Rabat Għawdex – Middle School – inkonvenjent ta’ trab u storbju minħabba l-proġetti tal-pixxina u l-Iskola Primarja
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'qed jew x'ser jagħmel biex l-inkonvenjent ta' trab u storbju kkawżati mill-proġetti tal-pixxina u l-Iskola primarja tar-Rabat Għawdex, ma jkomplux ikunu ta' inkonvenjent għall-istudenti, edukaturi u staff tal-Middle School li tinsab fil-viċin, partikolarment bħalissa li minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, il-bibien u t-twieqi jkollhom jibqgħu miftuħin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Project Team li qiegħed jaħdem fuq il-proġett tal-pixxina, filwaqt li japrezzaw li dawn huma żminijiet straordinarji u diffiċli, huma konxji tal-effetti tax-xogħlijiet ta’ konstruzzjoni li qegħdin isiru biswit il-bini tal-Middle School. Għal din ir-raġuni qegħdin jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqas dan l-inkonvenjent. Dawn il-miżuri jinkludu koordinazzjoni kontinwa mal-amministrazzjoni tal-iskola, entraturi ta’ dħul u ħruġ li huma magħżulin apposta, kif ukoll ippjanar loġistiku li qiegħed jiġi rivedut sistematikament kull ġimgħatejn.
In-Nadur Għawdex – Triq l-Imġarr – studju u testijiet
Question
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministeru għal Għawdex fit-18 ta' April 2019 fi Triq l-Imġarr fin-Nadur Għawdex, tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn l-ex Ministru għal Għawdex, nies tekniċi mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-perit/Geotechnical Engineer li tqabbdu flimkien ma' esperti barranin biex jagħmlu l-istudji u testijiet meħtieġa bħala testijiet fuq il-kwalità tat-tafal u testijiet oħra u jħejju l-pjanti u d-disinni meħtieġa ta' xogħol li hemm bżonn issir f'din it-triq, jista' l-Ministru jgħid x'ħejjew dawn in-nies (pjanti/disinni) li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha, kif ukoll id-dati meta tħejjew dawn l-istudji/pjanti/disinni tax-xogħol li għandu jsir f'din it-triq? Jista’ jgħid kemm tħallsu dawn il-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali? Jista’ jikkonferma jekk il-Ministeru għal Għawdex għadux juża s-servizzi ta’ dawn id-ditti u n-nies tekniċi kemm barranin kif ukoll lokali u jekk hux qiegħed juża l-pjanti u disinni tagħhom fuq dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13030 li ngħatat fl-10 ta’ Marzu 2020, fejn intqal li x-xogħlijiet infrastrutturali fuq parti mit-Triq Santa Dminka fir-Rabat Għawdex kellu jinbeda ‘fix-xhur li ġejjin’, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li għaddew iktar minn seba’ xhur u għadu ma sar xejn? Jista’ jgħid fil-konkret meta hu ppjanat (xahar u sena) li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq se jsir skont skeda ta’ prijoritajiet amministrata mill-Ministeru għal Għawdex.
Proġett ta’ triq ġdida bejn il-port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta’ Lourdes f’Għajnsielem
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12965 li ngħatat fit-12 ta' Frar 2020, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem u jgħid fil-konkret x'sar sa issa u jgħid x'hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin? Jista’ jgħid kemm-il siegħa xogħol għamel il-perit inkarigat minn dan il-proġett s’issa u jgħid kemm tħallas għax-xogħol li diġà għamel? Jista’ jgħid jekk sarux xi laqgħat ta' konsultazzjoni u informazzjoni għall-stakeholders u għall-persuni jew sidien ta' art li ser jintlaqtu minn dan il-proġett? Jista’ jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet mal-ERA biex eventwalment ikunu jistgħu jibdew it-testijiet ġeoloġiċi meħtieġa? Jista’ jgħid jekk ġewx evalwati u kkunsidrat l-impatt ambjentali sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni finali rigward din it-triq u jekk iva x' kienu l-konklużjonijiet u x'deċiżjoni ttieħdet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin bl-istudji meħtieġa. Id-ditta tal-Periti ħadmet 1182 siegħa u tħallset is-somma ta’ €29,550 (excl VAT).
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-lattrini pubbliċi li jinsabu ġewwa ċ-Ċittadella u li ilhom għal dawn l-aħħar xhur magħluqa u jgħid f’liema xahar u sena huma ippjanati li jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-latrini pubbliċi li jinsabu qrib id-daħla l-qadima taċ-Ċittadella, issa ġew amalgamati f’waħda ikbar biex il-faċilita’ msemmija ssir aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Matul l-aħħar xhur saru xogħlijiet estensivi, fejn fost l-oħrajn sar tibdil komplet tas-saqaf peress li dak eżistenti kien sar ta’ periklu għall-pubbliku. Din il-latrina pubblika ser tinfetaħ għall-pubbliku dan ix-xahar.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema ingaġġati bħala skrivana
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni ingaġġati bl-iskemi u ngħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn iddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u bi ftit kwalifiċi? Jista’ jgħid jekk il-persuni ingaġġati fuq skema u qed jagħmlu xogħol klerikali humiex kollha jagħmlu xogħol temporanju? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali li hu permanenti? Jista’ jgħid jekk fil-futur qarib hemmx ippjanati li jiġu ingaġġati iktar persuni bl-iskema li jagħmlu xogħol klerikali ġewwa l-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, jagħti l-isem tat-triq u kemm kien it-tul u wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2020 biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn l-1 ta’ Marzu 2020 sal-lum, ġie rrapurtat każ wieħed ta’ ħaddiem infettat bil-COVID-19 li jagħmel parti mis-settur pubbliku taħt dan id-dekasteru.
Rabat Għawdex – Triq in-Neolitiċi u parti minn Triq 31 ta’ Marzu – tarmac ġdid
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14296, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol mill-Ministeru għal Għawdex biex Triq in-Neolitiċi u parti minn Triq 31 ta’ Marzu fir-Rabat Għawdex jingħataw wiċċ bit-tarmak għall-ewwel darba u jitneħħa l-inkonvenjent kbir għar-residenti? Jista’ jgħid jekk ingħatatx il-clearance mingħand is-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali u jekk iva meta ingħatat? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol kollu huwiex ħa jistlesta sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali tat l-approvazzjoni biex titħejja d-dokumentazzjoni neċessarja dwar trinka li kienet saret f’din it-triq. Hekk kif din id-dokumentazzjoni titlesta, terġgħa tintbagħat lura lis-Sovrintendenza għall-evalwazzjoni. Skont din l-evalwazzjoni, tkun tista tingħata l-approvazzjoni għat-tkomplija tax-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet kollha li bdew f' dawn il-ġimgħat u li qed isiru mil-Ministeru għal Għawdex ġewwa Triq il-Lanterna, it-triq li twassal għall-Fanal tal-Ġordan ġewwa l-Għasri Għawdex għandhomx il-permessi kollha meħtieġa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u tal-Awtorità ta-Ippjanar (PA) u jekk iva jpoġġihom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista' jgħid jekk il-binja li ser tospita dan l-Osservatorju hix lesta u kemm swiet? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta' dan l-Osservatorju?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja li fuq is-saqaf tagħha ser jiġi installat id-dome bit-telescope u l-camera module ġo fih diġà teżisti. Bħalissa qiegħda tiġi ppreparata applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid minn huma l-membri tal-Awtorità Reġjonali għal Għawdex? Jista' jgħid kemm għandha impjegati magħha din l-Awtorità u kull impjegat xi grad għandu? Jista' jgħid kemm-il laqgħa saret s’issa ta' din l-Awtorità u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-istess laqgħat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tal-Awtorità Reġjonali għal Għawdex huwa ffurmat minn Michael Grech bħala Chairperson u Charlene Xerri Gatt bħala Viċi Chairperson, flimkien ma’ erba membri li huma Joe Muscat, Daniel Borg, Joseph Borg u Dr Samuel Azzopardi. Apparti hekk, Mario Borg huwa membru Ex-Officio li jservi fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv, li huwa wkoll l-uniku impjegat tal-Awtorità. Sa issa saru żewġ laqgħat tal-Bord. Dawn iż-żewġ laqgħat saru nhar l-14 ta’ Settembru u nhar id-9 ta’ Ottubru.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar tas-sena 2019 taħt il-Ministru preċedenti għal Għawdex kien hemm diskussjonijiet biex Triq il-Wardija ssir bit-tarmak kollha kemm hi peress li l-WSC kienu ħa jgħaddu trinka tal-ilma u issa l-Ministru għal Għawdex biddel il-fehma u kull ma ġiet asfaltata hija biss il-parti fejn saret it-trinka tal-ilma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid, din it-triq se ssir kollha bit-tarmak.
Post alternattiv fejn l-isportivi jistgħu jipprattikaw id-dixxiplini sportivi
Question
Peress li l-uniku Kumpless Sportiv tal-Gvern ġewwa Għawdex baqa’ magħluq u jidher li ser jibqa’ magħluq għal żmien twil, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jipprovdi post alternattiv fejn il-mijiet ta’ dilettanti sportivi f’Għawdxin u barranin li kienu jipprattikaw id-diversi dixxiplini sportivi ġewwa l-Gozo Sports Complex, jibqgħu jipprattikaw id-diversi dixxiplini b’mod regolari f’post ieħor ipprovdut mill-Gvern?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għamel ftehim mal-GYM tas-Seminarju tal-Isqof li jinsab fil-Belt Victoria stess, fejn diversi dixxiplini sportivi ġew rilokati. Apparti hekk, bi ftehim mal-Iskola Sir Mikelang Refalo, il-Ministeru ħa parti minn din l-iskola, li ġiet trasformata fi swali għal gymnastics u dixxiplini simili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda maċ-Ċivil fil-grad ta’ Labourers fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex xahar b’xahar mill-31 ta’ Jannar 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, ġew ingaġġati sitt ħaddiema ġodda maċ-ċivil fi grad ta’ labourers fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati kollha matul ix-xahar ta’ Awwissu u skont il-proċeduri mħaddma fis-Servizz Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijet għaliex is-saqaf tal-Gozo Sports Complex li sar kollu kemm hu mill-ġdid madwar 7 snin ilu b'nefqa ta’ ‘l fuq minn €420,000, f'dawn l-aħħar ġranet qed jerġa jinqala’ kollu kemm hu? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol li jinqala’ s-saqaf kollu kemm hu tal-Gozo Sports Complex kienx inkluż fit-tender 'CT2141/2019 Tender for the civil and finishes works to construct New Gozo Aquatic Center Adjacent and Integrated to the Existing Sports Complex in Gozo' u kemm hi ppjanata li ser tkun l-ispiża biex is-saqaf jinqala’ kollu kemm hu u jerġa’ jsir mill-ġdid?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar tal-2018 kienet saret ħsara konsiderevoli lis-saqaf meta l-pannelli fotovoltajiċi ġibdu l-istess saqaf, kawża tal-grigalata kbira li kienet ħakmet lill-gżejjer Maltin. B’hekk fit-tender li nħarġet, kien hemm maħsub li s-saqaf jiġi maqlugħ u jiġi aġġustat biex jiġi integrat mal-binja tal-pixxina.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-vot fil-Budget għas-sena 2021 għall-Breakwater f’Marsalforn u dan peress li din hija waħda mill-wegħdi prinċipali tal-Gvern għal Għawdex? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq dan il-breakwater u meta hu mistenni li jkun lest? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-disinn u pjanti għal dan il-breakwater? Jista’ jgħid jekk ġietx sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għall-bini ta' dan il-breakwater u jekk iva meta ġew sottomessi u x’inhu n-numru ta' referenza ta' dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż marbuta ma dan il-proġett kapitali, jaqgħu taħt il-vot kapitali ta’ EkoGħawdex. Ix-xogħol fuq dan il-breakwater għaddej mill-aspett ta’ studji u ta’ tħejjija ta’ sejħiet għall-offerti. Id-disinni ta’ dan il-breakwater għalissa huma soġġetti għal iktar studji ta’ immudellar matematiku tal-impatt tal-mewġ. Saru konsultazzjonijiet mal-ERA u bħalissa għaddejjin il-preparamenti fuq l-EIA u l-PDS li huma meħtieġa bħala parti mill-applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Għawdex — Anzjani jew persuni b’diżabilità li qegħdin f’homes pożittivi għal COVID-19 – trasferiment għal post ieħor adattat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex sarux arranġamenti biex jekk anzjani jew persuni b' diżabilità li jirrisjedu f'homes jinstabu pożittivi għal COVID-19 u ma jkollhomx bżonn jiġu rikoverati fl-Isptar, ikunu jistgħu jiġu trasferiti għal post ieħor f'Għawdex stess li jkun mgħammar għal dan il-għan u jkollu l-ħaddiema kollha addattati? Jekk ma sarux dawn l-arranġamenti jista' jgħid għaliex ma sarux u x’inhu maħsub li jiġri f'każ li persuni li tirrisjedi f'home tal-anzjani jew ta' persuni b'diżabilità jkollha bżonn tiġi rilokata kif qed jiġri f'Malta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm il-darba anzjan jew anzjana f’home tirriżulta pożittiv/a, tittieħed l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid x'qisien mistennija jkollha l-Pixxina f'Għawdex meta din tkun lesta (tul, wisa' u fond)? Jista' jgħid jekk dawn humiex qisien Olimpliċi? Jista' jgħid meta hu mistenni li tibda tintuża din il-pixxina?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pixxina se tkun ta’ daqs olimpiku. Dan ifisser li l-pixxina se jkollha tul ta’ 50 metru u wiesa 25 metru. Dan il-proġett huwa mistenni li jkun lest lejn l-aħħar tas-sena 2021.
Jista' l-Ministru jgħid liema toroq f'Għawdex saru matul is-sena 2020 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid f'kull każ it-tul tat-triq li saret bit-tarmak u f'kull każ jekk inbidlux is-servizzi kollha qabel saret it-triq bit-tarmak u jekk sarux culverts għall-ilma tax-xita kif ukoll culverts minn fejn jgħaddu s-servizzi kollha fl-istess toroq? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża fuq kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.