Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Monte Karmeli — spiża ta' kull pazjent

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-ispiża fl-Isptar Monte Karmeli għal kull pazjent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża ta’ sodda kuljum fl-Isptar Monte Carmeli tvarja skont it-trattament u l-kura li jkun jeħtieġ il-pazjent kkonċernat. Fl-2019 din l-ispiża kienet tvarja bejn €121 u €1,030.

Sptar Monte Karmeli – persuni ammessi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ġew ammessi fl-Isptar Monte Karmeli tul is-sena 2019 u jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2019 ġew ammessi 1947 persuni fl-isptar Monte Carmeli. In-numru ta' pazjenti li kienu qed jiġu rikoverati fl-istess sptar fl-aħħar tas-sena tal-2019 kien ta’ 350.

Half way house — pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa l-perjodu meta pazjent jidħol fil-half way house?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Halfway House jipprovdi programm ta' rijabilitazzjoni personalizzat għal kull pazjent u jirrispondi għal bżonnijiet speċifiċi ta' kull individwu kif ukoll għall-bżonnijiet tas-servizzi ta' saħħa mentali. Għaldaqshekk iż-żmien ivarja skont il-każ.

Ministeru għas-Saħħa — nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru kull sena matul l-2017, 2018 u 2019? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dan għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12288 filwaqt addizzjonalment jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Dipartiment/Entita': 2017 2018 Central Procurement & Supplies Unit €2,956.00 €3,405.00 Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi €4,999.81 €5,446.85 L-isptar Mater Dei (fuel għal-boilers) €732,974.40 €1,839,809.71 L-isptar Mater Dei €135,103.42 €119,675.44 Ċentru Nazzjonali tat- T rasfu¿joni tad-Demm €4,841.84 €4,783.12 L-ispi ¿ erija tal-Għa ¿ la tiegħek €4,491.04 €5,046.38 Kura tas-Saħħa Primarja €6,819.00 €8,750.00 Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo /L-isptar Sir Paul Boffa . (fuel għal-boilers) €202,031.83 €342,689.57 Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo /L-isptar Sir Paul Boffa. €6,675.00 €6,771.13 L-isptar Monte Carmeli €90,467.53 €97,882.38

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2400 u jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt fejn tindika n-nefqa f’konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni li saret fis-snin imsemmija. Ninfurmah ukoll illi dawn intefqu f’servizzi ta’ konsulenza għal diversi inizzjattivi u konferenzi li saru mill-Ministeru għas-Saħħa fosthom Healthy Living Initiatives in the Community Ideas Generation, HIMSS Conference, Study on International Medical Tourism eċċ. Sena Total (€) 2013 3,660.00 2014 - 2015 - 2016 27,112.75 2017 17,375.50 2018 5,310.00 2019 6,298.80

Ħal Tarxien – Berġa tas-Saħħa – persuni li wżaw is-servizz

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni wżaw is-servizzi tal-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien tul is-sena 2019?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li wżaw is-servizzi tal-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien tul is-sena 2019 kien ta’ 2,846.

Proġett pilota tat-tqassim tal-mediċini fid-djar tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaġġorna din il-Kamra rigward Proposta 24 tal-Manifest Elettorali 2017 li hija din “Wara li wettaqna l-proġett pilota ta’ tqassim tal-mediċini fid-Djar tal-Anzjani, inkomplu nwessgħu dan il-proġett biex issa nilħqu Malta kollha.” Jista’ jgħidilna liema kienu l-lokalitajiet magħżula għal dan il-proġett pilota u jekk dan is-servizz tkompliex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett pilota ta’ tqassim tal-mediċini fil-Djar tal-Anzjani li kien beda’ fil-lokalitajiet tar-Rabat Malta u kif ukoll f’Raħal Ġdid, illum qed jingħata fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Mediċini impurtati minn barra minn Malta — nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi n-nefqa ta’ mediċini impurtati minn barra minn Malta meta dawn ma jkunux disponibbli f’Malta? Veru li xi kultant l-ispiża tal-ajru tkun ogħla mill-mediċina nnifisha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Formolarju tal-Gvern – mediċini għall-kura tal-Fibromyalgia

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-formolarju tal-Gvern jeżistux mediċini għall-kura tal-Fibromyalgia? Jista’ jgħid mediċina bħal-Lyrica hemmx ħsieb li tkun inkluża fil-formolarju tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-formularju tal-Gvern preżentament hemm 3 mediċini li jintużaw għal Fibromyalgia u jintużaw biex itaffu s-sintomi. Hemm ħsieb li mediċini relevanti oħra jiġu kkunsidrati għal din il-kundizzjoni fil-ġejjieni.

Sptar Monte Karmeli — xogħlijiet fuq swali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk inbdewx ix-xogħlijiet sabiex ikunu rranġati swali li għandhom is-saqaf ikkundannat fl-Isptar Monte Karmeli li ilhom fi stat tabbandun kemm ilu jiggverna l-Partit Laburista bħal kmamar tal-banju b’nuqqas serju ta' affarijiet bażiċi, arja kkundizzjonata ma jaħdmux, soqfa li se jċedu minn ħin għall-ieħor etc.?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-soqfa spiċċaw ikkundanati wara telqa mħollija minn amministrazzjoni taħt gvern nazzjonalista fejn saħansitra lanqas fondi kapitali ma kienu jingħataw sabiex isir xi forma ta’ xogħolijiet. Ninfurmah ukoll illi beda’ jsir xi xogħolijiet fuq 3 swali partikolari. F’waħda mis-swali, ix-xogħol huwa avvanzat. Navżah ukoll illi t-tender sabiex isir x-xogħol strutturali kollu għal Blokk 1 ħareġ u jinsab miftuħ.

Ministeru għas-Saħħa — persuni li kienu jokkupaw position of trust jew joffru servizz ta’ konsulenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm, u fil-każ kemm kien hemm, persuni li kienu jokkupaw position of trust jew kienu jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ kwalsiasi tip sal-1 ta’ Jannar 2020 fi ħdan id-dekasteru tiegħu, litwaqqfu, tneħħew jew ġie tterminat il-kuntratt tagħhom? Kemm minnhom marru lura għal xi impjieg fis-Servizz Pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Dipartiment tal-Emerġenza – persuni li ddaħħlu minħabba vjolenza domestika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm iddaħħlu persuni fid-Dipartiment tal-Emerġenza minħabba vjolenza domestika f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li attendew fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, fejn kien allegat li kien hemm vjolenza domestika jidhru fit-tabella hawn taħt: Sena Numru t’attendenzi fid-dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei. 2017 23 2018 40 2019 64 2020 (sal-5 ta’ Frar) 6 Wieħed għandu jkun mgħarraf li jekk persuna tmur fid-Dipartiment tal-Emerġenza minnħabba xi korriment u ma ssemmiex li kien ikkaġunat minn vjolenza domestika, dawn il-każijiet ma jistawx jinqabdu u għalhekk ma jidhrux fit-tabella hawn fuq.

Rabat Għawdex – Sptar ġdid — xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega b'mod dettaljat u konkret f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq l-isptar il-ġdid propost fir-Rabat Għawdex? Jista' jagħti data preċiża u ċara ta' meta dan l-isptar ser jitlesta u jibda jintuża mill-pubbliku? Jista' jagħti d-dettalji f'każ li hemm ostakli li qed iżommu x-xogħlijiet lura? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konċessjoni għall-bini ta’ sptar ġdid fir-Rabat Għawdex hija f’idejn Steward Healthcare li ninsab infurmat huma fil-proċess li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Awtorità tal-Ippjanar fil-ġimgħat li ġejjin.

Sptar Mater Dei – spiżerija – flange/wafer

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex pazjenti li jmorru l-ispiżerija ta' Mater Dei, mhux qed jingħataw flange/wafer kif ikun rikjest?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm diversi qisien u tipi ta’ flanges u wafers li jingħataw lill-pazjenti, li jmorru l-ispiżerija ta' Mater Dei. Għaldaqstant, nitolbu biex jispeċifika għal liema tip qed jirreferi.

Ministeru għas-Saħħa — direct orders

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnha.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa – laqgħat ma’ kumpanija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta seħħew l-aħħar laqgħat bejnu u rappreżentanti tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jgħid ukoll min kien preżenti għal din il-laqgħa, f’liema kapaċità u min talab il-laqgħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 12699.

Ministeru għas-Saħħa — sponsorships

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12380 u 12490 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Sptar Mater Dei – lifts fil-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra meta se jissewwew il-lifts li hemm bil-ħsara fil-parkeġġ ta’ Mater Dei għaliex qegħdin ikunu ta’ inkonvenjent għall-qraba tal-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm lift wieħed minn tlieta bil-ħsara fiż-żona ndikata. Bħalissa l-isptar Mater Dei qed jistenna spare parts speċjalizzati biex il-ħsara tissewwa.

Appuntament ta' individwu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament isirlu appuntament għall-vista u jsir in-nuċċali għaliex fil-preżent qed ibati min nuqqas ta' vista?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Ministeru għas-Saħħa – laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta u fejn, fil-kariga uffiċjali tiegħu, iltaqa’ mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn Lulju 2017 ’il quddiem?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda laqgħa uffiċjali mal-individwu msemmi minnu.