Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra minn min qed jiġi mfassal il-kurrikulum fl-Akkademja tal-Pulizija, fl-in service training li qed jingħataw il-Membri tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-in-service training li jingħataw il-membri tal-Korp tal-Pulizija jkun imfassal mill-Amministrazzjoni tal-Korp, flimkien mal-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija u finalment jiġi approvat mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-pulizija s-sena li għaddiet u din is-sena s’issa? X’kienet u x’inhu maħsub li kien il-valur tagħha fis-suq llum? X’isir mid-droga li taqbad il-pulizija? Jekk tiġi distrutta kif u fejn? Ikun hemm sorveljanza minn uffiċjali tal-Korp meta jsir dan il-proċess? Xi proċeduri ttieħdu fil-konfront tal-persuni li fuqhom jew fil-proprjetà tagħhom inqabdet din id-droga?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-ewwel u t-tieni mistoqsija. Ninsab infurmat illi d-distruzzjoni tad-droga ssir skont l-ordni tal-Qorti. Infurmat ukoll illi meta tinstab droga fuq persuna jew fi proprjetà jsir stħarriġ mill-Pulizija sabiex jiġi stabbilit min huwa responsabbli. Matul l-istaħarriġ jinġabru il-provi sabiex il-persuna jew il-persuni li kontrihom ikun hemm il-provi biżżejjed, jitressqu quddiem il-Qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid mindu bdew jiġu applikati s-sentenzi ta’ xogħol fil-komunità, kemm-il sentenzi f’dan ir-rigward ingħataw s’issa mill-Qrati? Kemm-il persuna kienet ikkundannat xogħol fil-komunità u x’kien l-ammont ta’ sigħat li dawn ġew ordnati jaħdmu fil-komunità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn meta ddaħlet din is-sistema ingħataw 40 ordni ta' xogħol fil-komunità. Infurmat ukoll illi kien hemm 36 persuna ikkundannata biex tagħmel dan ix-xogħol u inħarġu total ta' 4,410 siegħa ta' xogħol fil-komunità.
B'referenza għaż-żona fi Triq id-Dejma, il-Fgura bejn il-fabbrika Swan u l-fabbrika tal-mediċina, eżatt fejn it-torri ta' quddiem iż-żona tax-Xemx u l-Qamar, jista' l-Ministru jgħid x'qed jistennew l-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata biex:
a) jieqfu jinstaqu l-
mini motors
li qed jagħmlu storbju kbir li qed ikun ta' inkonvenjent għar-residenti fl-istess ħin li jipprovdi sit alternattiv fejn dawn il-
mini-motorists
ikunu jistgħu jgawdu d-delizzju tagħhom f'post li ma jkunx ta' ħsara għar-residenti?
b) iwaqqaf lit-trakkijiet milli jarmu l-iskart b'mod illegali, saħansitra fil-11.00 am jew fl-12.00 am tant li f'din iż-żona twieldet miżbla illegali u bla permess?
ċ) jeqred il-problema akuta ta' abbuż ta' drogi f'din iż-żona?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija, ma jirriżultax li qed ikun hemm sewqan ta’ dawn il-muturi fit-toroq fl-inħawi imsemmija. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fl-istess inħawi għall kull abbuż li jista' jkun qed isir.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — impjegati bit-teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' impjegati bit-teleworking f'kull dipartiment u uffiċċju separatament, li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'faċilitajiet ingħataw lill-ħaddiema biex ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol minn ġo djarhom u jgħid ukoll x'software jew sistema qed titħaddem minn dawn il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej:-
Entita'
Numru ta' Haddiema bit-teleworking
Sistema li qed tithaddem
Facilita li jinghataw
Ministeru/Dipartiment
2
Standard Office Automation Software
Internet-email-VPN-pen-drives
Civil Protection
2
Compjuter personali
CCF
2
Compjuter personali
Email only
Law Courts
7
Software ezistenti
Jigu pprovduti wkoll bil-karti, pen-drives u cartridges
AWAS
2
Compjuter personali
Jaf il-Ministru li hemm diversi persuni fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li filwaqt li qed jaħdmu bil-ġurnata, qegħdin b'abbuż jitħallsu daqs li kieku qed jaħdmu bix-shift meta fil-fatt dan mhux il-każ? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn il-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili l-uffiċjali kollha jitħallsu skont il-grad u s-salarju abbinat miegħu.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġewwa Għawdex — Vetturi tat-tifi tan-nar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri stazzjonati ġewwa Għawdex fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Kemm-il vettura tat-tifi tan-nar tinsab ġewwa Għawdex? Fl-eventwalità ta' ħruq ta' bini għoli f'Għawdex, x'apparat u vetturi jinsabu diżposti għal dan l-iskop f'Għawdex stess?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 28 membru tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f'Għawdex. Infurmat ukoll li hemm 6 vetturi tat-tifi tan-nar kif ukoll Tower Ladderli jitla' għoli ta' 28 metru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm pulizija ġew trasferiti lejn Għawdex mill-1 ta' Jannar 2008 sat-8 ta' Marzu 2008? Kemm pulizija ġew trasferiti lejn Għawdex mit-8 ta' Marzu 2008 sat-30 ta' Settembru 2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn 1 ta’ Jannar 2008 sat-8 ta’ Marzu 2008, ġew trasferiti 11-il membru tal-Korp sabiex jagħmlu xogħol Għawdex. Infurmat ukoll illi dan kien sar wara li, kif ġeneralment isir wara kull reklutaġġ, 54 rekluta kienu temmew il-kors ta’ taħriġ u ħadu l-ġurament nhar it-12 ta’ Frar 2008.
Infurmat ukoll illi mit-8 ta’ Marzu 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 kien ġie trasferit membru wieħed tal-Korp għal Għawdex . Ta’ min iżid illi dawn kollha saru fuq talba tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru l-ħlasijiet dovuti lill-Pulizija skond il-ftehim milħuq magħhom fl-1993? Jidhirlu li din il-kwestjoni kellha titwal tant li spiċċajna biex kważi 1,500 pulizija kellhom jispiċċaw iressqu protest ġudizzjarji fil-Qorti sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif semma tajjeb l-Onorevoli Interpellant dwar dan il-każ, issa hemm pendenti protest ġudizzjarju, u għaldaqstant naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li ma jkunx opportun li wieħed jikkummenta dwar dan is-suġġett. Jista' jiżdied li, fi kwalunkwe każ, kien ikun prematur li wieħed jieħu pożizzjoni qabel ma jiġi eżaminat akkuratament il-pretenzjonijiet individwali li jistgħu jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm pulizija jinsabu stazzjonati fiċ-Central Delivery Unit tal-pulizija, biex jitqassmu r-riferiti tal-Qorti u xogħol ieħor konness? Kemm-il motorino hemm assenjat għal dan ix-xogħol u kemm minn dawn fil-fatt għaddew mit-testijiet tal-VRT? Kemm mill-membri stazzjonati f'din il-unit jagħmlu x-xogħol klerikali fiha?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fit-taqsima tas-Central Delivery Office tal-Korp tal-Pulizija, hemm stazzjonati 16-il membru tal-Korp, li minnhom 2 jagħmlu xogħol klerikali konness mal-istess taqsima. Din it-Taqsima għandha għad-dispozizzjoni tagħha 15-il motorino, li 10 minnhom huma ġodda fjamanti u li bdew jintużaw minn din it-Tasima fid-29 ta’ Settembru 2009, filwaqt li l-oħrajn huma f’kondizzjoni tajba. Infurmat ukoll illi l-muturi kollha m’humiex meħtieġa li jsirilhom il-VRT.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — test tal-VRT fuq il-vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx jew le test tal-VRT fuq il-vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jekk fil-fatt isir dan it-test tal-VRT, jista' jgħid kull kemm żmien isir dan it-test?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tiġdid tal-liċenzji ma jsirx jekk ma jkunx hemm ċertifikat tal-VRT, għaldaqstant it-testijiet tal-VRT isiru skont kif tidderġi l-Awtorità dwar it-Trasport.
Jista' l-Ministru jara li l-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta tieħu l-passi neċessarji kollha minħabba li l-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jinsab f'kundizzjoni strutturalment perikoluża esternament. Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fl-interess taċ-ċittadini li jkunu għaddejjin minn dik it-triq?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret mill-perit tal-Gvern, ma jirriżultax li l-fond imsemmi mill-Onoervoli Interpellant jinsab fi stat perikoluż.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir eżami għal spetturi fil-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid ukoll jekk dan hux se jkun miftuħ għal dawk li mhumiex membri fil-Korp? Meta sar l-aħħar eżami? Kemm qagħdu għalih dawk li diġà kienu pulizija, kemm kien hemm minn barra u kemm għaddew f’kull każ? Kemm hemm vakanzi f’dan ir-rank bħalissa? Kemm-il spettur hemm li qed iservi bħalissa u li diġà ghalaq il-25 sena servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddej il-proċess għal ħruġ ta’ sejħa għall-applikazzjonijiiet sabiex jimtlew is-27 il-post fir-rank ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija. Huwa maħsub li dawn ikunu miftuħa kemm għal dawk li huma membri fil-Korp, kif ukoll għal dawk li m’humiex.
Infurmat ukoll illi l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Spettur fil-Korp tal-Pulizija kienet ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ Marzu 2007. Għal din is-sejħa kien hemm 63 applikant, li minnhom 38 kienu diġà qed iservu fil-Korp, filwaqt li 25 kienu minn barra. Minn dawn, kien hemm 23 membru tal-Korp u 4 kandidati minn barra li temmew il-kors u ġew appuntati Spetturi tal-Pulizija bi prova għal sentejn.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 7 Spetturi li għalqu l-25 sena servizz, li minnhom 5 diġà bdew jew se jibdew il-
pre retirement leave.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm armi li llum huma reġistrati mill-pulizija? Kemm minn dawn huma meqjusa bħala ornamentali? Kemm hemm persuni mill-pubbliku li mhumiex membri tal-forzi tal-ordni li għandhom permess li jġorru l-armi? Kemm minn dawn huma reġistrati għall-kaċċa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-informazzjoni kontenuta fid-domanda10111, ninsab informat li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — klieb tat-tfittxija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandux klieb tat-tfittxija? Jekk għandu klieb tat-tfittxija, kemm għandu klieb imħarrġa għal dan ix-xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħallissa t-taqsima tal-Klieb tal-Protezzjoni Ċivili għandha sitt iklieb. Infurmat ukoll li qed isir ristrutturar u immodernizzar ta’ din l-iskwadra anke permezz ta’ voluntiera u li qed isir tibdil fil-breed tal-klieb eżistenti kif ukoll ser jingħata bidu għal taħriġ ta' ħaddiema u voluntiera f’din is-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-akkademja l-ġdida ġewwa Ta' Kandja, imwiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonlista għall-elezzjoni tas-sena 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għal bidu ta’ din is-sena kienu ġew ippreżentati l-pjanti u dokumenti meħtieġa u fil-preżent l-applikazzjoni għal bini ta’ l-Akkademja tal-Pulizija ġewwa Ta’ Kandja qedha tkun proċessata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri impjegati mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? F'liema grad huma maqsuma dawn il-membri u kemm hemm membri f'kull grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — informazzjoni fuq inmates
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inmates fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fit-30 ta' Settembru 2009? X'nazzjonalità kienu dawn l-inmates? Kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena? Kemm minnhom kienu ta' 'l fuq minn 60 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-30 ta' Settembru 2009 kien hemm 499 priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Aċċessibilità fl-għases għal persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir f'dawk l-għases li ma joffrux aċċessibilità għal persuni bi bżonnijiet speċjali, sabiex dawn isiru aċċessibbli? Jaf illi fil-fatt jeżistu diversi għases minn dawn fosthom dawk ta' San Ġiljan, Msida, Rabat, Qawra, Rabat (Għawdex) u oħrajn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fix-xogħol li qiegħed isir fl-Għasses tal-Pulizija, hemm maħsub ukoll illi jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex dawn ikun aċċessibli minn kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-pulizija li sat-30 ta' Settembru 2009 kienet inħarġitilhom liċenzja li jistgħu jżommu fuqhom arma tas-servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-30 ta’ Settembru 2009 kien hemm 1,631 membru tal-Korp tal-Pulizija kwalifikat li jġorr arma tan-nar tas-servizz.