Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal-Luqa — Ground tal-futbol - wiċċ b' terf sintetiku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex minnu li l-grawnd tal-futbol fl-iskola primarja ta' Ħal-Luqa kien ingħata b'wiċċ ta' terf sintetiku, liema terf kellu jkun virgin green, iżda meta twaħħal it-terf dan ma kienx virgin green u ma kienx konformi mal-specifications li ħarġet l-Foundation for Tomorrow School? Tista' tgħid jekk hu dan il-każ, jiġifieri li l-wiċċ mhux mogħti b'virgin green hux se jittieħdu l-passi biex min kellu jara li l-specifications ikunu konformi ma' dak li ntalab fil-ħruġ tat-tenders jagħti spjegazzjoni? Tista' tispjega u tagħti tagħrif, jekk fl-award tat-tenders kienx hemm minn ipprotesta minn dawk li ttenderjaw għat-tender għax ħass li ma kienx hemm fair сompetition?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li t-terf li ġie mwaħħal fl-iskola ta’ Ħal Luqa huwa kif speċifikat fit-tender, u ma jirriżultax li hemm xi diffikulta fuq dan it-terf. Dan ma jiġix speċifikat b’virgin green jew green iżda huwa rubber infill u jiġi speċifikat b’dan il- mod. Il-pitch ta’ l-iskola ta’ Ħal Luqa li ġie inawgurat f’April 2006 meta ġiet inawgurata wkoll l-estensjoni ta’ l-istess skola kien skond l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti mit-tender. Mhux biss iżda l-ħxuna tat-terf kien iżjed minn dak rikjest fit-tender. Infurmata wkoll li ma saru ebda protesti minn tenderers f’dan ir- rigward.

MCAST — Investigazzjoni dwar riżultati

Question

Fid-dawl ta’ dak li nqala' fl-MCAST rigward tbagħbis ta’ riżultati u l-investigazzjoni interna sejra li hemm, mingħajr ma nidħlu għalissa fuq din l-issue, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk il-proċedura tal-korrezzjoni tal- assignments hix din sussegwentament : a) Kull lecturer jipprepara l- assignment brief u jagħtih lil internal verifier biex dan ta’ l-aħħar japprova dan l- assignment brief qabel dan jingħata lill-istudent biex fi żmien stipulat jissottometti x-xogħol tiegħu/tagħha lil- lecturer ? b) Huwiex il-fatt li l- lecturer wara li jikkorregi l- assignment , dan jagħtih lil internal verifier u ta’ l-aħħar jivverifika l- grade li jkun tah il- lecturer , jista’ wkoll il- grade jitbiddel mill- internal verifier wara diskussjoni mal- lecturer u l-istudent biex bi trasparenza joħroġ il- grade fuq l- assignment ? Għadux jgħodd il-fatt li wara li jkun stabilit il- grade fuq l- assignment , dawn l- assignments kollha jkollhom ir-riżultati rreġistrati għand ir-reġistratur tal-MCAST fil- main campus sa mhux wara l- 15 ta’ Lulju ta’ kull sena, biex imbagħad kull direttur tal-istitut jibgħat xi sample tal- assignments lil external verifier tal-UK, u mhux eskluż li kull tant żmien jiġi/tiġi l- external verifier u tiddiskuti l-mod ta’ kif ikun hemm appraisal tal-kors, tal- units li jinkludi wkoll l- approach tal-eżaminazzjoni tal- assignments ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ħafna drabi jkun il-lecturer li jipprepara l-assignment brief. L-internal verifier japprovah fuq kriterji stabbiliti. Rigward it-tieni mistoqsija, il-proċess li jwassal għall-għoti ta’ grad finali jista’ jtawwal għaliex m’hemm xejn li jżomm lill-amministrazzjoni li tagħti lill-istudent iżjed minn ċans wieħed biex itejjeb il-marka li jkun ġab wara l-ewwel sottomissjoni. Għaldaqstant student jista’ jibqa’ jipproduċi xogħol matul il-kors biex jgħolli l-marka. M’hemm xejn li jżomm lill-amministrazzjoni ċentrali milli tirrevedi dawn il-metodi minn żmien għall-ieħor. L-internal verifier jista’ jibdel il-marki, preferibbilment, u sa fejn hu possibli, b’diskussjoni mal-lecturer. Huwa rakkomandabbli li l-istudenti jiġu infurmati bil-grad wara li ssir konsultazzjoni bejn il-lecturer u l-internal verifier. Din il-marka tista’ wkoll tinbidel jekk l-eżaminaturi barranin jaħsbuha mod ieħor. L-uffiċċju tar-reġistratur jistenna li jirċievi l-grad sommattiv jew finali tal-istudenti tad-diversi istituti mhux qabel l-istudy units jingħalqu. Dan jista’ jkun wara sena, jew sentejn, skond it-tul tal-programm. Barra minn dan is-sistemi tal-programmi ta’ barra jvarjaw minn istitut għall-ieħor u kull istitut jimxi ma’ l-istruzzjonijiet mogħtija lilu. Għaldaqstant, fir-rigward, ngħidu aħna, ta’ l-external verifier, hemm każi fejn jintbagħat xi xogħol ta’ l-istudenti barra u hemm każi fejn dan ma jseħħx għax mhux mistenni li jsir hekk.

Postijiet Vakanti fl-iskejjel Primarji u Sekondarji

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2409 u tgħid kemm hemm postijiet vojta segretarjali, klerikali u amministrattivi u ta' personnel inkarigati mit-tindif u manutenzjoni fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Meta se jintlew dawn il-postijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ postijiet vojta segretarjali, klerikali, amministrattivi u ta’ personnel inkarigat mit-tindif u manutenzjoni fl-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta u Għawdex huwa hekk: Grad Malta Għawdex Segretarjali 3 Klerikali 5 Tindif/Manutenzjoni 10 10 Qed tittiehed azzjoni sabiex dawn il-postijiet jimtlew.

Studenti — ċertifikat tal-MATSEC - kors tal-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' studenti li għalkemm kellhom iċ-ċertifikati tal-MATSEC, ma setgħux jibdew il-kors ta' għalliema għaliex ma kellhomx ċertifikat ta' profiċjenza fil-Malti jew fl-Ingliż? Jekk inhu minnu li dan iċ-ċertifikat mhux ser jibqa' jkun meħtieġ mis-sena dieħla, jista' jagħti xi forma ta' supplementary exam biex ma jkunx hemm żgħażagħ li jitilfu ċ-ċans li jattendu għall-kors ta' għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fost l-istudenti li applikaw biex jibdew il-kors ta’ għalliema, kien hemm 22 applikant li ma ġewx aċċettati minħabba li m’għaddewx mill-eżami ta’ profiċjenza tal-Malti u/jew ta’ l-Ingliz. Il-Fakultà diġà toffri forma ta’ supplementary exam kif qed jissuġerixxi l-Onor Interpellant. Dawk li ma jgħaddux mill-eżami f’Ġunju jistgħu jerġgħu joqgħodu għall-eżami f’Settembru. Mhux minnu li dan iċ-ċertifikat mhux ser jibqa’ jkun meħtieġ mis-sena d-dieħla. Biss, mis-sena d-dieħla dawk li jkollhom Grad 3 fiċ-ċertifikat livell SEC, jew grad C fl-livell intermedju, jew grad C f’livell avvanzat ser ikunu eżentati mill-ħtieġa li jagħmlu l-eżami.

Numru ta' għalliema imjegati u mħallsa mill-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-complement llum tan-numru ta' għalliema imjegati u mħallsa mill-gvern? Tista tagħti breakdown ta' dawn l-għalliema tas-suġġetti li jgħallmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-complement illum tal-għalliema impjegati mħallsa mill-Gvern huma ta’ 3686. Dawn huma mqassma hekk: Skejjel Primarji - 956 Skejjel Sekondarji - 2324 Skejjel Speċjali - 89 Għalliema Peripatetiċi - 317 Ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif inhuma maqsuma l-2324 għalliem li hemm fis-settur sekondarju u post-sekondarju.

Skejjel tal-istat — Lmenti fuq nuqqassijiet ta' trasport

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2502, tista' l-Ministru tagħrrfni x'ġara u x'passi ttieħdu fir-rigward tal-ħmistax-il ilment li tressqu skond il-mistoqsija parlamentari in kwistjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-problemi kollha li rriżultaw mill-ilmenti li waslu fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ġew indirizzati u solvuti. L-operaturi ser jiġu mmultati jew penalizzati skond in-nuqqas rispettiv.

kapijiet ta' l-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm kapijiet ta' l-iskola fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern li daħlu minn barra s-settur pubbliku fix-xhur li għaddew? Min huma u f'liema skejjel jinsabu? Kemm kienu dawk li applikaw u kemm ġew aċċettati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm żewġ kapijiet ta’ skejjel primarji li daħlu minn barra s-settur pubbliku. Dawn huma Cynthia Aquilina, il-kap tal-Iskola Primarja ta’ Pembroke u Charlot Cassar li huwa l-kap tal-Iskola Primarja tal-Kalkara. Kien hemm 21 li applikaw għall-kap ta’ skola u minnhom għaddew mill-intervista u ġew aċċettati 12. Kien hemm 4 applikanti ineliġibbli, 4 li weħlu u applikazzjoni waħda li ġiet irtirata.

Mużew ta' l-arti moderna

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2080 dwar mużew ta' arti moderna f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa u x'qed isir biex jiġi identifikat post adekwat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jiżvojta l-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jibda’ jintuża bħala mużew ta’ l-arti. Sadanittant qed jiġu organizzati b’mod regolari wirjiet ta’ arti fl-uffiċċju li Heritage Malta għandha Għawdex, kif ukoll fis-sala tal-wirjiet fil-Ministeru ta’ Għawdex. Barra minn hekk, Heritage Malta qed torganizza wkoll wirjiet tal-arti meta jkun hemm attivitajiet kbar tal-massa f’Għawdex. Heritage Malta ħadet ħsieb ukoll li tindirizza lil waħda mill-istudenti li kienu qed jagħmlu l-kors ta’ Masters in Cultural Heritage Management fl-Istitut tagħha f’Bighi sabiex tagħmel it-teżi tagħha fuq il-mużew tal-arti f’Għawdex. Dan l-istudju sar u jista’ jintuża.

Università — Studenti - Stipendju u Smat card

Question

Peress li ħafna studenti Universitarji għadhom ma rċevewx il-formuli għall-istipendju u għall-ismart card liema formuli jgħallqu fl-aħħar t'Ottubru, tista` Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-istudenti li kienu għadhom ma rċevewx il-formoli għall-istipendju huma dawk li kellhom joqgħodu għall-ezamijiet supplimentari f’Settembru. Peress li l-għoti ta’ l-istipendju jiddependi wkoll mill-progress akkademiku ta’ l-istudent, il-formoli jintbagħtu wara li l-istudent ikun iddikjarat li jista’ jipproċedi għas-sena li jmiss. Jekk ikun hemm bżonn id-data ta’ l-għeluq sa meta jkunu sottomessi il-formoli mill-istudenti tkun estiża.

MCAST — Korsijiet jibdew fl-ewwel ta' Settembru

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jagħmilx sens li s-sena skolastika tibda fl-ewwel ta' Settembru, l-istudenti jibdew il-kors fil-ħdax ta' Settembru u wara lecturingta' 60 siegħa jingħataw erba' assignments u dan presubilment jingħataw assignment kull ħmistax-il siegħa, u f'nofs Ottubru jerġa' jkun hemm second call għal-late applicants biex dawn jiżdiedu fil-klassi ma' dawk li jkunu ġa spiccaw l-ewwel units fl-ewwel semester skolastiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sena akkademika ta’-MCAST kienet ġiet stabbilita mill-Bord tal-Governaturi tal-MCAST fis-snin imgħoddija għax ħass li kien ta’ vantaġġ aktar għall-istudenti li jagħmel dan. Il-mod kif jiġu ammessi l-istudenti fl-MCAST hu fuq bażi progredat, jiġifieri l-ewwel jidħlu dawk li jkunu qegħdin ikomplu l-kors tagħhom fit-tieni jew it-tielet sena tal-programm, wara jiddaħlu dawk li jkunu qegħdin jipprogressaw minn kors għall-ieħor u fl-aħħar jidħlu dawk li jkunu għadhom ġodda għall-MCAST. l-MCAST iħaddem sistema ta’ assessjar kontinwu u mhux eżamijiet. Għaldaqstant module ta’ studju jista’ jkollu xi assignment programmat wara numru ta’ siegħat biex isegwi lill-istudent. Il-perjodu bejn assessment u ieħor mhux fiss u jvarja minn unit għall-ieħor skond is-suġġett. Ta’ sikwit l-assignments jingħataw fil-bidu ta’ kull study module sabiex l-istudent jkun jaf sa minn kmieni x’inhu mistenni minnu. Ta’ min jinnota li dawn is-60 siegħa ikunu mqassmin fuq numru ta’ ġimgħat. Is-60 siegħa huma guided learning hours marbutin ma’ module wieħed minn numru ta’ modules li jingħataw lill-istudent.

Kunsilli Lokali — Talba biex jieħdu ħsieb il-grawnds tat-terf ta' l-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tispjega jekk għadx kellha xi talba minn xi kunsill lokali sabiex jieħu ħsieb il-grawnd bit-terf tal-iskola u liema kunsilli lokali għamlu din it-talba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma jirriżultax li qatt waslet talba għand il-Ministru minn xi Kunsill Lokali biex jieħu ħsieb il-grawnd bit-terf tal-iskola.

Għalliema — First right of acceptance - Għall-Evening courses

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-għalliema li jgħallmu matul il-ġurnata mhux jingħataw first right of acceptance biex joffru s-servizz tagħhom fil-għaxija bħala evening courses fl-istituti kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fl-14 ta’ Marzu, 2008, ħarget applikazzjoni (Ref. SSD 4/08) għal persuni kwalifikati biex jgħallmu f’suġġetti akkademiċi, suġġetti relatati ma’ l-IT u f’suġġetti oħra. Il-persuni jingħażlu fuq bażi ta’ kwalifiki fis-suġġetti tagħhom u fuq l-esperjenza fit-tagħlim u t-taħriġ ta’ l-adulti.

Kunsilli Lokali — Devoluzjoni tal-grawd tal-futbol

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għaddietx b’xi forma ta’ devoluzjoni xi grawnd tal-futbol tal-iskola biex jintuza’ mill-kunsilli lokali, u jekk kien għad hemm xi devoluzjoni tista’ tgħid liema kienu dawn il-kunsilli ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma jirrizultax li qatt kien hemm xi forma ta’ devoluzzjoni ta’ grawnd tal-futbol tal-iskola biex jintuża mill-Kunsilli Lokali.

Assignments tal BTEC First Diploma u Foundation Certification

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex f'livell 3, dak tal-First Diploma BTEC, u fil-livell 2 dak tal-Foundation Certification assignements ma jsirux bil-malti meta hu meħtieġ li l-istudenti jkunu jriedu jafu jiktbu sewwa bil-Malti qabel ma jkunu jafu jiktbu u jitkellmu bl-ilsien oħra fosthom l-Ingliż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-assignments tal-programmi marbutin mal-BTEC Edexcel iridu bilfors ikunu ippublikati bl-Ingliż għar-raġuni li dan ix-xogħol huwa suġġett għall-proċess ta’ verifikazzjoni esterna, jiġifieri, parti mix-xogħol ta’ l-istudenti (assignments) ikun irid jiġi ivverifikat minn verifikatur Ingliż li jirrapreżenta lil BTEC. Madankollu, il-lectureres dejjem jgħinu lil kull student sabiex jifhem b’mod sħiħ il-kontentut tax-xogħol li jkun irid jitwettaq fl-assignments. Il-Malti huwa mgħallem kemm fil-Foundation Certificate kif wkoll f’diversi livelli ta’ istituti skond il-ħtiega. Fil-Foundation Certificate, il-Malti jingħata l-istess importanza li għandhom l-Ingliz u l-Matematika.

Uniformijiet — Għajnuna għall-ġeneturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk wasalx iż-żmien li jsir means test biex dawk il-ġenituri li ma jistgħux iħallsu għall-uniformi , jkollhomx l-uniformi mħallsa mill-fond skolastiku jew jingħataw għajnuna minn fondi pubbliċi, inkluż il-Fondi għall-Kawża Ġusta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li f’diversi skejjel diġa hemm sistema fejn ġenituri li ma jistgħux iħallsu għall-uniformi jkollhom għajnuna finanzjarja mill-fondi ta’ l-iskola.

Każ għal Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jidhru separatament, jingħata facilitator peress li dan ġie rakkmandat u żgur li jiswielu ta' ġid għall-futur tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li tweġiba diġa’ ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari numru 338. L-iStatementing Moderating Panel irċieva l-applikazzjoni għan-nom tat-tifel f’Mejju 2008. Fil-preżent it-tifel qed jingħata l-għajnuna meħtieġa mis-servizzi li diġa’ hemm fil-klassi. Il-ġenituri ser jingħataw appuntament matul dan it-term skolastiku biex jidhru quddiem l-iStatementing Moderating Panel.

Skejjel — Ġar tal-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi tip ta' kontroll fuq prezzijiet li fil-fatt jitħallsu għall-ġar ta' studenti lejn l-iskejjel tal-knisja jew privati, u fejn hu l-każ tal-Gvern? Kien hemm xi effetti (magħruf lill-Ministeru) fuq dawn il-prezzijiet minħabba miżuri marbutin mal-mod kif jistgħu jinġarru dawn l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-każ tal-iskejjel statali hemm agreement bejn l-operaturi u l-Ministeru li jieħu ħsieb ukoll iż-żieda tal-prezzijiet. Infurmata wkoll li l-Ministeru ma għandu l-ebda kontroll fuq prezzijiet li jitħallsu għall-ġarr tal-istudenti lejn l-iskejjel tal-knisja jew privati. Is-sezzjoni ta’ l-Iskejjel Mhux tal-Istat ma rċeviet l-ebda rapport fuq xi effetti fuq dawn il-prezzijiet minħabba mi\uri marbutin mal-mod kif jistgħu jinġarru l-istudenti.

Għawdex — Istitut għall-Istudji Turistiċi - Ċertifikati, diplomi u degree

Question

Jidhirliex l-Ministru li għandha ssir kampanja biex jiġu nkoraġġiti ż-żgħażagħ Għawdxin biex jagħżlu korsijiet fl-istudji turistiċi li jiġu organizzati mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex? Jidhirliex ukoll li l-Università ta' Għawdex għandha tibda toffri korsijiet li jwasslu għal ċertifikati, diplomi u anke degrees fl-istudji tat-turiżmu ankè fuq bażi full time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant biex tagħmilha lill-Ministru konċernat. Infurmata wkoll li l-Universita` ta’ Malta bi ħsiebha toffri korsijiet li jwasslu għal baċellerat fl-istudji turistiċi, fiċ-Ċentru ta’ Għawdex fuq bażi part-time . Se toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet dalwaqt. Jekk ikun hemm biżżejjed applikanti kwalifikati, il-kors ikun offrut. Ma hux possibli li f'Għawdex jingħata l-kors full-time .

Librerija Pubblika u libreriji oħrajn

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nxtraw kotba għal-Librerija Pubblika u l-libreriji l-oħra dawn l-aħħar snin u x'kienet in-nefqa sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ kotba flimkien man-nefqa tagħhom sena b’sena li nxtraw għall-Librerija Pubblika Ċentrali l-Furjana u l-libreriji Reġjonali u dawk Frieghi, f’dawn l-aħħar 5 snin hija kif tidher hawn taħt: Sena Numru ta’ kotba Nefqa 2004 4,290 Ewro 22,863 2005 1,985 Ewro 13,653 2006 1,050 Ewro 6,561 2007 972 Ewro 7,423 2008 (sa Settembru) 713 Ewro 6,412