Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Xiri ta’ karozzi ġodda - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24394 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Telecare — Qtugħ ta’ dawl

Question

Peress li fil-każ ta’ min għandu s-sistema tat-telefon bil-fibre optic, it-telefon ma jaħdimx meta jinqata’ d-dawl, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir sabiex it-Telecare għall-anzjani jibqa’ jaħdem meta jinqata’ d-dawl?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, illi mil-1 ta’ Ottubru 2024, is-servizz tat-telecare ġie estiż sabiex issa qed jinkludi l-fornituri kollha tat-telefonija. Għalhekk hija prerogattiva tal-anzjan li jagħmel użu mis-servizz tat-telecare, sabiex jagħżel il-fornitur tat-telefonija li jista’ jaqdih bl-aħjar mod possibbli.

Il-Mosta — Dar tal-anzjani - Xogħlijiet ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikunu qegħdin jitlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħmel dan ix-xogħol u jagħti wkoll rendikont tal-flus kollha li ntefqu s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ tisbieħ fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta qed isiru mit-tim tal-proġetti tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, filwaqt li x-xogħol fuq l-appoġġi, il-btieħi interni u s-sistema tal-CCTV saru mill-kuntratturi. Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentament għadu għaddej ix-xogħol fuq il-pjanijiet finali. Għalhekk huwa kkalkulat li x-xogħlijiet jitlestew fi żmien sentejn. Sa issa, infurmat illi x-xogħlijiet swew total ta’ €31,210.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Proġetti u xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti u xogħlijiet għaddejjin bħalissa fil-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll min qed iwettaq dawn il-proġetti u xogħlijiet u meta ser ikunu qegħdin jiġu ffinalizzati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Berġa ta’ Ħ’Attard — Nutritionist

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm nutritionist fil-Berġa ta’ Ħ’Attard?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-servizz ta' Nutritionist fil-Klinika tal-Komunità ta' H'Attard huwa ppjanat li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Dan se jibda jkun offrut darba fi ħmistax, nhar ta’ Tnejn.

Berġa ta’ Ħ’Attard — Infermiera u tabib

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-infermiera u t-tabib ikunu aktar spissi fil-Berġa ta’ Ħ’Attard? Jista’ jgħid ukoll sal-lum kemm jattendu kull ġimgħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab informat li hemm proċess għaddej biex jiżdiedu ir-riżorsi ta’ tobba u nfermieri ġewwa ċ-ċentri maġġuri tas-saħħa fil-Kura Primarja. B’hekk il-pazjenti li għandhom bżonn kura mmedjata jinqdew aktar malajr u l-oħrajn jingħataw kura b’appuntament fil-bereġ tal-komunità.

Ksur fis-sieq — Air cast boots b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk air cast boots jingħatax b’xejn meta persuna tkun sofriet minn ksur f’sieqha (lower limbs)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-air cast boots jingħataw b’xejn lill-pazjenti Maltin u dawk li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea wara li ssir rakkomandazzjoni mill-konsulent.

Sptar Mater Dei — Estensjoni tal-emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ il-proġett il-ġdid tal-estensjoni tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xahar l-ieħor ħareġ it-tender relatat mal-espansjoni u żvilupp tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei. It-tender jagħlaq lejn l-aħħar ta’ Marzu.

Sptar Mater Dei – Ingaġġ ta’ staff ġdid fl-Emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie ingaġġat staff ġdid (infermiera u tobba) fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-sena 2024 u kemm irriżenjaw jew ġew trasferiti mill-impjieg tagħhom mis-settur tal-Emerġenza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptarijiet jew ċentri tas-saħħa — Każijiet ta’ nuqqas/negliġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi rikjesti/kawżi fl-2024 li talbu għal kumpens minħabba każijiet ta’ nuqqas/negliġenza ta’ xi sptar jew ċentri tas-saħħa li tagħhom hu responsabbli l-Ministeru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hi fl-affermattiv.

SAMOC — Scanner ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isiru MRIs kuljum fuq l-iscanner il-ġdid fis-SAMOC, u kemm hemm bżonn ta' radiographers biex joperaw scanner bħal dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-MR Linac f'SAMOC jintuża speċifikament biex jagħti terapija bir-radjazzjoni għat-trattament tal-kanċer, mhux biex jittieħdu MRIs. Tliet radjografi huma mħarrġa kompletament biex joperaw l-MR Linac, b’radjografi addizzjonali bħalissa għaddejjin minn taħriġ biex niżguraw li nkopru d-domanda għas-servizz. Il-protokolli ta' trattament ivarjaw skont it-tip tal-kanċer, b'medja ta' sitt trattamenti mwettqa kuljum.

Operating Theatres — Manager

Question

Fid-dawl li l-post ta' manager tal-operating theatres ġie vakat, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu bħalissa u jekk hemmx pjanijiet għal sejħa regolari għal dan il-post?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

pNirreferi lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25155.

San Vinċenz de Paul — Thickening powder

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock it-thickening powder li jitħallat mal-ikel għall-anzjani fil-Faċilità San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid ukoll meta ser ikun disponibbli u x'qed isir fil-frattemp sakemm dan jerġa' jibda jingħata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ma kellniex thickening powder out of stock. Kull sala għandha tickener powder disponibbli għar-residenti.