Legislature:
Category:
Reset
Active:

basktijiet tal-plastik — dħul mit-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern minn Jannar sat-28 ta' Novembru 2010 minn fuq it-taxxa li daħħal fuq il-basktijiet tal-plastik fis-sena 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dħul mit-taxxi hija responsabilta tal-Ministru tal-finanzi u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

basktijiet tal-plastik — ġbir ta' taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-użu tal-flus li ġabar mit-taxxa li daħħal minn fuq il-basktijiet tal-plastik fis-sena 2010 u kemm huwa proġettat li jiġbor taxxa minn dawn il-basktijiet fis-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 21990.

Ħamrija fid-daħla ta' Buġibba

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-ħamrija li hemm fid-daħla ta' Buġibba, fejn hemm il-lights, fil-fatt tiġi mnaddfa kif suppost billi twaddab ammont ta' ġebel ġo fiha u ilu hemm numru ta' ġimgħat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħol ta’ tindif li ppropona l-Onor. Interpellant diġà sar.

Xemxija — Siġar taż-żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-siġar taż-żebbuġ li hemm fix-Xemxija,bħala parti mill-masġar, fil-fatt jinżabru u taħthom jitnaddaf, ukoll jekk jirriżulta li din l-area tinsab mogħtija lill-Birdlife? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura jagħmlux spezzjonijiet partikolari fuq dan il-masġar, biex jiġi assigurat li jkun miżmum nadif?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li din l-area ma taqax taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi madankollu s-suġġeriment tal-Onor Interpellant qiegħed jiġi nnutat u d-dipartiment kkonċernat se jiġi mgħarraf.

rampa għall-aċċess ta' persuni b'diżabilità — użu għall-annimali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20151, jista' l-Ministru jgħid kif rampa ppjanata għall-aċċess ta' persuni b'diżabilità qed tintuża biex jiddaħħlu annimali fl-isptar? Ma jidhirlux li t-tip ta' madum u materjal fil-bini taċ-ċentru qatt ma kien qiegħed jikkonsidra żwiemel? Jista' jikkonferma illi l-aċċess minn wara għaċ-ċentru kien ippjanat biex joħroġ iż-żibel u annimali li tkun saritilhom xi awtopsja wara li jkunu mietu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant l-kmamar fejn ikunu kkurati l-annimali ma kienux maħsuba biex jilqgħu fihom żwiemel, peress li dan iċ-Ċentru kien maħsub primarjament biex jilqa fih annimali domestiċi. Dan ma jfissirx li ma tistax tingħata kura fuq żwiemel fl-ispazju li hemm riżervat għaż-żwiemel, fuq in-naħa ta’ wara taċ-Ċentru. Jien infurmat li żwiemel ta’ daqs żgħir jistgħu jiddaħħlu wkoll fiċ-Ċentru mir-rampa li hemm fuq quddiem tal-binja u li hi magħmula minn madum apposta non-slip. Din ir-rampa minn dejjem kienet maħsuba biex toffri aċċess universali.

Klieb u qtates għall-addozzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20153, jista' l-Ministru jispjega fejn se jinżammu l-klieb u l-qtates li jitpoġġew għall-addozzjoni sakemm dan iseħħ? X'isir minn dawn l-annimali u fejn se jinżammu jekk l-addozzjoni ma sseħħx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Iċ-Ċentru ta’ San Franġisk qatt ma kien maħsub biex jilqa fih l-annimali għall-addozzjoni.

Centru għall-Annimali San Franġisk — veterinarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-veterinarji kollha li servew kemm ilu miftuħ ċ-Ċentru għall-Annimali San Franġisk u jekk humiex liċenzjati mad-dipartimenti koncernati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-veterinarji li servew kemm ilu miftuħ ċ-Ċentru San Franġisk huma; Dr. Trevor Zammit, Dr. Ilanit Caruana Brandon u Dr. Delphine Ural. Dawn kollha huma liċenzjati skond il-liġi.

Birgu — Triq San Lawrenz - isem tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li minħabba problema ta' awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu it-triq bl-isem Triq San Lawrenz, Birgu ma tistax titkompla ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li dan hu proġett ta’ Transport Malta li qabbdu lid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex iqiegħdu il-materjal. Sar qbil bejn iż-żewġ entitajiet tal-materjal li se jintuża u bħalissa għaddej il-proċess tax-xiri tal-materjal minn Transport Malta.

spieri li kienu jintużaw minn missier il-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri dwar dawk l-ispieri li kienu jintużaw minn missier il-bdiewa li qed jużawhom illum u li dawn ilhom jużawhom is-snin u issa f'daqqa waħda qed jgħidulhom li jridu jirreġistraw bħala bdiewa ġodda li qed jużaw dawn l-ispieri meta fil-fatt ilhom is-snin jużawhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat f’każijiet fejn l-ispejjer kienu rreġistrati fuq utent wieħed filwaqt li kienu qed jintużaw min-numru ta’ bdiewa, hemm il-ħtieġa li kull utent irid ikun irreġistrat fuq l-ispiera sabiex ikollna informazzjoni ċara u b’hekk eventwalment tkun tista tinħadem l-allokazzjoni tal-ilma għal-agrikoltura.

Pwales — tindif ta' kanal qalb l-għelieqi

Question

Jista' l-Minsitru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jitnaddaf il-kanal li hemm qalb l-għelieqi fil-Pwales għax peress li ilu ma jitnaddaf l-ilma qed jibqa' fl-għelieqi u kien hemm min tilef il-prodotti kollha li kellu għax wara x-xita qawwija li għamlet żamm l-ilma fir-raba' minflok baqa' għaddej?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat s-sit li qed jagħmel riferenza għalih l-Onor Interpellant ġa tnaddaf u huwa proġettat li jerġa' jsir fil-jiem li ġejjien għalkemm mhux fir-responsabiltà tal-Gvern Ċentrali.

Wied Għomor — tindif regolari

Question

Billi minkejja li ftit ilu kien sar tindif ta' Wied il-Għomor faċċata ta’ Ugo Carbonaro Str., San Ġwann, xorta waħda għad hemm ħafna tankijiet taż-żejt msaddin flimkien ma' skart ieħor goff, jista' l-Ministru jara li ssir tindifa oħra mill-ġdid, u idejalment fuq bażi regolari, għalkemm napprezza li dan jiddependi ukoll fuq il-koperazzjoni tal-pubbliku in ġenerali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li t-tneħħija ta’ tankijiet minn żoni rurali hija kontrollata taħt Avviż Legali 169 ta 2004 li tagħha hija responsabli l-MEPA. Id-dipartiment tal-Parks, Afforestazzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizjattivi jneħħi tankijiet u affarijiet oħra simili mill-kampanja fuq avviż li tkun ħarget l-MEPA.

Technical officer — xogħol amministrativ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk tistax tiġi indirizzata d-diffikultà li sabu rwieħhom fiha erba' technical officers ta' diretturi li jridu jagħmlu x-xogħol amministrattiv tagħhom minn ġo kamra żgħira ta' 18-il pied b'12-il pied, mingħajr ventilazzjoni u mingħajr faċilitajiet ta' kommunikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li dan kien biss arranġament temporanju ta’ ftit ġimgħat u s-sitwazzjoni diġà ġiet indirizzata.

Trasferiment ta' dgħajsa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21406, jista' l-Minsitru jgħid minn liema leġislazzjoni tirriżulta r-risposta mogħtija għal din id-doamdna, ċioe liema hi l-leġislazzjoni li tistipula trasferiment ta' dgħajsa li nbiegħet lill-persuna li hija miżżewġa lill-bint is-sid ta' dgħajsa, li effettivament biegħ d-dgħajsa li fuqha saret il-mistoqsija 21406?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil--Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21406 toħroġ minn Arikolu 8(c), Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd, Legislazzjoni Sussidjarja 425.07.

Impjant ta’ Sant'Antnin — tunnellati ta' skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a) Jekk l-Impjant ta’ Sant'Antnin li skont il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar illum huwa għal 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena, huwiex kapaċi jieħu aktar tunnellati minn hekk, jekk tkun tinħass il-ħtieġa? b) Kemm hu t-total ta’ tunnellati li l-istess impjant kapaċi jitratta fis-sena? c) Jekk il-figura ta’ 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena hijiex biss il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jekk dan il-permess hux għal tul il-ħajja tal-impjant jew iridx jiġġedded kull sena? d) Jekk il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal 71,000 tunnellata fis-sena jirriflettix ukoll fl-applikazzjoni għall-istess impjant?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-ammont ta 71,000 tunellata ta’ skart huwa l-massimu li jista jiġi digested u l-impjant mhux attrezzat biex jaqbeż dan l-ammont. Din il-figura hija stabbilita fil-permess tal-iżvilupp maħruġ mill-MEPA li ma jiġġeddidx kull sena kif ukoll fl-Environmental permits maħruġin mill-MEPA ukoll u li jiġġeddu kull sena. L-applikazzjoni oriġinali kienet għall-ewwel fażi li kellha tkun ta’ kapaċita ta’ 71,000 tunellata, madankollu l-Gvern iddeċieda li l-massimu tal-faċilita kollha għandha tkun ta’ 71,000 tunellata. Dan il-limitu ġie ukoll stabbilit fil-permess maħruġ mill-MEPA.

Dipartiment tal-Għammieri — grad ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fi ħdan id-Direttorat tal-Għammieri? Jista' jgħid jekk dan il-grad hux intitolat għal xufier a spiża tad-Dipartiment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-grad tal-persuna kkonċernata huwa ta’ Uffiċjal Amministrattiv u m'għandhiex is-servizz ta’ xufier. Din il-persuna, flimkien ma’ xi persuni oħrajn, jagħmlu użu minn servizz ta’ trasport li hu offrut bi ħlas lil min isib diffikultà biex jasal għall-post tax-xogħol.

Ministeru għall-Iżvilupp Rurali — persuna li tokkupa l-grad ta' scale 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jokkupa l-grad ta' scale 5 mal-Gvern u li għandu l-impjieg tiegħu mal-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali, x'ħin jaqdi d-dmirijiet tiegħu fi ħdan l-istess Ministeru meta dan kuljum ikun xogħol bit-taxi personali kif jidher fuq il-biljett tan-negozju tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant mhix fi skala 5 iżda b'kuntratt definit u taħdem ħinijiet flessibli. Tajjeb li l-Onor. Interpellant jkun jaf li hi l-prassi fil-qasam tax- chauffer driven vehicles li vettura liċenzjata ma titħaddemx biss mis-sid iżda anke minn persuni oħra li huma liċenzjati biex jaħdmu bħala xufiera.

Ħal Far — Animal Welfare Hospital

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kif inhu s- setup tal-Animal Welfare Hospital f'Ħal Far; b) xi stat għandu u min huma d-diriġenti; ċ) x'inhuma r-responsabbiltajiet ta' dawn id-diriġenti; d) kif intgħażlu u jekk kienx hemm sejħa pubblikata biex issir l-għażla; u e) x'inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi f'dan il-qasam tad-diriġenti magħżula/appuntati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti l-ebda Animal Welfare Hospital f'Ħal Far.

Restoration Section — Danger Money

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux jitħallas regolarment d-danger money lill-impjegati tar-Restoration Section fi ħdan id-Dipartiment? Jista' jgħid b'kemm-il xahar dan il-ħlas huwa b'lura u kemm hija s-somma totali li għandha titħallas lil dawn l-impjegati? Kemm hemm impjegati involuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi, skond proċedura stabbilita fit-Taqsima tar-Restawr , il-ħlasijiet tad-danger money isiru fuq bażi regolari ta’ darba kull tliet xhur. Is-somma totali tammonta għal € 3,107 dovuta lil 23 impjegat.

Sussidju finanzjarju għal min installa sistema ta' panelli fotovoltaici

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm huwa stmat li se jittieħed żmien biex familji jirċievu s-sussidju finanzjarju mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi minn meta jinstallaw is-sistema ta' panelli fotovoltaici u jissottomettu l-Part B tal-applikazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet wara li tkun istallata s-sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fih diversi stadji, dejjem jekk l-applikant ikun daħħal id-dokumenti kollha meħtieġa korretti.Jien infurmat li l-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-pagament, li jinkludi verifika tad-dokumenti u possibilment ukoll verifika fuq il-post, mistenni li jieħu madwar 3 xhur, dejjem jekk l-applikant ikun issottometta d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha.