Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kwalifiki tal-counsellors u trainee counsellors

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi kwalifiki għandhom ikollhom il-counsellors u t-trainee counsellors biex jiġu reklutati fl-iskejjel tal-istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Individwu jista’ japplika għal pożizzjoni ta’ counsellors fl-iskejjel tal-istat jekk ikollu First Degree rikonoxxuta fl-Edukazzjoni jew fis-Social Work, jew Youth Work, jew fil-Psikoloġija, jew f’oqsma relatati u jkollu Post-Graduate Diploma jew Master’s Degree jew kwalifika ogħla fil-Counselling, jew kwalifika oħra rikonoxxuta xierqa komparabbli. Irid ukoll mhux anqas minn sentejn (2) kalendarji esperjenza, taħt superviżjoni, ta’ prattika fil-Counselling f’organiżżazzjoni rikonoxxuta, f’xogħol mat-tfal u adolexxenti. Individwu jista’ japplika għal pożizzjoni ta’ trainee counsellors fl-iskejjel tal-istat irid jkollu fil-pussess, jew għandu l-approvazzjoni għall-għoti, ta’ First Degree rikonoxxuta fl-Edukazzjoni jew fis- Social Work jew fil- Youth Work jew fil-Psikoloġija jew f’qasam ieħor relatat, jew kwalifika rikonoxxuta xierqa komparabbli.

Università — stipendji tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-sistema tal-istipendji għall-istudenti tal-Università hijiex se tibqa' fis-seħħ jew inkella hijiex se tinbidel? Jekk se tinbidel, kif se tiġi? Xi studji għandu l-gvern dwar dan il-fatt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-sistema ta’ kif l-Università ta’ Malta tirċievi l-fondi tagħha għandha tiġi riveduta tul din is-sena. Jista’ jkun li f’din ir-revizzjoni wieħed iħares lejn mudelli differenti u mhux eskluż li ma jkunx hemm ukoll reviżjoni ġdida ta’ kif l-istipendji preżenti jaslu għand l-istudenti. B’dan l-ebda mod ma jfisser li l-istudenti jieħdu anqas minn dak li qegħdin jieħdu llum fl-edukazzjoni terzjarja tagħhom. Għadu kmieni wisq biex tingħata tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet l-oħra.

Postijiet u units ta' akkomodazzjoni vojta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa kkalkulat li kien hawn postijiet u units ta' akkomodazzjoni vojta matul is-sena 2010? Tista' tgħid jekk hemmx studju li jgħid f'liema stat jinstabu dawn il-proprjetajiet vojta u jekk humiex abitabbli jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika ta’ kemm kien hawn postijiet ta’ akkomodazzjoni vojta matul is-sena 2010.

Postijiet vojta f'Malta u f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm postijiet vojta f'Malta u f'Għawdex fl-aħħar tas-sena 2010 u tgħid f'liema reġjuni jew distretti jinsabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika ta’ kemm hemm postijiet vojta f’Malta u Għawdex.

Units ta' housing li huma kundannabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm units ta' housing li huma kundannabbli u li (i) ma jistgħux jgħixu fihom nies u (ii) li għalkemm huma kundannabbli qed jgħixu n-nies fihom? Tista' tgħid f'liema distrett elettorali jinsabu dawn il-postijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika li turi kemm hawn housing units ikkundannati f’Malta.

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, — nies jirreġistraw taħt it-tielet parti

Question

Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni ta' kemm hemm gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol taħt it-tielet parti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, sabiex ikollna stampa sħiħa ta’ kemm hemm gradwati li qegħdin ifittxu xogħol aħjar? Dan fid-dawl ta’ diversi rapporti li ħafna gradwati qegħdin bħalissa jagħmlu xogħol ferm aktar inferjuri għall-kwalifiki tagħhom.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar ta’ Novembru 2010 kien hemm 167 persuna li huma gradwati li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol taħt it-tielet parti tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Qegħdin jaħdmu imma qed ifittxu xogħol differenti.

Housing Estates — stallar ta' solar water heaters

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern qattx ikkunsidra l-possibilità li jibda jistalla solar water heaters fil-housing estates tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar implementat żewġ proġetti pilota f”Birkirkara u Pembroke li fihom twaħħlu 90 solar water heater. Barra minn hekk hija l-prassi tal-Awtorità tad-Djar li tipprovdi pjanta li tindika l-pożizzjoni ideali għat-twaħħil ta’ solar water heater fil-binjiet il-ġodda tagħha.

Public Broadcasting Services — rwol ta' konsulenza

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tal-individwi kollha li kellhom rwol ta' konsulenza mal-Public Broadcasting Services f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'kien ir-rwol tagħhom? Kemm qala' kull wieħed minnhom? X'kien it-tul u t-termini ta' kull kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — self ta' flus

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tagħha kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

negozjati dwar il-White Rocks

Question

Tista’ l-Ministru, bħala l-Ministru responsabbli mill-isport, tgħid sa meta qed tipprevedi li jkunu konklużi n-negozjati dwar il-White Rocks? Tista’ tgħid min qed imexxi n-negozjati min-naħa tal-gvern? Tista’ tikkonferma li min qed imexxi n-negozjati qed jirrapporta lilha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Min qiegħed imexxi n-negozjati jirrapporta direttament lis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u l-Isport.

Tagħlim tal-mużika sal-livell ordinarju

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif wara li sar pilot project ġo Għawdex dwar it-tagħlim tal-mużika sal-livel ordinarju (O'level) dan is-suġġett issa mhux qed jingħata bħala option lill-istudenti fil-livell ta' Form 1 u Form 3 fl-iskejjel sekondarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 23150 tas-Seduta 308.

Kulleġġ t'Għawdex — Music Option Project

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'saret mill-wegħda li d-deċiżjoni dwar il-futur tal-Music Option Project fil-Kulleġġ t'Għawdex kellha ttieħed wara sentejn mill-implimentazzjoni tiegħu u wara li jiġi preżentat dokument b'riflessjoni serja dwar kif mar il-proġett? Għaliex deċiżjoni bħal din ittieħdet fuq il-bażi ta' xi telefonati li saru minn xi skejjel li ma riedux dan il-proġett li żgur jgħin biex jiżviluppa aħjar il-kwalitajiet u l-personalitajiet tal-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 23150 tas-Seduta 308.

Tneħħija tal-Music Option Project

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-option, intalbitx l-fehma tal-Prinċipal tal-Kulleġġ ta' Għawdex dwar il-Music Option College u tal-kapijiet tal-iskejjel fl-istess kulleġġ speċjalment tal-Kap li nefqet €3500 mill-fondi tal-Kulleġġ biex tixtri pjanu ġdid għall-użu ta' dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Proġett Pilota fit-tagħlim tal-Mużika f’Għawdex għadu għaddej u kif jidher min Memo HRD 3/2011 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm ippjanat li dan il-proġett se jitkompla fis-sena skolastika li ġejja. Fl-istess ħin il-proġett qed jiġi evalwat biex naraw kif jista’ jidħol f’kulleġġi oħra.

Diviżjoni tal-Proprjetà — kuntratti u ftehim

Question

Tista' l-Ministru tgħid (apparti dawk ir-residenti li l-Gvern kien daħal fi ftehim magħhom fl-1999 u li s'issa dan il-ftehim għadu ma ġiex konkluż min-naħa tal-gvern) min huma dawk l-entitajiet, sew jekk huma governattivi kif ukoll mhux governattivi, li d-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern daħlet jew se tidħol f'kuntratt magħhom dwar kiri ta' postijiet pubbliċi tal-gvern li hemm f'Tignè Point, Sliema? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamta kopja dettaljata tal-kuntratti li saru s'issa mal-entitajiet rispettivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Minstru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Vouchers tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22084, tista' l-Ministru terġa' tinvestiga l-kaz peress li dawn is-sinjuri kkonfermaw miegħi li ma rċevew xejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna oħra f’isimha biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.

Talba għal Social Housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-familja b'ġenitur wieħed, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, minkejja li ilha seba' snin li applikat għal social housing, u minkejja ukoll li għandha problemi ta' saħħa mentali u mediċi, qatt ma ngħatat opportunità ta' housing xieraq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar talbet lill-applikanta biex tikkunsidra lokalitajiet oħra peress li fil-lokalità preferuta tagħha mhemmx postijiet vakanti.

Courses fl-Università bi ħlas

Question

Tista' l-Ministru tagħmel il-pożizzjoni uffiċjali tagħha u tgħid jekk taqbilx ma' dak li qed jintqal minn xi uħud jiġifieri li l-courses u l-istudji li jwasslu għal degrees mill-Università ta' Malta jibdew jintalbu l-ħlas għalihom u allura tinbidel is-sistema kif qiegħda issa, fejn l-istudenti jingħataw ftit għajnuna finanzjarja waqt li jkunu qed jagħmlu l-istudji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-edukazzjoni terzjarja fl-Università ta’ Malta se tibqa’ miftuħa u aċċessibli għall-istudenti Maltin u Għawdxin irrespettivament mill-mezzi finanzjarji tagħhom. Kull proposta ta’ bdil amministrattiv fis-sistema preżenti m’għandiex twassal lill-istudenti biex iħallsu huma għall-edukazzjoni terzjarja li bħalissa qed tingħata b’xejn.

Universitajiet li jirrikonoxxu d-degrees u l-courses tal-Università ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema courses u degrees u ta' liema universitajiet jiġu rikonoxxuti mis-sistema edukattiva Maltija? Liema universitajiet fid-dinja jirrikonoxxu d-degrees u l-courses tal-Università tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università ta’ Malta tirrikonoxxi l-gradi mogħtija minn kull università fid-dinja li tkun rikonoxxuta fil-pajjiż fejn tinstab. Jekk xi ħadd japplika biex jibda kors postgraduate fl-Univeristà ta’ Malta, l-Università tqabbel il-kors barrani ma’ dak li jsir fl-Università ta’ Malta biex tiddetermina l-eliġibilità għad-dħul. Il-gradi mogħtija mill-Università ta’ Malta huma rikonoxxuti mad-dinja kollha. L-Università ma tafx bl-ebda università li ma taċċettax il-gradi mogħtija minnha.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm minnhom intlaqgħu, minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skrivani mal-Cottonera Sports Complex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġu impjegati skrivani mal-Cottonera Sports Complex u mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Kemm applikaw? Kemm għaddew mill-interview? Meta se jiġu impjegati? X'kienu l-kriterji tal-għażla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma kienx hemm sejħa għall-ingaġġ ta’ skrivani mal-Cottonera Sports Complex iżda jekk l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal sejħa għall-ingaġġ mal-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), din kienet għal ingaġġ ta’ post wieħed klerikali. B’kollox kien hemm 148-il kandidat li ntbagħtu mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ għal dan il-post. Il-kriterji tal-għażla kienu dipendenti fuq il-kwalifiċi, b’minimu ta’ 6 O’Levels filwaqt li ingħatat konsiderazzjoni lilll-esperjenzi u ħiliet oħra tal-applikanti. Il-proċess tal-għażla għadu mhux konkluż.