Legislature:
Category:
Reset
Active:

Meals on Wheels, — eżami fuq il-kwalità tal-ikel

Question

Fir-rigward tal-meals on wheels, jista' l-Ministru jgħid kull meta jiġi eżaminat l-ikel sabiex tiġi garantita l-kwalità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-post fejn jiġi ppreparat l-ikel jiġi spezzjonat mill-Uffiċċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali skont il-programm tar-Risk Assessment. Kemm il-preparazzjoni, kif ukoll it-tqassim tal-ikel tal-Meals on Wheels isir taħt is-superviżjoni tal-catering manager tal-kċina tar-Residenza San Vinċenz De Paule.

waiting list għas-CDAU

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26921 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hi l-waiting list għaċ-Child Development Assessment Unit?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pedjatra responsabbli miċ-CDAU m’għandhiex lista ta’ stennija. Fir-rigward tas-servizzi psikoloġiċi l-lista ta’ stennija hija kif gej: Numru ta’ tfal Żmien ta’ stennija Tfal taħt il-5 snin 174 4 xhur Tfal minn 5 snin ‘il fuq 253 15–il xahar Dwar servizzi ta’ occupational therapy , għal tfal taħt it-tliet snin m’ hemm l-ebda lista ta’ stennija. Ghal tfal bejn 3 snin u 14-il sena, l-lista ta’ stennija hija ta madwar erbatax–il xahar għal 450 tfal. Sabiex jiġi indirizzat il-perjodu ta’ stennija fil-qasam tal- occupational therapy , inħareġ tender li bħal issa qiegħed fl-istadju ta’ aġġudikazzjoni. Filwaqt li fir-rigward tas-servizzi psikoloġiċi, il-Ministeru ħa inizjattiva sabiex jagħmel outsourcing ta’ dawn is-servizzi.

Mediċini innovattivi

Question

Billi fid-diskors għall-Budget 2010 kien tħabbar li tul l-2010 kienu vvutati €3 miljun għal mediċini innovvativi, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-mediċini innovattivi introdotti? Kemm intnefqu fuq kull mediċina? Kemm pazjenti ngħataw din il-kura? Kemm kien il-valur ta' kull waħda minn dawn il-mediċini li ġew użati matul l-2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-lista hawn taħt turi s-sittax-il mediċina innovattiva differenti li ġew approvati mill-Kumitat Konsultattiv tal-Formularju tal-Gvern matul is-sena 2010, u n-numru ta’ pazjenti li ngħataw il-kura relattiva. L-informazzjni dwar il-valur tal-mediċini għadha qed tinġabar, u tingħata f’xi seduta oħra. Mediċina approvata Numru ta’ pazjenti Deferasirox (Pilloli, 250mg u 500mg) 16 Ertapenem (Trab għal soluzzjoni għall-infużjoni, 1g) 75 Trabectedin (Trab għal soluzzjoni għall-infużjoni, 0.25mg u 1mg) 8 Lanthanum (Pillola li tomgħodha, 750mg) 30 Rasagiline (Pilloli, 1mg) 10 Clopidogrel (Pilloli, 75mg) 1,000 Natalizumab (Konċentrat għal soluzzjoni għall-infużjoni) 10 Recombinant Factor VII 8 Recombinant Factor VIII 11-15 Recombinant Factor IX 3 Rasburicase (Infużjoni fil-vini) 8 Pemetrexed (Trab għal soluzzjoni għall-injezzjoni) 76 Pregabalin (Kapsuli, 150mg) 40 Testosterone Undecanoate (Injezzjoni) 70 Aprepitant (Kapsuli, 80mg u 125mg) 10 Ripseridone Depot (Injezzjoni) 150 Total 1,529

Ilma tal-funtani — testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fl-aħħar sena, liema funtani pubbliċi tal-ilma madwar Malta u Għawdex ġew ittestjati għall-kwalità tal-ilma u jekk kienx hemm xi mikrobi fl-ilma jew fis-sistema tal-ilma? Liema funtani ġew ittestjati? Meta sar it-test? X'kien ir-riżultat ta' dawn it-testijiet? Fejn kien jinħass il-każ, x'passi ttieħdu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li preżentament id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’għandu l-ebda liġi li tirregola il-kontroll ta’ funtani f’postijiet pubbliċi. In vista ta’ dan ma jsiru l-ebda kontrolli fuq l-ilma minn dawn il-funtani.

dejn mad-distributuri tal-prodotti farmaċewtiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dejn mad-distributuri lokali u barranin fl-aħħar tas-snin 2008, 2009 u 2010 għal prodotti farmaċewtiċi u surgical supplies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ammont ta’ kredituri kemm lokali kif ukoll barranin għal prodotti farmaċewtiċi u surgical supplies fl-aħħar tas-snin imsemmija kien kif jidher hawn taħt: Kredituri sal-aħħar ta’ Diċembru 2008 Kredituri sal-aħħar ta’ Diċembru 2009 Kredituri sal-aħħar ta’ Diċembru 2010 €39,670,881 €14,983,989 €13,585,508

Nefqa rikorrenti fuq materjal kirurġiku

Question

Fid-dawl tal-istqarrija tal-National Statistics Office dwar il-finanzi tan-nefqa rikorrenti tal-gvern Jannar - Mejju 2011, meta mqabbla mal-istess perjodu 2010, fir-rigward tal-mediċini u l-materjal kirurġiku li n-nefqa tagħhom żdiedet b'€3.4 miljun, jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu jew naqsu n-nefqiet għal: a) materjali kirurġiċi; b) mediċini użati fl-isptarijiet bħala inpatients; ċ) mediċini maħruġa mill-isptarijiet bħala outpatients; d) mediċini maħruġa mill-ispiżeriji taċ-ċentri tas-saħħa fin-nofsinhar ta' Malta; u e) mediċini maħruġa permezz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fit-Tramuntana ta' Malta u f'Għawdex?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. F’dan il-mument nista’ nagħti din l-informazjoni li tirrigwardja n-nefqa fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek fit-tramuntana ta’ Malta u Għawdex: Perjodu Nefqa Nru ta’ spiżeriji Jannar – Mejju 2010 €2,182,243 68 Jannar – Mejju 2011 €4,304,556 114 Żieda fin-nefqa/numru ta’ spiżeriji + €2,122,312 + 46

ECG Technicians Għawdxin jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ECG Technicians Għawdxin jaħdmu Malta? X'inhi r-raġuni li d-Direttur Ġenerali tas-Saħħa mhux qed jieħu l-passi neċessarji sabiex fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ikollu full complement għar-rigward l-ECG Technicians?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in-numru ta’ ECG Technicians Għawdxin jaħdmu Malta huwa (7) sebgħa. Il-complement ta’ ECG Technicians f’kull servizz fil-qasam tas-saħħa, inkluż f’Għawdex, jiġi mqassam skont il-ħtieġa tal-pazjenti kollha u dan jirrifletti id-dmirijiet u r-responsabilitajiet li jridu jaqdu l-ECG Technicians li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-pajjiż.

Lista ta' konsulenti — servizzi u ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25918 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħthom, għamlu użu minnhom matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni għal dħul f'home fiż-Żejtun

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatment, li madwar erba' snin ilu applika biex jidħol f'home fiż-Żejtun? Wieħed jifhem li hemm lista twila, però ta' min isemmi li dan huwa anzjan ta' età kbira u l-mara tiegħu kellha ukoll breast cancer.

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fl-4 ta’ Marzu 2009. Din l-applikazzjoni ġiet approvata fis-7 ta’ Mejju 2009 bħala Low Priority. Fil-5 ta’ Ottubru 2010 id-dipartiment irċieva medical update u fil-25 ta’ Novembru 2010 dan il-każ ġie approvat bħala high priority. Bħalissa dan il-każ qiegħed fil-lista ta’ stennija li huma high priority.

applikazzjoni għad-dħul fir-Residenza San Vincenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana ta' 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vincenz de Paule? Minn informazzjoni li tatni din l-anzjana diġà rawha l-membri tal-bord u filwaqt li nifhem bid-domanda li hemm biex anzjani jidħlu f'din ir-residenza, jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat biex tidħol fid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun fis-6 ta’ Lulju 2010 u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni bħala high priority fil-21 ta’ Ottubru 2010. Din l-anzjana tpoġġiet fuq il-waiting list tal-high priority għad-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun.

Anzjana — applikazzjoni għar-residenza San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tinsab fl-Isptar Karen Grech u għandha 81 sena u applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li m'għandha lil ħadd min idur biha u li meta ġew l-occupational therapists , issuġġerewlha li tagħmel xi xogħlijiet id-dar biex tkun kapaċi tmexxi tajjeb, pero' hi qed issib problema biex tgħix id-dar waħedha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat biex tidħol fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla fl-24 ta’ Settembru 2007 u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni bħala high priority fis-7 ta’ Lulju 2008. B’hekk din l-anzjana ġiet imqiegħdha fil-lista ta’ stennija tal-high priority għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla. Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ġie nfurmat li fit-22 ta’ Gunju 2011 din l-anzjana ġiet discharged minn Karen Grech Hospital u ġiet ammessa f’waħda mid-Djar tal-Anzjani tal-Knisja. Sadanittant l-anzjana xorta għadha mniżżla fuq il-lista ta’ stennija għad-Dar tal-anzjani ta’ Bormla.

Mental Health Act — emendi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14245 tal-Għaxar Leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk finalment hijiex se tiġi emendata l-Mental Health Act liema liġi ilha ma tiġi emendata mill-1976?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-abbozz tal-liġi ġdida dwar is-saħħa mentali huwa finalizzat. Huwa maħsub li dan l-abbozz jiġi ppreżentata lill-Parlament aktar tard din is-sena.

nuqqas tat-tilqima "5-in-1"

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm nuqqas tat-tilqima magħrufa bħala "5-in-1" li fis-servizz tas-saħħa pubblika tingħata lit-tfal ta' età żgħira? Jekk fl-affermattiv, jista’ jingħad kemm ilu dan in-nuqqas u x’qed isir biex tiġi solvuta s-sitwazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li dan it-tilqim kien ilu nieqes għal ġimgħatejn. Żewġ konsenji limtati minn ordni li għamel id-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) għal din il-mediċina waslu fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju u fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju rispettivament. Fil-frattemp iċ-Ċentru tal-Immuniżazzjoni kellu stock ta’ 50 biex iservu sakemm tasal il-kumplament tal-konsenja. Din waslet għand l-aġent lokali fil-bidu ta’ din il-ġimgħa. Bħalissa il-prodott qed jiġi ippakkjat mill-ġdid u ittikkettjat (labled) biex ikun konformi mal-Liġi dwar il-Mediċina qabel ma jitqassmu fid-diversi ċentri tat-tilqim madwar il-pajjiż.

Pilloli out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pilloli out of stock fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April 2011? Liema raġuni ngħata il-Ministru għaliex dawn il-pilloli kienu out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm 37 pillola fuq il-Formularju li xi darba jew ohra f’xi ġurnata bejn Jannar u April 2011 kienu out of stock mill-main store. Ir-raġunijiet għaliex xi mediċina partikolari tkun out of stock ivarjaw kif jidher hawn taħt: a) Supplier ma jwassalx il-mediċina fil-perjodu rikjest mid-Dipartiment tal-Kuntratti, jiġifieri late delivery ; b) Il-Kuntrattur identifikat ikun ikkontestat minn xi bidder ieħor u għaldaqstant kien hemm proċedura ta’ appell u l-kuntratt il-ġdid ma jingħatax; c) Sejħiet għal tenders li għal xi raġuni ma jinħarġux fil-ħin; d) Nuqqas ta’ manifattura ta’ item partikulari. F’dan il-każ ikun hemm skarsezza fis-suq internazzjonali; e) Sejħiet ta’ tenders li ġew kanċellati minħabba raġunijiet varji, bħal per eżempju il- bidders ma jkunux issodisfaw ir-rekwiżiti mitluba fit- tender . Is-sistema eżistenti ma tippermettix li tinħareġ informazzjoni dwar kemm damet out of stock kull tip ta’ pillola separatament. Fil-parti l-kbira dawn il-pilloli kienu dawk relatati mal-mard tal-qalb u l-pressjoni.

Anzjani residenti fid-Dar tal-Mellieħa — mistoqsijiet rigward ir-referendum dwar id-divorzju

Question

In vista tar-rapporti fil-gazzetta "Malta Today" li dakinhar tar-referendum dwar id-divorzju kien hemm mill-anqas persuna waħda, identifikata bħala supervisor, li bdiet tistaqsi lill-anzjani residenti fid-Dar tal-Mellieħa dwar il-fehma tagħhom dwar id-divorzju qabel jittieħdu jivvotaw, u in vista tal-fatt li l-Kummissarju Elettorali ġie rapportat li ra abbużi u li intervjena, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk ġewx identifikati l-persuna/persuni involuti; b) x'passi ttieħdu fil-konfront tagħhom; u ċ) jekk hux se ssir investigazzjoni dwar dawn ir-rapporti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26698 u jgħid kemm hemm bħalissa pilloli out of stock u kemm ilhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm 26 pillola fuq il-Formularju li huma out of stock. Ir-ragunijiet għaliex xi mediċina partikolari tkun out of stock ivarjaw kif jidher hawn taħt. a) supplier ma jwassalx il-mediċina fil-perjodu rikjest mid-Dipartiment tal-Kuntratti, jigifieri late delivery ; b) Il-Kuntrattur identifikat ikun ikkontestat minn xi bidder ieħor u għaldaqstant kien hemm proċedura ta’ appell u l-kuntratt il-ġdid ma jingħatax; c) Sejħiet għal tenders li għal xi raġuni ma jinħarġux fil-ħin; d) Nuqqas ta’ manifattura ta’ item partikulari. F’dan il-każ ikun hemm skarasezza fis-suq internazzjonali; e) Sejħiet ta’ tenders li ġew kanċellati minħabba raġunijiet varji, bħal per eżemplu l- bidders ma jkunux issodisfaw ir-rekwiżiti mitluba fit- tender . Is-sistema eżistenti ma tippermettix li tinħareġ informazzjoni dwar kemm damet out of stock kull tip ta’ pillola separatament. Fil-parti il-kbira dawn il-pilloli huma dawk relatati mal-mard tal-qalb u l-pressjoni.

Nuqqas ta' colostomy bags

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat kien hemm problema ta' nuqqas ta' colostomy bags? Jista' jgħid kemm damet għaddeja l-problema u jekk issa ġietx solvuta? Jista' jgħid x'kien li kkawża din il-problema? Jista' jgħid x'alternattiva kellhom matul iż-żmien li ma kienx hawn dawn il-bags dawk il-pazjenti milquta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li għal żmien limitat id-Dipartiment tal-Procurements kellu problema ta’ nuqqas ta’ colostomy bags. Dan kien riżultat ta’ waqfien tat-tenders tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Sabiex il-pazjenti ma jibqgħux bla stokk bdew jingħataw ammont inqas mill-istokk ta’ tliet xhur li normalment jingħataw u fl-ebda ħin ma tħallew pazjenti mingħajr stokk. Il-problema issa reġgħet lura għan-normal.

Appart Mediku ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet l-applikazzjoni tal-individwu b'diżabilità, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qed jistenna għal dan l-apparat mediku minħabba d-diżabilità tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qegħda tistenna caliper, par żarbun kif ikoll appuntament mal-orthotist biex jingħata corset. Dan il-klijent għadda l- calipers lid-Dipartiment tal- Orthotics u Prosthesis fit-12 ta’ Frar 2011 biex issirilhom il-manutenzjoni meħtieġa. Bħalissa dan il-klijent qiegħed juza calipers oħra. Dawn il- calipers intbagħtu l-Ingilterra fit-22 ta’ Frar 2011 u waslu lura għand id-Dipartiment nhar it-Tnejn 13 ta’ Ġunju 2011. Il-klijent ġie ikkunttatjat biex jiġbor dawn il- calipers . Iż-żarbun wasal għand id-Dipartiment fis-16 ta’ Mejju 2011 biex isirlu refurbishment . Dan intbagħat l-Ingilterra l-għada 17 ta’ Mejju 2011. Malli jiġi lura l-klijent jiġi kuntattjat biex ikun jista’ jiġborhom. Ir-riferta ta-tabib għal corset waslet fid-dipartiment fl-10 ta’ Mejju 2011 u l-appuntament biex jaraħ l- Orhotist hu ippjanat għat-tieni ġimgħa ta’ Lulju meta l- Orthotist jiġi Malta.

Stennija għall-operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26579 u jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li tmien snin ilu kien waqa' minn fuq il-bridge ta' Regional Road u ilu daqshekk jistenna biex issirlu operazzjoni? Jista' jingħata l-aħħar żviluppi dwar dan il-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.