Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17307 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jevalwa talbiet għal restawr fuq bini tal-knisja inkluż fuq l-istess knejjes. Il-knejjes jibbenefikaw minn skemi ta’ restawr li l-Ministeru għandu. Minbarra hekk, ta’ kull sena, iniedi skema miftuħa lill-Kunsilli Lokali kollha Għawdxin sabiex jirrestawraw xi monument jew niċċa fil-lokalità u li ħafna mid-drabi jkunu proprjetà tal-knisja. Dawn jistgħu jinkludu niċeċ jew monumenti li huma tal-knisja imma mhux binja sħiħa.
Leg 13 PQ #17308 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Youth Council

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16752, jista' l-Ministru jirrispondi dik il-parti tal-mistoqsija fejn intalab rendikont ta' kif intefqu l-fondi allokati u x'bilanċ għad fadal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpallant li l-fondi qatt ma ġew utilizzati min-naħa tal-Gozo Youth Council.
Leg 13 PQ #17344 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Sports Complex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-intenzjoni dwar l-Isports Complex f’Għawdex u jispjega għala nqala' s-saqaf li sar ftit tas-snin ilu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 16883.
Leg 13 PQ #17345 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'manutenzjoni qed issir b'mod regolari fil-Villa Rundle u kemm hemm impjegati dedikati għal dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li fil-Villa Rundle ssir manutenzjoni b`mod regolari kemm f’dak li jirrigwardja s-soft areas u kif ukoll fuq l-infrastruttura tal-post. Il-manutenzjoni tas-siġar u soft areas issir minn 28 ħaddiem, inkluż l-amministrazzjoni, li huma impjegati mad-Direttorat għall-Affarijiet Rurali u li huma dedikati speċifikament għal dan ix-xogħol, li jinkludi; - Taħwwil u żamma ta` pjanti staġjonali, - Manutenzjoni tas-siġar u arbuxelli, - Manutenzjoni fuq is-sistema ta` irrigazzjoni, - Tindif tal-post. Ix-xogħlijiet relatati mal-manutenzjoni tal-infrasstruttura tal-post imsemmija hawn taħt issir minn sezzjonijiet varji fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u minn entitajiet privati skont in-natura tax-xogħol, li jinkludi fost oħrajn; - Tikħil u tqegħied ta` ċagħaq fil-passaġġi, - Manutenzjoni tad-dwal, - Manutenzjoni tal-għamara u aċċessorji oħra, - Tindif u manutenzjoni tal-funtana u l-monumenti f’dan il-ġnien
Leg 13 PQ #17346 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Victoria Għawdex – Pjazza San Franġisk – funtana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ser isir mill-funtana li l-familja, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet tat lill-Istat u li kienet fi Pjazza San Franġisk, Victoria qabel ma sar ix-xogħol ta' pavimentar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 14244.
Leg 13 PQ #17347 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – nefqa fuq studji dwar il-bini ta’ qorti ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq studji dwar il-bini tal-Qorti li kellu jinbena fi Triq Ġorġ Borg Olivier Rabat Għawdex kif ukoll dak li kellu jinbena fis-sit li qabel kien il-Pixkerija? X'sar minnhom dawn il-pjanijiet u meta ser jibda x-xogħol fuq qorti ġdid f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13038.
Leg 13 PQ #17180 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex – Triq Ta’ Ġorf — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru ftit tax-xhur ilu mill-Ministeru għal Għawdex fuq parti minn Triq Ta' Ġorf ġewwa x-Xagħra Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar u jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva minn min saru, meta saru u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal xi xogħlijiet minuri li jridu jitlestew qabel joħorġu ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa. Ix-xogħlijiet qed jiġu sorveljati minn Uffiċjali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Leg 13 PQ #17182 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema bil-Contract for Service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema bil-Contract for Service fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat jiffurmaw parti dawn il-ħaddiema, kif ukoll jgħid x'inhu xogħolhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 10896.
Leg 13 PQ #17223 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel (Holding) Company Ltd u Gozo Channel (Operations) – kiri tal-MV Nikolaos – cost benefit analysis

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk Gozo Channel (Holding) Company Ltd u/jew il-Gozo Channel (Operations) Ltd għamlux xi cost benefit analysis qabel ma’ ttieħdet id-deċiżjoni li jinkera l-MV Nikolaos? Jista’ jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li jinkera dan il-vapur u li mhux jinxtara jew jinbena wieħed modern ladarba hemm il-ħtieġa tar-raba' vapur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li din hija mistoqsija ta’ natura strettament kummerċjali u għalhekk, kwalsiasi risposta li tingħata tista tippreġudika l-andament kummerċjali tal-kumpanija. Apparti hekk, kwalunkwe informazzjoni li tingħata f’dan il-kuntest tista tikkawża preġudizzju ikbar kontra l-kumpanija fil-kuntest tat-tender għall-Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat-transport bejn Malta u Ghawdex. Dan it-tender huwa mistenni li jinħareġ fiż-żmien li ġej u l-kumpanija għandha kull interess li tipparteċipa fih.
Leg 13 PQ #17253 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo NGOs Association — għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet snin x'għajnuna finanzjarja ngħatat lill-Assoċjazzjonijiet tal-Għaqdiet Non Governattivi f'Għawdex (Gozo NGOs Association)? Jista' jgħid f'kull każ, x'kien l-iskop tal-għajnuna li ngħatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu 2020, l-Għaqda Gozo NGOs Association kellha ittela attività Celebrating Harmony in Diversity, pero’ l-istess attivita’ kellha titħassar akkawża tar-restrizzjonijiet ta’ saħħa li ġew implimentati minħabba l-pandemija li għaddejjin minna.
Leg 13 PQ #17254 Sitting 402 2020-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — flus mgħoddija mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern permezz ta' entitajiet tiegħu xi flus għadda, li ma kienx ħlas għall-biljetti tal-vapur lill-Gozo Channel jew kumpanija tagħha? Jista' jgħid f'kull każ, x'kien l-iskop u għaliex għaddew dawn il-flus mill-Gvern Ċentrali jew entità tiegħu lil Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flus li rċeviet il-Gozo Channel mill-Gvern f’dawn l-aħħar ħames snin kienu prinċipalment dawk dovuti lill-Gozo Channel taħt il-Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat-transport bejn Malta u Għawdex u l-emendi li saru taħt l-istess kuntratt, liema kuntratt u emendi kienu approvati mill-iState Aid Monitoring Board.
Leg 13 PQ #17154 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Konsulenzi u pariri mogħtija minn konsulenti u avukati — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena x'inhu l-ammont minfuq fuq konsulenza u pariri mogħtija minn konsulenti jew avukati għar-rigward xogħol u pariri legali mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Lil min tħallsu dawn l-ammonti sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #17155 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Skeda ta' pagamenti fuq proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulat f'kull kuntratt li sar mal-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex m’għandux kuntratti iffirmati mal-Unjoni Ewropea. Il-kuntratti li l-Ministeru għandu rigward proġetti f'Għawdex, u li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 huma iffirmati kif gej: 1) Rigward proġetti kofinanzjanti minn fondi indiretti, il-kuntratti huma ffirmati mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni; 2) Filwaqt li rigward proġetti kofinanzjanti minn fondi diretti, il-Ministeru huwa Partner ma’ Ministeru ieħor (Lead Partner) u għaldaqstant il-kuntratt huwa ffirmat mal- Lead Partner .
Leg 13 PQ #17156 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħol ta' security guards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni impjegati ma' kuntratturi privati u li kienu qed jagħmlu xogħol ta' Security Guards għall-Ministeru għal Għawdex jew entitajiet li jaqgħu taħtu u l-postijiet ġewwa Għawdex fejn kien qed jingħata dan is-servizz u f'kull post kemm kien hemm Security Guards u l-ħinijiet li kienu qed jagħtu dan is-servizz sena b'sena mis-sena 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan is-servizz, jekk ingħatawx permezz ta' Tender jew Direct Order kif ukoll l-isem tal-kumpaniji li taw dan is-servizz sena b' sena mis-sena 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #17158 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — proġett ta' breakwater

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-19 ta' Jannar 2019 ġewwa Marsalforn rigward il-breakwater, tenut kont tal-fatt li f'din il-konferenza kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex kif ukoll nies oħra min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid fil-konkret x'sar mid-data ta' meta saret din il-konferenza rigward il-breakwater sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn dik il-konferenza l’hawn ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti pubbliċi; waħda għall-preparamenti tal-Project Description Statement u tal-Environmental Impact Assessment u l-oħra għall-Geotechnical Investigations. Sadanittant tkompla x-xogħol fuq l-immudellar tal-mewġ u l-effetti tiegħu skont id-disinn bażi tal- breakwater . Lejn l-aħħar tas-sena 2019 u l-bidu ta’ din is-sena, d-disinn reġa’ ġie emendat u bdew il-preparamenti sabiex tinħareġ sejħa oħra għall-offerti għall- Geotechnical Investigations skont dan id-disinn emendat. Din is-sena wkoll tkompla sew ix-xogħol fuq il- Project Description Statement u ntefgħet applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. L-istudju tal-impatt tal-mewġ u tal-breakwater daħal fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu u qiegħdin jiġu mmudellati skont l-aħħar disinn.
Leg 13 PQ #17222 Sitting 401 2020-11-17 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel (Holding) Company Ltd u Gozo Channel (Operations) – kiri tal-MV Nikolaos

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kienet il-proċedura ta' akkwist pubbliku użata mill-Gozo Channel (Holding) Company Ltd u/jew mill-Gozo Channel (Operations) Ltd sabiex tikri l-MV Nikolaos? Jista’ jgħid kemm qed tiswa din il-kirja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe nformazzjoni li tingħata f’dan il-kuntest tista’ tikkawża preġudizzju serju kontra l-kumpanija fil-kuntest ta’ tender għal Kuntratt ta’ Konċessjoni Pubblika għat- transport bejn Malta u Għawdex li huwa mistenni li jinħareġ fiż-żmien li ġej, u li l-kumpanija għandha kull interess li tipparteċipa fih.
Leg 13 PQ #17151 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bdiewa full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bdiewa full-time u part-time f'Għawdex maqsuma separatament u skont l-età tagħhom fl-aħħar ta' kull sena mit-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm raba’ bagħli jinħadem? Kemm kien hemm raba’ saqwi jinħadem? U kemm kien in-numru ta' serer u x'kienet l-area tal-art miksija bis-serer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #17152 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Għasri — Fanal tal-Ġordan - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru fil-konkret jgħid f'liema xahar u sena hu ppjanat li jitlesta x-xogħol, li ilu għaddej is-snin fuq il-Fanal tal-Ġordan ġewwa l-Għasri? Jista' jgħid fil-konkret x'fadal isir biex ikun lest ix-xogħol fuq din il-binja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpallant li x-xogħol ta’ restawr tal-Fanal ta’ Ġordan beda f’Ġunju tal-2018 wara snin twal ta’ telqa u abbandun ta’ din il-binja storika ta’ żmien il-ħakma Ingliża. Ir-restawr tal-Fanal mistenni jintemm lejn l-ewwel kwart tas-sena 2021.
Leg 13 PQ #17153 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender ikkanċellata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-istess Ministeru tiegħu ħareġ tender fl-24 ta' Awwissu 2020 'CfT Title: Tender for the provision of project management support services for the reconstruction of Triq Mgarr (Nadur) and Triq Sant'Antnin (Ghsielem) Gozo including structural, infrastructural and piling works (CfT CA Unique ID: MGOZ/MPU T 57/2020)' u nħarġet permezz ta' accelerated opening u ġie ppubblikat fil-website tal-Ministeru għal Għawdex u fil-website www.etenders.gov.mt din it-tender ġiet awarded fit-3 ta' Settembru 2020 iżda imbagħad xi ġimgħat wara din it-tender giet ikkanċellata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa twieġeb fil-mistoqsija parlamentari numru 16539, is-sejħa għall-offerti ġiet ikkanċellata bis-servizzi qed jigu pprovduti minn uffiċjali oħra varji. Infakkrek li sadattant, l-arterja Triq Sant’ Antnin infetħet mill-ġdid għall-aċċess pubbliku.
Leg 13 PQ #17170 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn – Turġien li jagħtu mit-Triq ta’ Barda għal Triq Santa Marija – aċċessibilità għall-anzjani u persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-pjanijiet biex it-turġien li jagħtu mit-Triq ta' Barda għal Triq Santa Marija, Marsalforn isiru aċċessibbli għall-anzjani, diżabbli eċċ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jieħu nota ta’ din is-sitwazzjoni u ser ikun qed jagħmel il-verifiki kollha neċessarji sabiex jekk ikun possibli jsir ix-xogħol meħtieġ.