir-riżultati tal-livell avvanzat joħorġu ġimgħa biss qabel ma' l-istudenti jkunu jridu japplikaw għall-kors tagħhom fl-Universita' u erbat jiem qabel il-laqgħa li jkollhom l-istudenti fl-Universita?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li r-riżultati tal-Bord tal-MATSEC, kemm dawk ta’ l-eżamijiet f’livell avvanzat, kif ukoll dawk f’livell SEC joħorġu fl-iqsar żmien possibli u appena jkunu mmarkati l-karti kollha.

Stipendju

Question

Tista' l-Ministru tara li joħroġ xi tip ta' stipendju liż-żagħżugħ, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn l-omm hija ta' ċittadinanza Maltija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Maintenance Grants Board ma għandu ebda informazzjoni dwar l-istudent imsemmi. Nitlob lil Onor Membru sabiex jagħti parir lil dan iż-żagħżugħ li javviċina l-Uffiċċju ta’ l-Istipendji bit-talba tiegħu.

Kunsill Lokali — Għajnuna għall-attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il kunsill lokali ngħata l-għajnuna mill-ministeru biex jiġu organizzati attivitajiet kulturali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il- Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ta’ għajnuna ta’ €200 lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex jorganizzaw gimgħa ta’ attivitajiet kulturali f’Lulju, 2008.

Skejjel — Xogħol ta' Manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema skejjel primarji u sekondarji matul is-sajf li għadda sar xogħol ta' manutezjoni, tisbiħ eċċ? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol f'kull skola u kemm hu stmat li sewa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li matul dan is-sajf saru xogħolijiet ta’ upgrading u refurbishment f’ dawn l-iskejjel bħal bdil ta’ aperturi, xogħol ta’ tibjid, bdil ta’ faċilitajiet sanitarji u xogħol koness ma’ manutenzjonijiet. Sir Luigi Preziosi Secondary School Pembroke Żejtun Primary School Attard Primary School Ħamrun Primary School Fgura Primary School Gudja Primary School Maria Regina Girls’ Junior Lyceum Marsascala Primary School Vittoriosa Primary School Brighella Boys’ Junior Lyceum, Ħamrun St. Theresa Girls Junior Lyceum Mrieħel Sliema Annex Naxxar Secondary School Ġuze’ Ebejer Primary School, Dingli Qormi Primary School Birżebbuġa Primary School Antonio Bosio Secondary School Gżira San Miguel Pembroke Life Long Learning Centre Msida Dun Manuel Attard Special School Wardija Dun Karm Xerri Primary School Naxxar Patri Ġuze’ Delia Primary School Siġġiewi Ġuzeppa Deguara Primary School M’Xlokk Kan. Pawl Pullicino Girls’ Secondary School Rabat Żebbuġ Primary School Paola Primary School FX Attard Marsa St. Venera Boys’ Junior Lyceum Dun Karm Psaila Boys’ Secondary School Żebbuġ Erin Seracino Inglott Girls’ Secondary School Cospicua Hu stmat li n-nefqa se tilħaq il fuq minn €640,618. Tkompla ix-xogħol fuq l-iskejjel il-ġodda ta Għawdex, Bormla, Mosta, Pembroke u s-sala tal-Kulleġġ San Benedittu.

Junior Lyceum — Margaret Mortimer - Lockers

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li l-situdenti kollha li jattendu fil-bini tal-Junior Lyceum Margaret Mortimer ikollhom locker biex jerfgħu kotba tagħhom flok ikollhom iġorru basktijiet tqal b'detriment għal saħħithom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-Kulleġġ San Benedittu, Liċeo tal-Bniet Sta. Lucia, l-istudenti ngħataw locker għall-użu personali tagħhom.Hemm aktar lockers minn numru ta’ studenti fl-iskola.

MCAST — Private Training Providers

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi se tieħu biex tiżgura li l-proċess tal-għażla tal-private training providers għal studenti li jridu jsegwu korsijiet fl-ITC mill-MCAST kien wieħed nadif, trasparenti u ġust u ġew użati l-kriterji stabbiliti f'kull stadju tal-proċess? Tista' tgħid jekk fil-kumitat tal-għażla kienx hemm maħtura persuni li għadhom on probation mal-MCAST? Ma taħsibx li dan mhux għaqli għax ikunu vulnerabbli għall-pressjoni minn dawk li mexxew il-proċess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari għandha ssir lill-Ministru konċernat. Infurmata wkoll li l-kumitat tal-għażla huwa magħmul minn esperti tekniċi u b’esperjenza fil-qasam tagħhom.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — Skola ġdida ta' Pembroke

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi se tieħu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada biex tiżgura li flimkien ma' entitajiet pubbliċi oħra tindirizza b'mod sodisfaċenti l-impatti li l-iskola l-ġdida ta' Pembroke se tħalli fuq l-infrastruttura tat-toroq, l-ilma u d-drenaġġ tal-inħawi li diġa' huma taħt pressjoni kbira?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tieħu l-passi kollha meħtieġa biex l-ewwel tiżgura li ma jkollhiex problema ta’ l-impatt li hemm mill-ilma tax-xita li jinġabar mill-inħawi fejn qed jinbnew żewġ ġibjuni kbar. Sar ukoll studju flimkien mal-Ministeru għar-Rizorsi u Affarijiet Rurali u ser jiġi implimentat hekk kif jiġu ppublikati u awarded it-tender għax-xogħol imsemmi fejn ser isir storm water culverts fit-toroq viċin ta’ l-iskola. Saru ukoll diskussjonijiet ma’ l-Awtorita’ tat-Transport sabiex l-ilma tax-xita li jaqa’ mill-main road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq jiġi iddevjat għall-parti oħra fi Triq Sir Adrian Dingli biex b’hekk tonqos il-flow li tgħaddi mill-kumpless tal-Forzi Armati.

MCAST — Assignments - Falsifikar ta' marki

Question

Tista' l-Minsitru tgħid jekk hux vera li eżaminaturi fl-MCAST iffalsifikaw marki ta' assignments f'kors ta' Laboratory Technicians li jwassal għaċ-ċertifikat tal-BTEC? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar dan l-iffalsifikar ta' marki? Fil-każi li ttieħdu, meta ttieħdu? Jekk ma ttieħdux, għaliex ma ttieħdux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Management tal-MCAST irċieva rapport dwar allegazzjoni li tikkonċerna bdil ta’ marki fil-kors ta’ Laboratory Technicians. Ġie appuntat bord indipendenti, magħmul minn persuni li ma jagħmlux parti mill-Istitut konċernat kif ukoll minn nies li m’humiex parti mill-MCAST. L-investigazzjoni għadha għaddejja u għaldaqstant, ikun prudenti u għaqli li wieħed jistenna l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni. Madankollu, l-MCAST hija kommessa li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li jsiru mill-Bord.

Awarness fl-iskejjel fuq sigurtà fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jistax jieħu passi biex fl-iskejjel tal-istat, u wkoll dawn tal-knisja u privati, jsiru kampanji ta' tagħrif u awarness dwar road safety fit-toroq tagħna u dan sa minn meta età żgħira? Tista' tgħid jekk il-Ministeru qattx ħa ħsieb biex fassal dawn il-kampanji fl-iskejjel lit-tfal u żgħażagħ tagħna proprju biex meta jibdew isuqu jkunu aware mill-obbligi tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Health and Safety Unit fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ilu jagħmel programmi ta’ awareness dwar Road Safety u taqsimiet oħra relatati ma’ Health and Safety mis-sena 2000. L-iskejjel primarji kollha statali – li għandhom klassijiet tar-raba’, ħames u sitt sena – jirċievu lezzjonijiet fuq Road Safety Awareness, u ħafna aktar, b’mod regolari. Fost affarijiet oħra, dan jinkludi tagħrif u tagħlim dwar kif wieħed għandu jġib ruħu fuq tal-linja, waqt li qiegħed miexi fit-triq, meta jaqsam, traffic lights, użu ta’ bicycles, eċċ. Dan isir ukoll fl-iskejjel sekondarji. Il-Health and Safety Unit ikkoperat mal-ADT biex saru programmi fl-iskejjel primarji mill-ADT u l-Malta Red Cross Society fuq Road Safety.

MCAST — Korsijiet bla ħlas

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuni li jirreġistraw għax-xogħol u jiddeċiedu li jieħdu il-kors mal-MCAST fil-Fire Fighting, First Aid u Servival Techniques qed jintalbu ħlas? Min hu ntitolat li jieħu dawn il-korsijiet bla ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-korsijiet kollha part-time jirrikjedu ħlas. L-MCAST joffri żewġ konċessjonijiet biss, studenti tal-MCAST iħallsu 50% tat-total u studenti anzjani, jiġifieri dawk li għandhom karta anzjan, iħallsu biss 25% tat-total. Infurmata wkoll li għal dawk li jirreġistraw għal-korsijiet, normalment wara li jħallsu, jirreferu lill-ETC u huwa fid-diskrezzjoni tagħhom jekk dawn jingħatawx il-ħlas lura li jkunu ħallsu.

Foundation for Tomorrow's School — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet in-nefqa tal- Foundation for Tomorrow's School f'Malta u f'Għawdex separatament kull sena minn meta twaqqfet sal-lum? Fuq xiex kienet kull nefqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura, tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Kummisjoni għas-Servizz Pubbliku — Tweġibiet

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2350, tista' l-Ministru tgħid meta ngħataw it-tweġibiet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u meta kien li l-istess Kummissjoni talbet kjarifiki? X’inhi r-raġuni li mhux il-kjarifiki kollha s’issa ngħataw u dwar liema każi huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-tweġibiet kollha ngħataw ftit jiem wara li saru l-petizzjionijiet. Il-Kumissjioni għas-Servizz Pubbliku talbet xi kjarifiki kemm f’Mejju u kemm f’Ottubru. Informata li l-kjarifiki kollha ingħataw kemm verbalment matul is-seduta u kemm bil-miktub. Ma hemm ebda risposta pendenti.

Direttur tal-Programm tal-EU

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2353, tista' l-Ministru tgħid x’inhuma dawn il-proċeduri stabbiliti? X’kienet ir-raġuni li f’dan il-każ inħass li xi ħadd kellu jiġi detailed għal din il-ħatra minflok toħroġ sejħa kif normalment jiġri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-Kordinatur Nazzjonali tal-EUPA gie detailed “on grounds of public policy” permezz taċ-ċirkolari maħruġa mill-Management and Personnel Office numru MPO/211/2007. Informata li l-Ministeru ħass li l-persuna nvoluta kienet idonea li tokkupa din il-ħatra permezz ta’ detailing “on grounds of public policy” wara li l-istess persuna kienet inħatret Acting National Co-ordinator f’Gunju 2007. Dan seħħ wara li għall-sitt xhur sħaħ l-istess EUPU/EUPA kienet immexxija minn Kumitat ad hoc wara li l-Kordinatur Nazzjonali preċedenti ħa ħatra oħra f’Dicembru 2006. Informata wkoll li f’Ġunju 2007, il-Public Service Commission irtirat l-applikazzjoni li kien hemm għal ħatra ta’ National Co-ordinator. Informata li kien inħass il-bżonn li l-EUPA titmexxa b’mod aħjar u bla aktar dewmien anke invista li l-istess EUPA kienet tilfet numru kbir ta’ Uffiċjali wara li ħadu ħatriet oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Donazzjonijiet lill-għaqdiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minnhom? X'kien l-ammont f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Propjetà ta' għaqdiet sportivi — Xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sar xogħol fi propjetà ta' għaqdiet sportivi tul dawn l-aħħar sentejn (2007/8)? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minn dan, x'kien ix-xogħol u kemm qam f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Skejjel — Bidla fis-sistema ta' streaming u eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'diskussjonijiet saru s'issa u x'riżultati taw id-diskussjonijiet mal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti dwar riformi edukattivi bħal bidliet fis-sistema tal-istreaming u bidliet fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum/Common Entrance Examinations?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li kemm l-iskejjel tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti kienu rappreżentati fuq il-Working Group dwar it-Tranzizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja. Matul is-sena li l-Working Group kien għaddej bil-proċess tal-konsultazzjoni,saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar l-istreaming u l-eżamijiet mat-tlett setturi edukattivi.Fil-ġimgħat li ġejjin, ser jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dawn is-suġġetti.

Dokument "For All Children to Succeed"

Question

Id-dokument For All Children To Succeed jgħid, paġna XIX, "the minister of Education will chair a small standing committee to ensure direction, coherence, synergy and co-ordination throughout the whole system." Tista' l-Ministru tgħid hux jiffunzjona dan il-kumitat? Minn min hu kompost? Kemm iltaqa' u x'wettaq minn Marzu 2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ta’ kull ġimgħa l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni tlaqqa’ s-Segretarju Permanenti, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi, u d-Direttur Ġenerali tad- Direttorat Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni. F’dawn l-aħħar xhur ġew diskussi diversi suġġetti dwar l-operat u r-reponsabblitajiet tad-Direttorati, dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riformi fl-edukazzjoni obbligatorja, dwar it-tranzizzjoni mill-primarja għas-sekondarja, dwar il-preparazzjoni għas-sena skolastika, u diversi policies li jħadmu d-Direttorati u l-Kulleġġi.