Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura – asfalt ta’ triq

Question

Fid-dawl li proprjetà privata li tinsab fi Triq San Tumas kantuniera ma’ Triq Mater Boni Consilii, il-Fgura li fl-aħħar jiem ġiet imwaqqa', u parti minn din il-proprjetà kienet tinsab lil hinn mill-building line ta' Triq San Tumas, jista' l-Ministru jara li tkun asfaltata l-parti tat-triq li sa ftit ġimgħat ilu kien hemm il-proprjetà imsemmija u issa ġiet imwaqqa', u dan sabiex ikun evitat periklu għas-sewwieqa f'din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tiswijiet u l-asfaltar tal-parti tat-triq imsemmija huwa ppjanat li jitwettaq fil-ġimgħat li ġejjin.

Boundary wall fuq proprjetà pubblika madwar proprjetà privata – proċedura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li għandha tiġi adottata sabiex jinbena boundary wall fuq proprjetà pubblika, madwar proprjetà privata li tkun qed tinbena? Jista' jgħid jekk hemmx xi perjodu massimu li jista’ jitħalla boundary wall fuq proprjetà pubblika? Jista' jgħid fejn għandhom jiġu rappurtati abbużi f'dan ir-rigward?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Method Statement li jħejji l-Perit responsabbli mill-iżvilupp li jkun ser isir abbażi tal-Avviż Legali 72/2013 ikun meħtieġ li jiġi muri jekk ikunx ser jinbena’ tali ħajt kif ukoll jekk ikunx jeħtieġ il-permess ta’ Transport Malta jew tal-Kunsill Lokali rispettiv skond il-każ. M’hemm ebda perjodu massimu li jkun jista’ jinżamm il-ħajt iżda dan ukoll irid ikun elenkat fl-istess Method Statement imsemmi. Abbużi f’dan ir-rigward ikunu jridu jiġu rappurtati lill-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini dejjem u lil Transport Malta jew lill-Kunsill Lokali rispettiv skond il-każ.

Vettura reġistrata bħala ‘Y Plate’ — proċedura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura u l-ħlasijiet involuti sabiex tkun reġistrata vettura bħala 'Y Plate'?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura sabiex persuna tirreġistra vettura bi pjanċa ‘LY’ irid ikollha liċenzja biex topera minn garaxx ta' servizz pubbliku skont il-provvedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 65.11. Il-vettura, biex tikkwalifika għandha: • Tkun ġdida, • Tinstaq min naħa tal-lemin, • Tista’ tkun ta’ kwalunkwe lewn ħlief ta’ lewn abjad, • B’mhux iżjed minn tmien sedili minbarra s-sedil tax-xufier, • Tkun taħdem bil-petrol, bid-diżil jew bil-mutur tal-lpg jew b'mutur elettriku It-taxxa ta’ reġistrazzjoni għal tali vettura tiġi kkomputata skont it-tabelli fit-Tieni Skeda tal-KAP 368 u ċioe skont l-eta’, CO2, materja partikolata, u tul tal-vettura. L-applikant għandu jissottometti applikazzjoni għar-reġistrar ta' vettura ġdida taħt garage ta' servizz pubbliku (VEH26), flimkien mad-dokumenti li ġejjin: • Formola għar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi Ġodda (VEH01), mimlija kif imiss, • Ċertifikat ta’ Konformità skont id-Direttiva 2007/46/KE fir-rigward ta’ vetturi M1 u skont d-Direttiva 2002/24/KE, kif emendata, • Prova ta’ ħlas ta’ dazju lid-Dwana jekk il-vettura ġiet importata minn pajjiż terz, • Fattura, maħruġa mill-manifattur jew mill-aġent awtorizzat tal-manifattur, li tkun turi kemm swiet il-vettura li jkunu juru l-prezz CIF, • Dokumentazzjoni li tikkonferma l-isem u l-indirizz tiegħu. Is-segwenti ħlasijiet huma dovuti mar-reġistrazzjoni tal-vettura: • Dritt amministrattiv ta’ ħmistax-il euro (€15), • It-taxxa tar-reġistrazzjoni li għandha titħallas skont l-Att 368, • Il-VAT li għandha titħallas skont l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, u • Jekk vettura ġiet impurtata minn pajjiż terz għandu jitħallas id-dazju skont l-Att dwar id-Dazji ta’ Importazzjoni. Fir-rigward ta’ vettura bi pjanċa ‘PY’ (vetturi bil-mutur M2, M3 u vannijiet bit-tail lift), l-applikant għandu jkollu liċenzja ta’ l-operatur biex jagħti servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri skont il-provvedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.56. Il-vettura biex tikkwalifika: • Tista’ tkun kemm ġdida kif ukoll u¿ata (second hand), basta li ma tkunx ilha manifatturata aktar minn sebgħa snin u mhux irreġistrata aktar minn ħames snin, • Irid jitħallas dritt tad-dħul skont regolament 117 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.56, • Tinstaq min naħa tal-lemin u l-bibien tal-passiġġiera ikunu fuq in-naħa tax-xelluġ, • Irid ikollha l-arja kundizzjonata. B’referenza għal punt numru 2, dan ma japplikax għal coaches u vannijiet bit-tail-lift li jkunu vetturi bil-mutur ġodda peress li dawn huma eżentati mill-ħlas tad-dritt tad-dħul, ikun xi jkun l-għadd ta’ passiġġieri li jkunu jistgħu jġorru. It-taxxa ta’ reġistrazzjoni għal tali vettura tiġi kkomputata skont it-tabelli fit-Tieni Skeda tal-KAP 368 u ċioe skont l-Euro Standard, piż u ċilindraġġ tal-magna. F’każ ta’ vettura użata, l-applikant għandu jissottometti dikjarazzjoni ta' konformità għal vetturi tat-trasport tal-passiġġieri(VEH30), flimkien mad-dokumenti li ġejjin: • Formola għar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi Ġodda (VEH01), mimlija kif imiss • Reġistrazzjoni ta’ Vetturi Addizzjonali taħt il-Liċenza ta’ Operatur għall-ġarr ta’ Passiġġieri (CPOL-A3), • Certificate Of Initial Fitness (COIF) maħruġ minn awtorita’ awtorizzata, jew dikjarazzjoni mill-manifattur fir-rigward ta’ vettura M2 jew M3 li tkun tikkonferma li l-vettura tkun tissodisfa standards tal-livell ta’ emissjoni taħt id-Direttiva 70/156/KEE, kif emendata, jew ċertifikat ta’ Konformità skont id-dispo¿izzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE fir-rigward ta’ kull waħda minn dawk il-kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, • Prova ta’ ħlas ta’ dazju lid-Dwana jekk il-vettura ġiet importata minn pajji¿ terz, • Dokumentazzjoni li tikkonferma l-isem u l-indirizz tiegħu. F’każ ta’ vettura ġdida, l-applikant għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin: • Formola għar-Reġistrazzjoni ta’ Vetturi Ġodda (VEH01), mimlija kif imiss, • Reġistrazzjoni ta’ Vetturi Addizzjonali taħt il-Liċenza ta’ Operatur għall-ġarr ta’ Passiġġieri (CPOL-A3), • Ċertifikat ta’ Konformità skont id-dispo¿izzjonijiet tad-Direttiva 2007/46/KE fir-rigward ta’ kull waħda minn dawk il-kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, • Prova ta’ ħlas ta’ dazju lid-Dwana jekk il-vettura ġiet importata minn pajjiż terz, • Fattura, maħruġa mill-manifattur jew mill-aġent awtorizzat tal-manifattur, li tkun turi kemm swiet il-vettura li jkunu juru l-prezz CIF, • Dokumentazzjoni li tikkonferma l-isem u l-indirizz tiegħu. Is-segwenti ħlasijiet huma dovuti mar-reġistrazzjoni tal-vettura: • Dritt amministrattiv ta’ ħmistax-il euro (€15) għar-reġistrazzjoni tal-vettura, • Dritt amministrattiv ta’ ħamsa u għoxrin euro (€25) biex vettura tiġi nkluża fil-liċenzja ta’ operatur, • It-taxxa tar-reġistrazzjoni li għandha titħallas skont l-Att 368, • Il-VAT li għandha titħallas skont l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (applikabbli biss fuq, vettura ġodda) u • Jekk vettura ġiet impurtata minn pajjiż terz għandu jitħallas id-dazju skont l-Att dwar id-Dazji ta’ Importazzjoni.

Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna – perjodu ta’ konsultazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex beħsiebu jiftaħ il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan lokali t’Għawdex u Kemmuna? F’kull eventwalità, jista’ jgħid meta se joħroġ l-abbozz tal-pjan lokali u meta se joħroġ il-pjan lokali finali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Awtorità tal-Artijiet – talba għal clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret għal clearance mill-Awtorità tal-Artijiet f'każ ta' applikazzjonijiet għal żvilupp fuq art jew binjiet li huma tal-Gvern matul l-2016 u l-2017? Kemm qed tieħu żmien biex talba għal clearance mill-Awtorità tal-Artijiet tkun ipproċessata? Jista’ jgħid jekk hux minnu li clearances qed jieħdu xhur sħaħ biex jiġu pproċessati u dan b'detriment ta' min jitlob tali clearance?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ applikazzjonijiet illi ġew proċessati fl-2016 u l-2017, minn meta ħarġu l-applikazzjonijiet f’Mejju 2016 sal-aħħar tal-2017, jammontaw għal-1,725. It-talbiet għall-clearance in principle jiġu proċessati skont il-mertu tagħhom. Hemm linji gwida fejn jekk applikazzjoni tkun skont il-mertu ta’ dawk il-linji gwida, din tiġi pproċessata fi żmien 24 siegħa. Jekk ma tkunx taqa’ f’dawk il-parametri, allura din l-applikazzjoni trid tiġi għall-konsiderazzjoni u approvazzjoni tal-Bord. Iż-żmien ta’ kemm iddum biex tiġi approvata applikazzjoni jvarja ukoll skont kemm l-informazzjoni provduta mill-applikant hija korretta.

Fidi ta’ ċens ta’ art taħt Home Ownership Scheme – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkun jista’ jifdi ċ-ċens ta' biċċa art tal-Gvern (u ċjoè li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Awtorità tal-Artijiet) li tagħmel parti mill-Home Ownership Scheme li fuqha kienet inbniet dar? Jekk hemm bżonn li tinħareġ Presidential Order qabel dan l-individwu jkun jista’ jifdi ċ-ċens, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ il-Presidential Order u meta jaħseb li se toħroġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tal-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, l-art li fuqha ġiet mibnija l-proprjeta’ msemmija għadha ma ġietx akkwistata mill-Gvern la b’kuntratt mas-sidien orignali u lanqas b’dikjarazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern wara l-2003. Il-propjeta’ msemmija hija maqsuma f’żewġ biċċiet art indikati bħala plot 4_1 fuq pjanta P.D. numru 66_91_5 u bħala plot 5 fuq pjanta L.D. numru 66/91. Għaldaqstant, irid jiġi stabbilit li l-istima li hemm fir-rigward tal-akkwist taż-żewġ biċċiet art, hija waħda li tikkwalifika a bażi tal-Kapitolu 573 tal-liġi. Ngħarraf lill-Interpellant illi parti mill-art li fuqha tinsab mibnija din il-proprjeta’ hija maqbuda b’avviż leġali li ħareg a bażi tal-Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini (BDA) . Għaldaqstant, is-sidien oriġinali jridu jippreżentaw rikors il-Qorti għall-Kumpens mill-Gvern, liema kumpens jingħata la darba ikun hemm sentenza finali.

Birżebbuġa – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-karozzi tal-linja 82 u 210 li jgħaddu minn Birżebbuġa jibdew ibaxxu l-ewwel tarġa biex persuni ta' ċertu età jkunu jistgħu jitilgħu f’tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ser inkunu qegħdin nesiġu’ mal-Operatur tat-Trasport Pubbliku sabiex jizgura li ix-xufiera li qegħdin fuq is-servizz tat-trasport pubbliku isegwu din il-prattika.

Trasport Pubbliku – multi għal nuqqas ta’ osservanza ta’ ħinijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4189 dwar kemm ħallset f’multi l-kumpanija tat-trasport pubbliku għal nuqqasijiet fir-rigward ta' puntwalità u affibilità fl-2015, fl-2016 u fl-2017, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fir-risposta tiegħu qal li l-ammont ta' multi fl-2016 kien jammonta għal €82,125 meta għall-istess mistoqsija li saret fit-12-il Leġiżlatura bin-numru 29165, fir-risposta tiegħu l-Ministru preċedenti responsabbli mit-Trasport Pubbliku kien qal li l-multi kienu jammontaw għal €135, 520? X'sar minnhom it-€53,395 diskrepanza?

Response (BORG, IAN)

Nibda billi nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li ma’ hemm l-ebda diskrepanza la fil-figuri li kienu ngħataw fir-risposta għall-mistoqsijja parlamentari 29165 u dik bin-numru 4189. Infakkar lill Onorevoli Interpellant li fil-mistoqsijja 29165 ġiet mitluba ċifra ta’ kemm il-Malta Public Transport weħlu multi għal servizz ħażin. B’servizz ħażin wieħed jifthem li dan jirrigwarda kwalunkwe ħaga li t’affetwa is-servizz negattivament. Dan ma jikkonċernax biss l-affidabilita’ w il-puntwalita iżda jinkludi affarijiet oħra wkoll. Għaldaqstant, l-ammont li kien ingħata f’din ir-risposta ma’ kienx jinkludi biss penalitajiet li jirrigwardaw l-affidabilita u l-puntwalita iżda kienu jinkludu penalitajiet oħra. Mill-banda l-oħra l-mistosijja bin-numru 4189 kienet qiegħdha titlob speċificament dwar penalitajiet li nħargu lill-Operatur tat-Trasport Pubbliku għal dak li jirrigwarda l-puntwalita u affidabilita’.

Trasport Pubbliku – rapport dwar l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja — thresholds

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4190 fejn kien ġie mistoqsi x’passi jieħu l-Ministeru tiegħu kontra l-kumpanija tat-trasport pubbliku partikolarment meta passiġġieri jirrappurtaw li l-aħħar vjaġġ tal-karozza tal-linja ta’ xi ġurnata lejn xi lokalità ma jkunx sar, jista’ għalhekk il-Ministru jgħid x'inhuma dawn t-thresholds fix-xahar għal kull rotta u kemm huwa permissibli li jinqabżu vjaġġi qabel ma jiġu applikati l-multi li għamel referenza għalihom fir-risposta tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tat-thresholds rigward l-affidabilità tas-servizz jinsabu fil-kuntratt li kien ġie mpoġġi fuq il-mejda tal-kamra fi Frar 2016.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati ma’ PC 46/13 li għaliha kien hemm referenza fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4634?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokument mitlub, jigifieri PC46/13 li ġie approvat mill-Planning Authority 9 ta’ Settembru 2015 qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Ninfurmah ukoll li flimkien mall-Awtoritajiet ivverifikajt u thejjew pjanijiet sabiex dan il-bypass jibqa’ b’erba’ korsiji, tnejn kull direzzjoni.

Il-Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-inċidenti tat-traffiku li seħħew fi Triq Lewis Wettinger, il-Mellieħa (Bypass) bejn l-2007 u l-2017?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Intern u Sigurta Nazzjonali.

L-Imsida — Triq d'Argens - parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-parking li kien tneħħa fi Triq d'Argens, l-Imsida minħabba x-xogħol fil-Kappara Junction, u issa reġa' ġie lura għan-normal, se jinżamm kif inhu bħalissa? Jiġifieri se jinżamm il-parking kif kien oriġinali fi Triq d'Argens skont ukoll it-talba tal-Kunsill tal-Imsida?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa għadejja b’diskussjonijiet mal-Pulizija, il-Kunsill Lokali kkonċernat, LESA, GRTU u stake holders oħra sabiex tipprova ssib soluzzjoni għall-konġestjoni kbira li qiegħda tinħoloq minħabba l-parkeġġi li ġew lura f’posthom f’Rue d’Argens, u dan wara li tlesta l-proġett tal-Kappara. Dan it-tibdil wassal sabiex it-triq msemmija ġiet ridotta għall-karreġġjata waħda minflok tnejn bil-konsegwenza li l-vetturi qiegħdin jeħlu saħansita sa Mater Dei. Biex il-parkeġġ ma jitneħħiex qiegħed jinstab kompromess li waqt ir-Rush Hoursit-triq tkun żewġ karreġġjati u filgħaxijiet u bil-lejl tinżel għal karreġġjata waħda biex ikun jista’ jintuża l-parkeġġ. Dawn il-parkeġġi jintużaw bla limitu fil-weekends u l-festi pubbliċi. Transport Malta ma tistax tħares lejn l-isfida tat-traffiku b’ mod spezettat imma b’ mod ħolistiku sabiex kull tibdil li jsir iħalli riżultati pożittivi, u li jħarsu b’mod wiesgħa lejn inkonvenjenti li jrid jgħaddi minnhom l-pubbliku li jkun għaddej mill-inħawi.

Awtorità tal-Artijiet — persuni li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma, x'kariga kellhom u kemm-il persuna tal-Awtorità tal-Artijiet irriżenjaw mit-3 ta' Ġunju 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-data msemmijja 'l hawn, kienu ħamsa l-impjegati tal-Awtorità tal-Artijiet li rriżenjaw. Tabella bid-dettalji mitluba qeda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – soluzzjoni għall-problema ta’ traffiku mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettqet l-Awtorità għat-Trasport f'Malta min-nhar it-2 ta' Ottubru 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex tissolva l-problema kbira ta' konġestjoni tat-traffiku li jiltaqgħu magħha s-sewwieqa b'mod partikolari fil-ħinijiet ta' filgħodu biex joħorġu mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u ċjoè fil-parti fejn tinsab ir-roundabout bejn Triq is-Siġġiewi u Triq l-Imdina f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, IAN)

F'Ġunju li għadda, il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali talab lil Transport Malta sabiex immedjatament jimplimenta għadd ta' ħidmiet f'toroq u junctions ewlenin ħalli jsiru aktar effiċjenti u sikuri, b'inqas diffikultajiet ta' dewmien fl-ivjaġġar u b'inqas riskji ta' inċidenti. Ix-xogħol beda mill-ewwel, matul l-istess sajf, f'diversi ħoloq ewlenin tas-sistema tat-toroq tal-pajjiż. Id-diffikultajiet fid-disinn tar-roundabouts u junctions fir-rotta tat-toroq ewlenin bejn Ħal Luqa, Ħal Qormi, Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi, ir-Rabat, Ħ'Attard u l-Mosta huma waħda mill-prioritajiet ta' dawn il-ħidmiet. Fil-fatt, diġà sar titjib konsiderevoli bil-proġetti ta' disinn u bini mill-ġdid tar-roundabouts ewlenin f'Ħal Qormi u t-triq ewlenija li tgħaqqadhom, Triq Manwel Dimech, li issa twessgħet minn tnejn għal erba' korsiji. Fl-istess waqt, permezz tat-twessigħ ta' waħda mill-aktar partijiet dojoq ta' Triq l-Imdina f'Ħal Qormi, tneħħa ostaklu ewlieni li kien iwassal għal ħafna dewmien għal dawk li jivvjaġġaw mis-Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ lejn Ħal Qormi. Ix-xogħol ta' titjib f'din ir-rotta għadu għaddej. Bħalissa qed tinbena mill-ġdid ir-roundabout ta' biswit ir-Residenza San Vincenz de Paule u Triq Ħal Farruġ. Fiż-żmien li ġej, il-ħidma se tkompli bi proġetti oħra simili li jwasslu għal aktar tnaqqis fid-diffikultajiet li għad baqa' matul din ir-rotta ewlenija. Transport Malta qed tħejji diversi soluzzjonijiet sabiex jitkompla dan it-titjib fl-inħawi ta' Ħaż Żebbuġ, fosthom it-tliet roundabouts ewlenin f'din il-lokalità. Qed jitlestew ukoll pjanijiet sabiex isir titjib f'inħawi oħra, fosthom fit-triq ewlenija mill-Imrieħel lejn Ħ'Attard, Ħaż Żebbuġ u r-Rabat, kif ukoll fi Triq Buqana, li tgħaqqad din ir-rotta mal-Mosta u l-Imġarr. F'din il-ħidma, qed jiġu kkunsidrati diversi proposti li tressqu mill-periti ta' Transport Malta u minn entitajiet, komunitajiet u individwi oħra li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw f' dawn l-inħawi. Filwaqt li l-pjanijiet jitħabbru hekk kif ikunu ffinalizzati minn Transport Malta u kkunsidrati mill-awtoritajiet konċernati, il-ħidma għal aktar kwalità, effiċjenza u sigurtà fit-toroq ta' pajji¿na ser tibqa' għaddejja kontinwament.

Bdiewa – trasferiment ta’ art agrikola lill-bdiewa oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li jixtiequ jittrasferixxu fuq bdiewa oħra, art agrikola li hi tal-Gvern jew tal-Joint Office li qiegħda għandhom bi qbiela, kif jistgħu jagħmlu dan? (bdiewa bona fede li jittrasferixxu t-titlu legali ta’ art, raba’ jew irziezet li huma jkunu jgawdu lill-ulied, aħwa u/jew neputijiet kemm inter vivos u kemm causa mortis u tingħata l-opportunità li jsiru wkoll trasferimenti bejn bdiewa reġistrati bejniethom.)

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi żmien qarib, kull min ikollu interess, għandu jagħmel applikazzjoni minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Artijiet. Kull każ jiġi ġġudikat separatament skont il-mertu tiegħu abbażi tal-Avviż Legali 159 tal-2017. Fir-rigward tal-irziezet, dawn iridu jkunu wkoll konformi mal-liġijiet relattivi Maltin u Ewropej. Finalment dawn l-applikazzjonijiet jiġu ġġudikati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità.

Awtorità tal-Artijiet – reġistru ta’ artijiet li huma bi qbiela għand terzi jew vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet għandhiex katast (reġistru) ta' artijiet li huma tal-Gvern jew tal-Joint Office u jekk humiex bi qbiela għand terzi jew inkella vakanti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tip ta’ reġistru, li ġie mgħoddi lill-Awtorita tal-Artijiet mid-Dipartiment tal-Artijiet, jeżisti. Ngħarraf lill-Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu trid l-ewwel tiġi estratta mill-Geographical Information System u wara minn diversi fajls li għadhom ma ġewx diġitizzati fuq sistema elettronika. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont konsiderevoli ta' siegħat ta' xogħol u riżorsi sabiex tinġabar. Fl-assenza ta' raġuni valida għaliex l-Onor. Interpellant jixtieq jingħata din l-informazzjoni, ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Joint Office/Gvern – raba’ agrikola li mhux tinħadem/vakanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, lokalità b'lokalità, kemm-il tomna raba' agrikola tal-Gvern jew tal-Joint Office qiegħda bi qbiela għand terzi u kemm-il tomna raba' agrikola hi vakanti u ma qiegħed jaħdimha ħadd?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija impossibli tikkumpilaha riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment li ma sarx matul iż-żmien fi proċessi li jagħmlu din it-tip ta’ informazzjoni disponibbli u aċċessibli f’qasir żmien. Tapprezza li biex tinġabar l-informazzjoni fuq medda ta’ iktar minn 25 sena, tirrikjedi ħafna xogħol u ħin u jkun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Jekk l-Interpellant irid informazzjoni dwar xi każijiet speċifiċi, nitolbu jagħmel mistoqsija apposta u jagħtina aktar dettalji biex eventwalment tinġabar l-informazzjoni mitluba.

Baħrija – ir-Ropp – katusi miżduda

Question

Nirreferi għall-inħawi ta’ Ir-Ropp (Ras ir-Raħeb) il-Baħrija u l-ġibjun tal-ilma. Il-katusi li jilqgħu l-ilma ilhom miżduda bil-ġebel żmien, u f’xitwa sħiħa minkejja l-ilmenti li saru ma ġewx irranġati. L-ilma tal-ġibjun li jintuża bejn il-bdiewa fis-sajf jidher li mhux ser jinġabar. Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm biex il-katusi miżduda bil-ġebel jinbidlu? Jista’ jgħid meta għandu jinbeda dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan l-ilment lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura biex jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Salini – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jara min hu responsabbli sabiex jiġu nstallati 12-il bus shelter li hemm nieqsa minn ħdejn il-grawnd tal-futbol ta’ Sirens FC u tul Triq il-Kosta kollha li tinkludi wkoll il-viċinanzi taż-żona residenzjali fis-Salini? (Din id-domanda ilhi nagħmilha għal aktar minn sentejn).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament ġie identifikat il-kuntrattur il-ġdid inkarigat mill-installazzjoni tal-bus shelters ġodda f'diversi lokalitajjiet f'Malta u Għawdex fuq in-network tat-trasport pubbliku. Fost dawn hemm dawk fi Triq il-Kosta li jinkludu il-bus shelters li hemm referenza għalihom f'din il-mistoqsija.