Peress li skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28696, Triq Victor Cauchi f'St Peters Ħaż-Żabbar ma ssemmitx, jista' l-Minsitru jgħid meta hu ppjanat li ssir din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-parti tat-Triq Victor Cauchi li hija żviluppata u miftuħa, ġiet asfaltata f'Settembru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid f'kull lokal liema huma t-toroq li qatt ma saru? Meta mistennija ssir kull triq mill-gvern ċentrali?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri: 19277 u 24717, infakkar li t-toroq residenzjali dejjem kienu żviluppati skont l-iżvilupp li jsir fil-bini. Jien infurmat ukoll li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta' toroq oħra li qatt ma nbnew sabiex ikunu jistgħu jidħlu fi pjan ġdid għal wara li jitlestew il-202 triq residenzjali li jridu jitlestew sal-2012.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod Transport Malta investiet bis-sħiħ fit-toroq residenzjali f'kull lokal din is-sena? Kemm ħarġet fi flus Trasport Malta f'toroq residenzjali f'kull lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta investiet bis-sħiħ fit-toroq residenzjali matul din-sena bi programm intensiv ta' bini mill-ġdid ta' dawn l-imsemmija toroq u fejn Transport Malta s'issa nvestiet b'valur ta' Euro 8,404,578.96 f’dawn it-toroq.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra , il-fondi li ġew allokati għal kull lokalità.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-unika każ kien dak ta' Transport Malta li ngaġġat is-servizzi ta’ waħda mill-kumpaniji konċernati b’direct order, għall-produzzjoni ta’ feature għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni tal-bidu tas-servizz tat-trasport ġdid fit-2 ta’ Lulju, fejn l-ammont kien ta’ €4602.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-vetturi tal-Arriva huma Euro V u kemm minnhom huma mgħammra skont ir-rekwiżiti miftehma, mill-bidu tal-operat sal-lum 28 ta' Ottubru, 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nfakkar li qabel ir-riforma l-maġġoranza kbira tal-karozzi l-anqas biss kellhom Euro rating, jien infurmat illi l-karozzi tal-linja kollha kienu Euro V qabel ma Transport Malta għamlet il-konċessjoni riċenti li mhux aktar minn 36 karozza jkunu Euro IV jew III għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-vetturi tal-linja li kellna qabel ma r-riforma daħlet fis-seħħ, kienu b'magni Euro III u Euro IV?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn 508 xarabanks li kellna fit-triq qabel ma daħlet ir-riforma, 130 xarabank kellhom magna Euro III filwaqt li l-kumplament tax-xarabanks kellhom magna ta’ standard anqas minn Euro III.
Infurmat ukoll li f’Għawdex, ix-xarabanks kienu kollha ta’
standard
anqas minn Euro III.
Ebda karozza tal-linja ma' kienet Euro IV, waqt li issa l-karozzi tal-linja huma kollha Euro V.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29104 u ċioe: Billi l-Ministru qal li Transport Malta kienet kompletament responsabbli għall-istudji dwar l-istess rotot li fil-biċċa l-kbira issa se jiġu mibdula u anki modifikati minnha stess għall-buses tal-Arriva, jista' jgħid:
a) kemm saru studji b’kollox qabel biss ħarġu l-offerti għall-operaturi;
b) minn min saru;
ċ) kemm ġew jiswew
d) kif intgħażlu l-konsulenti konċernati;
e) jekk hux se jsiru studji ġodda biex isir it-tibdil mill-ġdid;
f) jekk dawn humiex se jsiru minn Transport Malta stess jew minn xi konsulenti mill-ġdid;
ġ) kemm mistennija jiġu jiswew dawn l-istudji ġodda jekk verament se jsiru; u
h) jekk se jitqabbdu konsulenti, kif se jintgħażlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29269 u jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus attwali li għandha titħallas lill-kumpaniji/kuntratturi privati għal xogħlijiet li għamlu fuq proġetti tal-Gvern f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29268 u jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus attwali li għandha titħallas lill-kumpaniji/kuntratturi privati għal xogħlijiet li għamlu fi proġetti ta' breakwaters f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda ħlasijiet pendenti la f'Malta u lanqas f'Għawdex għat-tip ta' xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29267 u jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus attwali li għandha titħallas lill-kumpaniji/kuntratturi privati għal xogħlijiet li għamlu fi proġetti ta' kostruzzjoni f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ammont in kwistjoni huwa ta' €1,403,071.83 fil-każ ta' Malta u xejn fil-każ ta' Għawdex.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — persuni b'diżabilità impjegati fis-settur u fis-servizz pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29200 u jgħid kemm hemm persuni b'diżabilità f'kull skala fis-settur u s-servizz pubbliku impjegati fid-dipartimenti, uffiċċji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jsiru sas-sitt xhur li gejjin minn Transport Malta? Jista' jgħid ukoll wara kemm żmien jiġi verifikat jekk ix-xogħol hux aċċettabbli? Jista' jgħid ukoll x'isir meta jinstab li x-xogħol ma sarx skont ma titlob is-sengħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 24717.
Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ċ-ċertifikazzjoni tat-triq issir wara li jiġu eżaminati t-testijiet neċessarji u l-ħlas isir wara li-l-kuntrattur jagħmel garanzija bankarja ma’ Transport Malta. Jekk jinstab li x-xogħol ma jkunx sar skont is-sengħa, dan ix-xogħol jerġa' jsir għas-spejjes tal-kuntrattur.
Transport Malta — Chief Executive Officer - range tas-salarji
Question
Billi l-Ministru ftit ilu ta indikazzjoni tar-range tas-salarji taċ-Chief Officers ta' Transport Malta, jista' jkun aktar speċifiku u jabbina s-salarji indikati mal-karigi speċifiċi taghom, skont l-areali huma responsabbli għaliha? Din ir-range tinkludi ukoll il-pakkett finanzjarju li qed igawdi minnu iċ-Chief Executive Officer ta' Transport Malta? Jekk le, jista' jgħid fiex jikkonsisti dan il-pakkett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi konċess it-timed parking fid-diversi lokalitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet għall-parkeġġ ikkontrollat għar-residenti jiġu sottomessi lil Transport Malta mill-kunsilli lokali rispettivi. Transport Malta ppubblikat linji gwida għal tali applikazzjonijiet. Dawn jistabbilixxu l-bżonn li l-kunsilli lokali jagħmlu studji speċifiċi u jistabbilixxu l-ammont ta’ parkeġġi eżistenti, l-użu fattwali ta’ tali parkeġġi fit-toroq, f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. L-awtorità tevalwa dawn l-istudji u l-konċessjoni toħroġ a bażi ta’ dawn l-istess studji.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari 29628 mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta (Taqsima Marittima) għandhiex xi pjanijiet għal xogħol f'din il-parti tal-Qawra, billi l-moll fl-inħawi qed jiġrilu ħafna ħsara, b'mod partikolari bil-maltemp?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-moll imsemmi ma jaqax taħt ir-responsabiltà ta' Transport Malta.
Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta — investigazzjoni fuq tender
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpaniji li tefgħu offerta għat-tender, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, kienu: Economic & Management Consultancy Services (EMC) for the value of €269,718.50, STC Training Ltd for the value of €271,400.00 u Outlook Management and Communications Cooperative Society Ltd for the value of €277,472.00? Jikkonferma li l-Economic & Management Consultancy Services ngħataw il-kuntratt nhar it-22 ta' Lulju 2011? Huwa minnu li saret investigazzjoni rigward dan it-tender u rriżulta li wieħed mid-Direttur tal-Bord tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta kien involut f'xi irregolaritajiet f'din it-tender? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid:
a) għaliex it-
tender
ma ġiex irtirat;
b) min huwa dan id-Direttur u liema kumpanija kienet involuta f'dawn l-irregolaritajiet;
ċ) x'passi ttieħdu kontra dan id-Direttur u l-kumpanija involuta; u
d) dan il-każ, għadda għand il-pulizija biex tiġi investigata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi fil-proċess ta' evalwazzjoni ġie nnutata li wieħed mill-offerenti , Joint Venture for the Maltese Communications Authority Service Tender for the Provision of Training Services for Epitome Project CT 3023/201, kien jikkonsisti f’konsorzju li fih kellha sehem ta’ 7% il-kumpanija CCG Investment Ltd, fejn wieħed mid-diretturi tagħha kien ukoll membru tal-Bord tal-MCA.
Il-konsorzju gie mitlub jirtira l-offerta u l-membru tal-bord intalab jirreżenja u hekk ġara.
Jista' l-Ministru jgħid lokal b'lokal kemm hemm parking bays riservati għall-impjegati tal-gvern, awtoritajiet, Ministri, mħallfin, maġistrati, sindki u uffiċjali tal-kunsilli eċċ.? Kemm hu n-numru f'kull lokal? Meta ħareġ il-permess għal dan il-parkeġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq il-Fortini ta' Feliċ, Birgu indikata fil-pjanta li qed tintbagħat separatament, hux se tidħol fil-pjan tal-Kottonera? Il-ħajt li jagħti għat-Tarzna se jaqa'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li la Triq il-Fortini ta' Feliċ u lanqas il-ħajt tat-Tarzna ma' jiffurmaw parti minn xi proġett li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27759, jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 27260 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jara għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kellha l-blue sticker għal dan l-aħħar 16-il sena u issa meta marret iġġedded, irrifjutaw li terġa' tingħata l-blue sticker peress li huma qed isostnu li huwa żball?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta mhix responsabbli mill-ħruġ ta' blue stickers. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners f’Għawdex din is-sena sal-lum? Jista’ jgħid kemm minnhom rabtu mal-baga li tqiegħdet ix-Xlendi? Jista’ jgħid kemm passiġġieri niżlu l-art f’Għawdex mill-cruise liners li daħlu Għawdex?