Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-OHSA timpjegax occupational doctor? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu impjegat mal-awtorità u x’inhu x-xogħol prinċipali tiegħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ilha timpjega occupational physician sa mill-1 ta’ Ġunju, 2009. Ir-responsabbiltajiet tiegħu huma relatati mal-qasam tal-mediċina okkupazzjonali, u jinkludu, skont kif meħtieġ, l-investigazzjoni tal-kawżi possibbli ta’ mard relatat max-xogħol, l-organiżżar ta’ taħriġ, il-ħarsien tar-regolamenti dwar prevenzjoni ta’ mard fuq ix-xogħol, iż-żamma u l-analiżi ta’ databases rigward mard relatat max-xogħol, u l-akkumpanjar ta’ Uffiċċjali oħra għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, inkluż waqt investigazzjonijiet ta’ espożizzjonijiet fuq ix-xogħol.
Din il-ħidma tikkonċerna kemm mard fiżiku, kif ukoll ta’ natura psikosoċjali.
OHSA — informazzjoni dwar apparat li jkejjel it-toxics
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-OHSA għandhiex apparat partikolari li bih jitkejlu t-toxics u jekk dan l-apparat qattx intuża? Jista' jgħid kemm sewa dan l-apparat u jekk huwiex minnu li dan l-apparat riċentament intbagħat barra minn xtutna sabiex jerġa’ jiġi kkalibrat? Kemm se jiswa sabiex jiġi kkalibrat u f’każ li hemm xi tiswijiet jew tibdiliet oħra, jista' jgħid kemm se jiswew?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saru spezzjonijiet u rapporti mill-OHSA fir-rigward ta’ Hexagon House u l-impjegati tagħha fl-aħħar 10 snin? Jista' jgħid ukoll kemm-il darba impjegati tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li jinsabu f’Hexagon House spiċċaw iddaħħlu l-isptar u l-OHSA x’passi ħadet fil-konfront ta’ dan kollu meta x-xogħol speċifiku tagħha huwa s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ġiet infurmata għall-ewwel darba fuq Hexagon House f’Marzu 2009. Wara żewġ spezzjonijiet tal-post, biex tinġabar ikar informazzjoni dwar in-natura tal-problema, kienu ġew orġaniżżati mill-OHSA diversi laqgħat li kienu jinvolvu lill-Management, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema (unions rispettivi fil-Malta Environment and Planning Authority (MEPA)) u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema skont l-Avviż Legali 36/2003. Minn dak iż-żmien l’hawn saru wkoll 3 spezzjonijiet oħra fil-post imsemmi, waqt li saru 3 laqgħat oħra fil-Head Office tal-MEPA. L-Awtorità eżaminat ukoll ċertifikati mediċi relatati mal-każ, waqt li tkellmet ma’ diversi esperti li kienu involuti fil-każ, u eżaminat u ddiskutiet ir-rapporti tekniċi mħejjija minnhom.
Kien hemm il-possibiltà li l-problema kienet kaġunata minn emissjonijiet ambjentali, li l-kontroll tagħhom ma jaqax taħt l-applikabbiltà tal-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Minkejja dan, u fid-dawl tal-allegati sintomi li kienu qed jgħidu li qed ibatu minnhom il-ħaddiema u wara l-investigazzjonijiet li għamlet, l-OHSA ippreparat rapport interim li kien jinkludi diversi rakkomandazzjonijiet dwar (i) il-kontroll tal-emissjonijiet ambjentali li setgħu kienu qed jikkaġunaw il-problema, u (ii) il-miżuri li riedu jittieħdu mill-MEPA biex ikun kkontrollat l-effett fil-ħaddiema li jaħdmu ġewwa Hexagon House.
Mill-investigazzjonijiet li għamlet l-OHSA, jirriżulta li s-sintomi deskritti mill-impjegati kienu kollha
non specific
, u mhux indikattivi ta’ xi espożizzjoni speċifika. Barra minn hekk, u skont l-informazzjoni li għandha l-OHSA, iddaħħlet persuna waħda biss l-isptar li nżammet ġurnata għall-osservazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-OHSA f’siti kummerċjali privati fejn saru enforcements? Jista' jara li jiġi ppreżentat rapport tax-xogħol li sar mill-OHSA f’dan ir-rigward, lil min saru l-inspections, ir-raġuni ta’ kull enforcement u l-eżitu wara l-enforcement?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma jekk il-Konsulent għall-PET Scanner ġiex magħżul u maħtur? Jekk iva, min hu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispeċjalisti li fuq il-PET scanner huma nuclear medicine physicians.
Bħalissa hemm konsulent wieħed (nuclear medicine physician) impjegat mad-Dipartiment tal-Medical Imaging iżda mistenni li f’Lulju ta’ din is-sena jibda jaħdem it-tieni konsulent fil-mediċina nuklejari mas-servizzi tas-saħħa.
Dawn jieħdu ħsieb dak kollu li hu xogħol f’din l-ispeċjalita’ jiġifieri xogħol fuq il-gamma cameras, fuq il-PET/CT scanner u fuq il-proċeduri ta’ sentinel node surgery u jikkolaboraw ukoll mad-dipartiment tal-onkologija fit-terapija bl-użu ta’ sorsi mhux siġillati ta’ radjuattivita’.
Huwa mistenni li is-speċjalisti tar-radjoloġija jaħdmu id f’id ma’ l-ispeċjalisti tal-mediċina nuklejari fis-servizz tal- PET/CT scanner.
Jista' l-Ministru jgħid x'kura tingħata f'Malta għal sexual deviance disorder?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-problemi ta’ saħħa mentali li jistgħu jikkawżaw problemi ta’ natura sesswali jingħataw kura u attenzjoni bħal kull kundizzjoni psikjatrika oħra. Id-Dipartiment tal-Psikjatrija jagħti l-istess importanza lill-kundizzjonijiet kollha relatati ma’ problemi ta’ saħħa mentali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu biex jitwettqu miżuri rakkmandati mit-task force imwaqqfa apposta biex tara x'titjib hemm bżonn mis-servizzi offruti mis-CDAU?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Sptar Mater Dei — arranġamenti ma' John HopkinsUniversity School of Medicine
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim/arranġament ma' John Hopkins University School of Medicine fl-Isptar Mater Dei? Fiex jikkonsisti u x'inhu l-ħlas għal dan il-ftehim?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tinfetaħ skola medika ma' St George's University of London?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-Ministeru f’ittra datata 4 ta’ Jannar 2011, kiteb lill-Università ta’ Malta sabiex jistidinha biex tinfetaħ skola medika ma’ St George’s University of London.
Sa issa, il-Ministeru għadu ma rċieva l-ebda risposta mill-Università ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-tmexxija tal-Isptar ta' Għawdex u nies li jservu f'dak l-isptar għandhomx xi arranġament biex jibqgħu jaħdmu f'Coventry fir-Renju Unit fl-istess ħin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jdaħħal fil-leġiżlazzjoni nazzjonali il-miżuri kontemplati fid-direttiva tal-Unjoni ewropea dwar id-drittijiet tal-pażjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali? Hemm xi uħud minn dawn il-miżuri li ġa huma nkorporati fil-liġijiet ta’ Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li t-transpożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali trid tkun lesta sal-25 ta’ Ottubru 2013. Il-Gvern diġa’ jimplimenta miżuri dwar il-kura ippjanata barra minn Malta li għaliha pazjent jeħtieġ awtoriżżazzjoni. Bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2010, il-gvern awtoriżża lil 306 pazjent biex imorru għal kura speċjalizzata fl-Ingilterra.
Servizzi tas-Saħħa — awtorizzazzjoni tal-gvern biex pazjent imur għal kura barra min Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi tas-saħħa li ma jeħtiġux li jkun awtorizzati mill-Gvern biex pazjent imur għal kura f’xi pajjiż barrani u wara jkun rimborsat mill-Gvern Malti għall-ispejjes li jkun għamel fuq is-servizzi li jkun rċieva? F’liema ċirkustanzi tingħata ir-refużjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-lista ta’ trattamenti mediċi u servizzi ta’ kura tas-saħħa li għalihom pazjent intitolat ma’ jkunx jeħtieġ awtoriżżazzjoni mill-gvern biex jiksibhom f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja qed tinġabar minn kull Stat Membru. Din il-proċedura ta’ rimbors u l-lista abbinata magħha tidħol fis-seħħ f’Ottubru tas-sena 2013. Skont id-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja, pazjent jista’ jingħata rifużjoni biss jekk it-trattament mediku in kwistjoni ikun wieħed li jinsab fil-pakkett ta’ kura nazzjonali fl-istat li hu kompetenti għalih fir-rigward ta’ kura tas-saħħa.
Bord tal-għażla — applikazzjonijiet biex persuni jieħdu ħsieb l-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26448 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'ġara mill-applikazzjonijiet li kienu ħarġu biex persuni jiġu magħżula biex jieħdu ħsieb l-anzjani? Twaqqaf il-Bord tal-Għażla? Meta se jsiru l-interviews?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li f’Novembru 2010 il-part-time social assistants li kienu diġa mpjegati mad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità fuq bażi part-time ġew impjegati fuq bażi full-time. Għalhekk permezz ta’ żieda fis-siegħat tax-xogħol setgħu jimtlew il-vakanzi li kien hemm f’dan il-grad. Għalissa m’hemmx ħsieb li jsiru l-interviews lil dawk l-applikanti li wieġbu għas-sejħa imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-ħmieġ li hemm fiż-żona li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba konsegwenzi ta' xi mard?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma ġew irreġistrati l-ebda lmenti dwar akkumulu ta’ ħmieġ fl-inħawi indikati, mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Ninfurmak li saret spezzjoni nhar is-17 ta’ Ġunju 2011 fil-madwar ta’ appartamenti tal-gvern (mhux Dipartiment) Block 3 Ent 3 Triq San Mikiel Bormla u l-garaxxijiet komuni ta’ taħt il-Blokk imsemmi, bl-entratura tagħhom fi Triq Santa Liena, fejn hemm is-
substation
.
Għalkemm ma nstab l-ebda akkumulu ta’ skart organiku iżda hemm materjal ieħor bħal kaxxi tal-kartun, ċraret, ġugarelli mkissrin, plastik u xi ftit materjal tal-bini. Peress li l-binja kollha tappartjeni l-gvern, għaldaqstant inħareġ avviż bil-miktub lill-Kummissarju ta’ l-Artijiet sabiex isir it-tindif meħtieġ.
L-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali ser jibqgħu jsegwu l-każ sakemm dan l-akkumulu jitneħħa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24804 u jgħid kemm hemm persuni fuq il-waiting list jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-kattarretti bħalissa? Kemm ilu/ilha tistenna l-ewwel persuna li ġiet reġistrata fuq din il-waiting list? X'passi konkreti ħa l-Ministeru tas-Saħħa biex inaqqas din il-waiting list? Jista' jinforma lil din il-Kamra jekk il-Gvern għamilx xi tentattivi biex jidħol fi ftehim ma' sptarijiet u/jew kliniċi privati bil-għan li jnaqqas din il-waiting list u jekk kien hemm, fil-fatt it-tali tentattivi, għaliex għadu ma sar l-ebda ftehim? Jekk sar ftehim, x'tip ta' ftehim kien u tista' titqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħal issa fuq il-waiting list jistennew biex jagħmlu operazzjoni tal-kattarretti hemm 4,752. Mill-informazzjoni li għandna, wara l-proċess taċ-ċentralizzazzjoni tad-data, jidher li l-aktar żmien li ilu jistenna pazjent huwa ta’ madwar tlett snin u nofs. Matul dawn l-aħħar xhur, bħal ma kien il-każ fil-bqija tal-ispeċjalizzazzjonijiet l-oħra, żdiedu wkoll l-operazzjonijiet fl-oftalmoloġija, tant li filwaqt li f’Lulju tal-2008 in-numru ta’ persuni fuq il-waiting list kien ta’ 5,544, bħal issa n-numru qiegħed 4,752, jiġifieri nuqqas ta’ 792 persuna minn fuq din il-lista.
Nikkonferma li l-Gvern għamel tentattiv biex jidħol fi ftehim mal-privat sabiex ikunu jistgħu isiru l-operazzjonijiet tal-kattarretti. Sa issa għadu ma ġiex konkluż ebda ftehim.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24799 u jgħid kemm hemm konsulenti f'kull wieħed minn dawn id-dipartimenti fl-Isptar Mater Dei:
a) mediċina;
b) kirurġija;
ċ) pedjatrija;
d) obstetrija;
e) ġinekoloġija; u
f) psikjatrija?
Kemm huwa n-numru average ta' pazjenti li kull wieħed minn dawn il-konsulenti jara fid-Dipartiment tal-Outpatients kull ġimgħa u kemm-il sodda għandu konsenjata lilu kull konsulent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-medja ta’ attendenzi fid-Dipartimenti tal-Outpatients matul l-ewwel tnax-il ġimgħa tal-2011 għal kull konsulent fid-dipartimenti msemmija hija kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Dipartiment
Numru ta’ Konsulenti
Medja ta’ Attendenzi fil-ġimgħa għal kull konsulent
Mediċina
27
46
Kirurġija
23*
59
Pedjatrija
9*
82
Obstetrija u Ġinekoloġija
12*
25
Psikjatrija
10
25
Il-Ħdud u l-festi ġew esklużi mit-total ta’ din l-istatistika. Ta’ min jinnota li l-istess persuna tista’ tattendi għal iktar minn klinika waħda fl-istess ġurnata, jew tattendi l-istess klinika għal iktar minn darba f’dan it-tul ta’ żmien.
*Fost dawn il-konsulenti, hemm minn jaħdem fi kliniċi li huma barra mill-Isptar Mater Dei, u għalhekk l- attendenzi fil-kliniċi tagħhom ma ġewx inklużi fil-Medja ta Attendenzi. L-istatistika tad-dipartiment tal-Obstetrija u Ġinekoloġija ma tinkludix il-viżti għal
ultrasounds
u
bone density scans
.
Fl- Isptar Mater Dei m’hemmx sodod assenjati lil xi konsulenti partikolari iżda juntużaw skont il-ħtieġa
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li għandha l-kartuna r-roża u allura hija intitolata għal servizz tal-oftalmologija b'xejn miċ-ċentri tas-saħħa bħal kull ċittadin ieħor u jekk tkun fil-bżonn anke n-nuċċali jsir b'xejn, jista' jispjega jekk din il-persuna għandhiex tħallas xi ħaġa għall-frame jew il-ħġieġ tan-nuċċali, jew jekk għandhiex tħallas ta' xi servizz, jew inkella jekk dan is-servizz jingħatax kollu b'xejn jiġifieri n-nuċċali, l-ħġieġ u l-vista li ssir f'xi berġa jew ċentru tas-saħħa? Hemm xi postijiet partikolari fejn dan is-servizz jista' jingħata anke minn ġo ħwienet li jbiegħu n-nuċċalijiet? Jista' l-Ministru jsemmi liema huma dawn il-ħwienet li jagħtu dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kull ċittadin Malti huwa intitolat għall-vista tal-għajnejn u riċetta għan-nuċċali b’xejn bħala parti mis-servizzi tas-saħħa li jipprovdi l-Gvern. Dawk il-klijenti li għandhom il-kartuna r-roża valida huma wkoll intotolati għall-lenti u frame mingħajr ħlas. Dan isir billi l-klijent jirċievi dettalji mid-Dipartiment tal-Procuerment dwar l-outlets privati tan-nuċċalijiet li jkunu ntgħażlu permezz ta’ tender.
Id-Dipartiment tal-
Procurement
bħalissa għandu kuntratt għal dan is-servizz mal-Cathedral Group Ltd. Il-kuntratt jistipula fost affarijiet oħra li l-klijent jingħata n-nuċċali komplut b’xejn. F’kaz li l-klijent jippreferi
frame
ta’ nuċċali mhux inkluż fl-għażla offruta fil-kuntratt, il-klijent jista’ jagħżel li jieħu l-
frame
li jixtieq hu u jkollu jħallas id-differenza tal-prezz kuntratttat bejn il-Gvern u l-kuntrattur u l-prezz tal-
frame
li jkun intagħżel.
Dan is-servizz jistgħa jingħata mit-13-il ħanut tal-Cathedral Group Ltd.
Jista' l-Ministru jgħid x’tip ta’ moniteraġġ jinżamm min-naħa tal-gvern dwar l-immigranti irregolari li jinstabu jsofru mit-TB, mill-HIV, mill-Hepatatis B u mill-Hepatitis C?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li meta persuna tinstab li għandha TB, isir assessjar jekk hijiex infettiva. Jekk din tkun infettiva tinżamm ġo kamra apposta fl-Isptar Mater Dei. Il-każijiet kollha ta TB jingħataw t-trattament li hemm bzonn. Fil-kaz ta-TB l-individwu jiġi sorveljat ta' kuljum biex jiġi zgurat li jkun qed jieħu b'mod regolari it-trattament meħtieġ. Persuni li jkunu f’kuntatt ma’ persuna infettiva jiġu iċċekjati u jingħataw trattament skont il-bżonn.
Każijiet ta Hiv, Hep B u Heb C jingħataw it-trattament li hemm bżonn u jingħataw informazzjoni dwar trasmissjoni ta dan il-mard biex ma jgħadduhiex lil ħaddiehor.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22688 u 22176 u ċioe: Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 20340 u jgħid jekk jikkonsidrax li wasal iż-żmien li tinbidel il-policy biex il-gvern ma jibqax jabbuża minn min hu l-iktar vulnerabbli u kulmin hu intitolat għal xi mediċina li tkun out of stock din għandha jew tinxtralu mill-gvern jew inkella jingħata l-flus li jkun nefaq, peress li għadda xahar u l-informazzjoni għadha ma ngħatatx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jabbużax minn min hu l-iktar vulnerabbli anzi kien, għadu, u se jibqa' jagħti servizz tas-saħħa b’xejn.
Nikkonferma li mhijiex
policy
tal-gvern li jirrifondi l-ispejjeż ta’ mediċini mixtrija privatament minn pazjenti. Il-gvern dejjem jibqa' kommess li jieħu l-passi meħtieġa biex meta jinqalgħu dawn is-sitwazzjonijiet ta’
out of stock
, jinstabu soluzzjonijiet mill-iktar fis-possibli.
Tant hu hekk li l-Gvern fi ħsiebu jibda jixtri l-mediċini b’sistemi ta’ xiri ġodda u moderni, dejjem skont il-provedimenti tal-Liġijiet ta’ Malta, u l-ewwel pass kien li jaħtar
chief executive officer
sabiex imexxi dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23847 u jgħid kif u fiex intnefqu l-€4 miljun ivvotati fil-budget tas-sena li għaddiet u li kienu maħsuba biex jindirizzaw il-waiting lists?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.