Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni dwar provvista ta' eletriċità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja li saru diversi rapporti dwar kif is-soċjetà Stivala Enterprises aktarx qiegħda taġixxi b'mod illegali fil-provvista ta' elettriċità għad-diversi negozji u appartamenti li hija tippossjedi, l-ebda azzjoni ma ttieħdet? Jista' jgħid x'qed iżomm milli tittieħed din l-azzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.

Ministeru tal-Finanzi — approvazzjoni tal-feed-in tariffs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni vera għaliex il-Ministeru tal-Finanzi għadu m’approvax il-feed-in tariffs fil-qasam tal-enerġija alternattiva? Huwa minnu li minkejja d-diversi talbiet formali li saru lill-gvern minn operaturi u investituri kemm attwali u prospettivi f’dan is settur, ir-raġuni hija waħda purament finanzjarja, billi feed-in tariff fiha nnifisha hija forma ta’ sussidju favur l-użu tal-enerġija alternattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali Nru 422 tal-2010.

tħaddim tal-ispecial purpose vehicle sabiex jiġu finanzjati proġetti kbar

Question

Jista’ l-Ministru jfisser fid-dettal kif se taħdem u titħaddem l-ispecial purpose vehicle li beħsiebu joħloq il-gvern sabiex jiffinanzja proġetti bħall-parlament il-gdid, it-teatru l-ġdid u xi progetti oħrajn, kif ukoll x’sehem se jkollhom il-banek kummerċjali f’dan kollu, kif ukoll possibbilment proġetti kbar eżistenti tal-privat li għad għandhom djun pendenti x’jagħtu lill-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-volum li l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex kapaċi jipproċessa f'sena? Jista’ jgħid meta ġie inawgurat dan l-impjant u x’inhu l-volum li pproċessa kull sena mill-2000 sal-2011?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 31327.

informazzjoni dwar l-income tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni u kumpaniji li ħallsu t-taxxa tad-dħul u kemm kien id-dħul mill-Income Tax minn Malta u minn Għawdex separatament kull sena mis-sena ta’ stima 2000 sas-sena ta’ stima 2011? Jista’ jagħti din l-informazzjoni (i) għall-kumpaniji u (ii) għall-persuni individwali? Jista’ jagħti t-tagħrif dwar il-persuni individwali skont il-ħames kategoriji segwenti: Persuni li għandhom numru taħt in-NACE; Persuni f’impieg jew kariga; Pensjonanti; Persuni f’sengħa, negozju, professjoni eċċ.; u Dħul ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar ġbir tat-taxxa tal-VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa tal-VAT minn Malta u minn Għawdex separatament kull sena mill-1999 ‘l hawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant illi jeżistu każijiet ta’ kumpaniji li jkunu reġistrati Malta u jagħmlu anke negozju ġewwa Għawdex, jew viċi versa. Dan ovvjament ma jkunx jista’ jiġi klassifikat għalih peress li d-dipartiment jieħu in kunsiderazzjoni l-indirizz li fih tkun reġistrata l-kumpanija.

Kont tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jara l-kaz ta' anzjan ta' 79 sena, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li rċieva kont tat-taxxa ta' €6,782 tas-sena 2010 fejn dan ma joħroġx mid-dar u huwa nieqes mid-dawl u qed iħoss li hemm xi żball? Jista' xi ħadd mill-impjegati tat-taxxa jikkuntatjaw lil dan is-sinjur biex jekk hemm xi żball jiġi rimedjat?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31044 u 30642 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — Nadur - Triq il-Qortin - sistema tad-drenaġġ

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Qortin fin-Nadur qed jilmentaw għax għadhom bil-fosos tad-drenaġġ u mhux ikkumnikati mas-sistema tad-drenaġġ u peress li fis-sena 2012 din hija sitwazzjoni inaċċettabbli, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan u jara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat minnufih?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sistema biex ir-residenti fi Triq il-Qortin fin-Nadur jiġu kkumnikati mas-sistema tad-drenaġġ hija fil-pjanijiet għall-ħidma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Sakemm isir ix-xogħol neċessarju, il-fosos ta’ din it-triq qed jitbattlu mill-korporazzjoni mingħajr ħlas.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31160, 30944 u 30624 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Użu tal-hazard waste tal-powerstation il-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31153 u 30945 u jgħid x'riċerka saret biex isir użu ta' hazard waste li jkun qed jirriżulta mill-power station il-ġdida? Jekk fl-affermattiv, min ikkummissjona din ir-riċerka u kemm swiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

kwestjoni dwar kuntratt tal-community care workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31311 u cioè:Peress li ġew iffirmati l-kuntratt tal-community care workers iżda minkejja dan dawn il-care workers għadhom ma bdewx jaħdmu u peress li jidher li l-proċess waqaf għaliex hemm xi kumplikazzjonijiet konnessi ma' finanzi u allura huwa repsonsabbli l-Ministeru tal-Finanzi, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid meta din il-problema se tiġi riżolta biex appuntu dawn il-care workers jibdew jaħdmu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — distillatur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31373 u jgħid jekk id-distillatur tal-Qala Għawdex huwiex proprjetà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jgħid b'liema titolu u meta għadda għand il-korporazzjoni? Jekk kemm-il darba din hija proprjetà tal-Korporazzjoni, jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet dwar l-użu ta' dan id-distillatur? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' użu hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art kienet ġiet esproprijata per mezz ta’ Dikjarazzjoni tal-Gvernatur Ġenerali tas-7 ta’ Lulju, 1969, pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 t’Awissu, 1969. L-akkwist kellu jsir b’xiri assolut, jiġifieri li l-art kellha ssir proprjetà assoluta tal-gvern. Peress li dan l-akkwist baqa’ ma sarx, il-korporazzjoni akkwistat l-art permezz tal-Artikolu 32 ta’ l-Att ta’ l-1991 dwar il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (XXIII/1991, illum Kap. 355).

MFSA — rendikont tas-salarji

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tas-salarji bħala skali fl-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji minn l-ogħla sal-anqas grad?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġet refunds s'issa l-Korporazzjoni Enemalta fuq kontijiet tad-dawl fi djar li għandhom pannelli fotovoltaiċi? Jista' jgħid kemm hemm refunds pendenti fuq l-enerġija ġġenerata minn dawn id-djar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Prospetti ta' xogħol għall-Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prospetti ta' xogħol hemm għall-Maltin ġewwa l-Libja issa li s-sitwazzjoni reġgħet ġejja għan-normal? Tista tgħid x'inhu r-rwol tal-Gvern sabiex dawn l-opportunitajiet ikunu possibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prospetti ta’ xogħol fil-Libja, bħal f’kull pajjiż ieħor, jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq l-inizjattiva personali. Ovvjament, il-Gvern Malti qed jaħdem biex jiffaċilità l-proċess billi jaħdem favur relazzjonijiet kummerċjali dejjem aħjar mal-Libja. Dan qed jagħmlu, fost oħrajn, permezz tal-Malta Enterprise, li se tkun qed torganizza delegazzjonijiet għall-industrijalisti Maltin.

Taxxi miġbura għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isir studju fl-Unjoni Ewropea biex ikun hemm iktar taxxi miġbura ħalli jmorru għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dhul miġbur mis-27 Stati Membri tal-UE jiffinanzja kemm l-ispiża tal-amministrazzjoni tal-UE kif ukoll l-ispiża taħt kategoriji, jew Headings, oħrajn. L-amministrazzjoni tal-UE taqa’ taħt Heading 5. Kategoriji oħra jinkludu: l-iżvilupp sostennibli (inkluż Cohesion Policy); tħaris u mmaniġjar ta’ riżorsi naturali; cittadinanza, ħelsien, sigurta u ġustizzja; l-UE bħala sieħeb dinji; u kompensazzjonijiet (compensations). Il-perjodu tal-budget tal-UE ser jagħlaq fis-sena 2013 u l-Kummissjoni qed tipproponi riforma fin-naħa tad-dħul fil-Budget Ewropew 2014-2020. L-ammont miġbur ser jiddependi esklusivament mill-infieq tal-EU Budget 2014-2020, li bħal issa qed jiġi diskuss u li fuqu għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil.

Taxxi għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isiru pjanijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibdew jinġabru taxxi biex imorru direttament għall-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk dawn it-taxxi humiex se jkunu addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti jew jekk humiex taxxi li diġà jeżistu u li se jingħataw forma oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Msida — Triq G. Mitrovich - tendering process

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal it-tendering process li kellu jinħareġ biex isiru xogħlijiet fi Triq G. Mitrovich, Msida minn Transport Malta kif ġie mwiegħed fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari preċedenti 30022?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol ser jiġi mgħoddi lill-kuntrattur Road Maintenance Services Ltd.

familji li qegħdin iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bl-installments

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li qegħdin iħallsu l-kontijiet tagħhom tad-dawl u l-ilma bl-installments, kemm b’kuntratt jew mingħajr kuntratt miftiehem mal-ARMS Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kontijiet domestiċi jew residenzjali li qed jitħallsu permezz ta’ installments huwa ta’ 1887. Mill-1 ta’ Jannar 2010, in-numru ta’ familji (jiġifieri kontijiet b’rata domestika jew residenzjali) li qed jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, permezz ta’ installments mingħajr kuntratt (jiġifieri dawk li jħallsu f’tlett pagamenti jew aktar) huwa ta 18,724 .