Legislature:
Category:
Reset
Active:

Emails mibgħuta lill-għalliema mill-Moviment Żwieġ Mingħajr Divorzju

Question

Tista' l-Ministru tara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit min kienu dawk responsabbli biex sar abbuż mid-database tal-emails tal-għalliema kollha ta' Malta u Għawdex fl-iskejjel statali biex jintbagħtulhom messaġġi mill-Moviment Żwieġ Mingħajr Divorzju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull min għandu e-mail tal-gov.mt għandu aċċess għad-database tal-għalliema. Diffiċli tgħid min bagħat l-e-mail mingħajr kopja oriġinali tagħha. Ma kienx hemm rapporti li ntbagħtu emails lil għalliema fl-iskejjel statali mill-Moviment Żwieġ Mingħajr Divorzju u għalhekk ma kienx hemm lok għall-investigazzjonijiet. Kien hemm xi lecturers fl-MCAST li rċevew emails u l-Prinċipal tal-MCAST intalab sabiex jara x’kien il-każ u fl-istess waqt ġibed l-attenzjoni li ma setax isir użu mis-sistema ta’ komunikazzjoni tal-Kulleġġ għal affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu max-xogħol.

Single mothers u single fathers — children's allowances

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li huma kkonsidrati bħala single mothers/single fathers, meta dawn ikunu intitolati li jirċievu ċ-children's allowances? Kif inhuma maqsuma lokal lokal f'Malta u f'Għawdex rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Literacy specialists

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f'liema skejjel intbagħtu l-literacy specialists mill-bidu tas-sena skolastika? Kemm klassijiet żaru u x'xogħol għamlu u ma' kemm tfal f'kull klassi? Fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Units li ngħataw matul is-sena 2010

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li qed jistennew biex jieħdu housing soċjali fl-aħħar tas-sena 2010? Tista' tgħid kemm ingħataw units matul is-sena 2010? Fejn kienu dawn l-units u kemm kienu kbar il-familji li ħadu dawn il-units?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Units tal-housing li se jitqassmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm units għand il-housing lesti biex jitqassmu matul ix-xhur li ġejjin? Fejn jinsabu dawn il-units u min għandu l-opportunità li jibbenefika minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar għaddejja bi program ta’ finishing ta’ 79 unit u huwa ppjanat li fix-xhur li ġejjin se jitlestew u jingħataw bil-kera. Dawn il-units jinsabu ġewwa l-Floriana, l-Belt, l-Mġarr u l-Mellieħa. Oltre dawn bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha fil-pussess tagħha 19-il post fil-lokalità ta’ B’Kara, Floriana, Gzira, Marsa, Paola, Pembroke, Qormi, l-Isla, San Giljan, il-Belt u l-Birgu li se jiġu allokati fil-ġranet li ġejjin. L-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali jibbenefikaw minn dawn il-units skont il-priorità tagħhom.

Proċedura biex tkun eleġibli li tikkwalifika għal post tal-housing

Question

Tista' l-Ministru tivverifika xi proċedura trid issegwi sabiex tkun eleġibbli biex tikkwalifika għal post tal-housing? Tista' tispjega jekk huwiex veru li trid tibqa' ġġedded l-applikazzjoni tiegħek biex tibqa' fuq il-waiting list għal post tal-housing u jekk din l-applikazzjoni ma tibqax tiġġedded allura jfisser li l-applikant jew ikun sab post, jew ma jkunx għadu interessat, jew xi raġuni oħra u allura ma jibqax fuq il-lista ta' stennija għal post tal-housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għal post alternattiv mhux neċessarju li jiġu mġedda dment li ċ-ċirkostanzi ta’ l-applikant jibqgħu l-istess. Jekk isir tibdil fl-indirizz, fl-istat ċivili jew xi tibdil ieħor u l-Awtorità tad-Djar ma tiġix infurmata formalment mill-applikant b’dan, l-applikazzjoni tiġi magħluqa sakemm l-applikant jinforma b’dan it-tibdil lill-Awtorità tad-Djar. F’każ li l-Awtorità tad-Djar titlob xi informazzjoni jew dokument lill-applikant u wara diversi reminders dan jibqa’ ma jissottomettix l-informazzjoni meħtieġa, l-Awtorità tad-Djar tqis li l-applikant m’għadux interessat fl-applikazzjoni.

Bini jew xiri ta' units ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinbnew jew jinxtraw units ġodda matul is-sena 2011 biex ikunu jistgħu jitqassmu lil dawk li applikaw għalihom? Tista' tgħid kemm hija n-nefqa dedikata għal dan il-għan u kemm tassumi li sejjer ikollha units available b'din is-somma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm pjan li jinbnew appartamenti f’diversi lokalitajiet f’Malta kif indikat fit-tabella segwenti. Uħud minn dawn il-proġetti diġà bdew. Lokalità Proġett Appartamenti Garaxxijiet Nefqa Stmata Ħ’Attard Proġett fi Triq l-Għenba 6 0 € 180,000 Qrendi Plot 23, Triq Ġuzeppi d’Arena 2 3 € 122,000 Raħal Ġdid Plots 10 u 11, Triq ix-Xewk 6 6 € 198,000 Raħal Ġdid Plot 13, Triq Anġlu Psaila 4 1 € 92,000 San Ġwann Proġett fi Triq il-Lumija 3 0 € 85,000 San Ġwann Proġett fi Triq ir-Rummien 3 0 € 136,000 Wied il-Għajn Proġett fi Triq Thomas Ashby / Triq is-Sikka 20 20 € 1,290,000 Żebbuġ Plot 29, Ħal Mula 3 0 € 130,000 Żurrieq Plot 4, Vjal l-Indipendenza 2 2 € 72,000 Totali 49 32 € 2,305,000 Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tikkunsidra mudelli oħra ta’ kif tista’ jkollha aktar fondi għall-kiri.

Talba għal sussidju biex jirranġaw id-dar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22307, tista' l-Ministru tara jekk l-Awtorità tad-Djar tistax tieħu lura l-flus li ħallset biex isir il-proċess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta għandha tagħmel talba lill-Awtorità tad-Djar sabiex tingħata lura l-ħlas amministrattiv u t-talba tagħha tiġi kkunsidrata.

nies ta' età kbira li jirreġistraw — mitluba jsibu xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnuna qed jingħataw dawk il-persuni li huma qrib l-età tal-irtirar u li qed jirreġistraw u li jinqatgħu mil-lista tar-reġistrar għal raġuni jew oħra u li biex jerġgħu jingħataw l-għajnuna soċjali jiġu mitluba biex tal-anqas jaħdmu sitt xhur? Taf il-Ministru li dawn il-persuni ta' età kbira qed isibuha diffiċli biex isibu x-xogħol u qed jitħallew mingħajr għajnuna finanzjarja x-xhur u b'konsegwenza huma u l-familji tagħhom mhux qed ikollhom biex jgħixu u jikkuraw ruħhom? X'se jagħmel il-gvern dwar dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuna tinqata’ mil-lista tar-reġistrar għax jew tkun inqabdet taħdem waqt li qed tirreġistra, jew irrifjutat opportunita’ ta’ taħriġ jew impieg mingħajr raġuni xierqa. Hemm proċess fejn il-persuna kkonċernata tkun tista’ titlob lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ jirrevedi din id-deċizjoni u għandha kull dritt tressaq il-provi xierqa fil-każ tagħha. Apparti dan, l-istess persuna tista’ tressaq il-każ tagħha quddiem l-Awtorita’ Nazzjonali dwar ix-Xogħol. Tajjeb jingħad ukoll iżda li persuna tkun trid tipprova li ħadmet għal sitt xhur konsekuttivi fil-każ biss li inqabdet taħdem waqt li kienet qed tirreġistra u tirċievi l-Għajnuna Soċjali għaliha u għal familja . Bħala deterrent għal dan l-abbuz, persuna li tinqabad taħdem waqt li qed tirreġistra ma tkunx tista’ terġa' tirreġistra sakemm ma tkunx ħadmet għal sitt xhur konsekkutivi. Fil-każijiet l-oħra l-persuna titpoġġa fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru u wara sitt xhur awtomatikament terġa’ titpoġġa fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru u terġa’ takkwista d-dritt għal Għajnuna Soċjali għaliha u għal familja. F’kull każ imsemmi hawn fuq, filwaqt li l-persuna tinqata’ mir-reġistrar u ma tkunx intitolata għall-għajnuna soċjali, il-familja tagħha tkun tista’ titlob lil Bord ta’ l-Għajnuna Soċjali biex f’dan il-każ partikolari din il-familja tingħata l-għajnuna finanzjarja. Dan il-bord hu maħtur minni u huwa ffurmat mid-Direttur Ġeneral tas-Sigurtà Soċjali bħala Chairperson u rapprezentanti tal-Unjons kif ukoll fih rapprezentant taz-żewġ naħat tal-Kamra. Dan il-Bord wara li jkun evalwa t-talba jiddeċiedi jekk għandiex tingħata għajnuna jew le. Għalhekk hemm struttura sħiħa li tipprovdi l-qafas f’każijiet kif imsemmija minnha.

option tal-mużika fl-iskejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex l-option tal-mużika fil-Form 1 ingħatat lill-istudenti fis-sekondarja ta' Għawdex biss u l-istudenti Maltin f 'din il-kategorija ġew imċaħħda minn din l-option?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Mużika bħala option se tibqa’ tkun offruta fil-Kulleġġ ta’ Għawdex u l-Proġett Pilota fit-tagħlim tal-Mużika f’Għawdex għadu għaddej u se jitkompla fis-sena skolastika li ġejja. Fl-istess ħin il-proġett qed jiġi evalwat biex naraw kif jista’ jidħol f’kulleġġi oħra.

San Pawl il-Baħar — skola primarja - trasport

Question

Billi numru ta' studenti fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar ma jibdewx l-iskola fil-bidu tas-sena, imma jibdew jattendu din l-iskola matul is-sena, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-ġenituri tat-tfal li joqogħdu 'l bogħod mill-iskola u li allura għandhom it-trasport provdut mill-Gvern, ikunux infurmati b'tali trasport b'xejn għal dawn il-postijiet li qegħdin 'il bogħod mill-iskola, meta jdaħħlu lil uliedhom l-ewwel darba? Kemm hu n-numru ta' privates li jġorru t-tfal minn u lejn l-iskola u x'rotta għandhom f'kull każ? Kemm hu n-numru ta' tfal li jinġarru permezz ta' dan il-mezz ta' trasport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull ġenitur ta’ student/a li jibda/tibda tattendi fi skola tal-istat jingħata informazzjoni immedjata dwar x’servizzi li jiġu pprovduti. Hija l-għażla tal-ġenituri jekk jagħmlux użu minn dan is-servizz tat-trasport b’xejn. In-numru ta’ privates użati għall-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar hu ta’ 6 (sitta) u n-numru ta’ vannijiet hu ta’ 4 (erbgħa). Ir-rotot huma: Qawra Qawra Church Two Stages Turisti Housing Estate Burmarrad Xemxija (Mistra Village) Pwales (Wardija Hill) Xemxjia (Mistra Village, Xemxija Church, K. Vitale Street) Veċċa (Gnien Olimpiku, Veċċa, Manikata) In-numru ta’ tfal li jagħmlu użu minn dawn r-rotot hu ta’ 370.

Childcare centers — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn childcare centres miftuħin f'Malta u f'Għawdex? Kemm minnhom għandhom iċ-ċertifikat tad-Dipartiment tal-Istandards Nazzjonali f'Malta u f'Ghawdex? Kemm huwa l-ħlas f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Malta hawn ħamsa u erbgħin (45) child care facilities miftuħin . Il-ħamsa u erbgħin (45) child care facilities li huma rreġistrati proviżorjament mad-Dipartiment tal-Istandards Nazzjonali għandhom ċertifikat maħruġ mill-istess dipartiment. Ma jintalab l-ebda ħlas għar-reġistrazzjoni mad-dipartiment.

Għawdex — Għażla tal-mużika bħala suġġett

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux veru li fil-jiem li għaddew intbagħtet ċirkolari tgħarraf lill-iskejjel Għawdxin li l-Għawdxin biss se jkollhom l-għażla tal-mużika bħala suġġett jekk iridu? Għaliex tbiddlet l-idea oriġinali li wara sentejn proġett pilota fl-edukazzjoni mużikali din kellha tiġi offruta lill-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex? Għaliex l-istudenti Maltin se jiġu mċaħħda mill-edukazzjoni mużikali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23206.

Awtorità tad-Djar u Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm hemm units/appartamenti tal-Awtorità tad-Djar u Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali, allokati għall-persuni b'diżabilità u tgħid f'liema lokalità huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-avvizzi tal-gvern li l-awtorità ħarġet għall-bejgħ ta’ postijiet dejjem kien hemm għaxra fil-mija tal-appartamenti f’kull kategorija allokati għall-persuni b’diżabilità.

Pensjoni tas-servizz Ingliż

Question

Tista' l-Ministru tgħid wara dak li ħareġ mill-Unjoni Ewropea dwar il-pensjoni tas-servizzi Ingliżi, x'se jagħmel il-Gvern Malti wara d-deċiżjoni meħuda sabiex jagħti lura l-pensjoni sħiħa lil dawk konċernati? Din id-deċiżjoni tapplika biss għal dawk li għadhom ħajjin jew inkella anke l-werrieta ta' dawn l-ex ħaddiema tas-servizzi Inglizi se jkunu intitolati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kummissjoni Ewropea ma ħarġitx deċizjoni dwar il-pensjoni tas-servizzi Inglizi. S’issa l-Kummissjoni Ewropea bagħtet Notifika Informali lil Gvern Malti dwar il-mod ta’ kif dawn il-pensjonijiet ikunu ikkonsidrati fil-kalkolu tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali Maltija. Il-Gvern Malti ingħata żmien biex ikun jista’ jinforma lil Kummissjoni Ewropea dwar il-każ. Wara li l-Gvern Malti jibgħat l-informazzjoni mitluba, l-Kummissjoni tikkonsidra u tistħarreġ is-sitwazzjoni fil-kuntest tar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà soċjali u tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni.

Impjegati Għawdxin taħt il-Gozo Employment Scheme

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu ġew impjegati ħaddiema Għawdxin taħt il-Gozo Employment Scheme? Tista’ tgħid kemm minnhom għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minnhom qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

264 persuna ġew impjegati permezz tal-Gozo Employment Aid Scheme. Minn dawn il-264 persuna, 125 għadhom jaħdmu mal-istess employer . 81 qegħdin jaħdmu ma’ employer differenti u 58 m’għadhomx f’impjieg.

Employement Aid Programme

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu ġew impjegati (i) ħaddiema Għawdxin u (ii) ħaddiema Maltin separatament taħt il-l-Employment Aid Programme? Tista’ tgħid kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom reġgħu tqabbdu jaħdmu taħt l-istess skema? Kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, m’għadhomx jaħdmu llum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-aħħar ta’ Jannar 2011 taħt il-Employment Aid Programme ġew impjegati 355 ħaddiem Għawdxin u 817 ħaddiem Malti. 269 ħaddiem Għawdxi u 613 ħaddiem Malti għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu. Dawn jinkludu dawk li għadhom fl-iskema. 45 ħaddiem Għawdxi u 118 ħaddiem Malti llum qed jaħdmu ma’ employer differenti. Sal-aħħar ta’ Jannar 2011 ma kienx hemm minn reġa tqabbad jaħdem taħt l-istess skema. 41 Għawdxi u 86 Malti llum m’għadhomx jaħdmu.

Raħal Ġdid — studenti subien

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif se jkunu mqassmin studenti subien mir-Raħal Ġdid u l-inħawi li jinsabu fis-sitt sena meta s-sena d-dieħla se jibdew l-ewwel sena tas-sekondarja fl-iskejjel tal-istat? Huwa minnu li bis-sistema li qed tiġi adottata uħud minnhom se jintbagħtu fl-iskola tas-Sliema u oħrajn il-Ħamrun? Jekk fl-affermattiv, fuq liema bażi se ssir id-deċiżjoni dwar min se jintbagħat u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-subien li jattendu skola primarja f’Raħal il-Ġdid u din is-sena qegħdin fis-sitt sena, s-sena skolastika li ġejja jiġifieri Settembru 2011, kollha se jkunu fil-Form 1, fl-iskola sekondarja subien tal-Kulleġġ Santa Klara f’Tas-Sliema. Hemmhekk jagħmlu l-Form 1, u fil-Form 2 kollha jiċċaqalqu għall-iskola sekondarja subien, Ħamrun (il-Liceo) fi ħdan il-kulleġġ San Ġorġ Preca. It-tfal jiċċaqalqu kollha f’daqqa.

Counsellors fl-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm counsellors jaħdmu fl-iskejjel tal-istat ta' Malta u Għawdex u f'liema skejjel? Fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom u kemm huma meqjusa essenzjali għall-esperjenza edukattiva fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trainee counsellors

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm trainee counsellors jaħdmu fl-iskejjel tal-istat ta' Malta u Għawdex u f'liema skejjel? X'tip ta' superviżjoni ssir magħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet professjonali tagħhom? ? Fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.