B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25091, peress li ma baqax fornitur wieħed tat-telefonija li s-servizz tiegħu jibqa’ jaħdem mingħajr elettriku, jista’ l-Ministru jikkunsidra li mas-sistema tat-Telecare tiġi installata backup battery biex ikunu jistgħu jsiru telefonati bi kwalunkwe fornitur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-fornitur tas-servizz baqa’ l-istess bħal qabel imma għandu arranġamenti mal-kumpaniji tat-telefonija kollha, u l-apparat tat-telecare jaħdem permezz ta’ linja telefonika. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandux kontroll fuq ħsarat jew qtugħ ta’ servizz tal-linji telefoniċi.
Sptar Mater Dei — Ingaġġ ta' staff ġdid fl-Emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25102 u jgħid kemm ġie ingaġġat staff ġdid (infermiera u tobba) fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fis-sena 2024 u kemm irriżenjaw jew ġew trasferiti mill-impjieg tagħhom mis-settur tal-Emerġenza?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-2024, fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei ġew ingaġġati 5 Medical Officers u 20 Basic Specialist Trainees, kif ukoll 46 infermiera full time u 10 part time.
Infurmat li matul 2024, kien hemm riżenji ta’ żewġ tobba u tmien infermiera.
B'hekk kif wieħed jista' jara, l-istaff compliment f'dan id-Dipartiment kompla jissaħħaħ fir-riżorsi umani.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25099 u jgħid kemm infermiera, tobba u allied health professionals irriżenjaw mill-impjieg tagħhom fis-settur pubbliku fis-sena 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fis-sena 2024 ġew inganġati 178 tabib u irriżenjaw 36, għar-rigward tal-infermiera ġew inganġati 342 il-infermier u ireżenjaw 53, u għar-rigward tal-allied health professionals ġew inganġati 40 u iriżenjaw 13.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-Costings (liema sena tlestiet) tas-servizzi tal-Isptar Mater Dei, liema servizzi għandhom konsulenza kontrattwali speċifika għalihom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Vjaġġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
(a) kemm-il vjaġġ għamel barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni?
(b) X'kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament?
(c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b'direct order jew tender, x’tip ta' biljetti tal-ajru nqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma' liema kumpanija tal-ajru?
(d) Kemm kien it-tul ta' żmien għal kull vjaġġ?
(e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskop għal safar uffiċċjali ikun marbut ma' laqgħat ma' Ministri ta' Gvernijiet, laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u laqgħat oħra li għalihom ikun hemm stediniet uffiċċjali bħala Ministru tal-Gvern. L-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma rregolati skont il-Manual on Transport and Travel Policies, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tat-tul ta' żmien għal kull vjaġġ, naħseb li l-Onor Interpellant jifhem li dan ikun jiddependi mill-aġenda taż-żjara barra l-pajjiż. Ninfurmah li matul l-2024, kemm ilni Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, kien hemm 11-il vjaġġ uffiċċjali.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Segretarjat għall-Anzjanità Attiva – Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lil Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 24842.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2025?
Att dwar is-Saħħa — Servizzi/benefitċċji u Spiża u tariffi
Question
Jista’ l-Ministru jelenka l-ispiża u/jew it-tariffi aġġornati marbuta ma’ kull benefiċċju, servizz, intervent u trattament hekk kif provdut fl-Att dwar is-Saħħa (Kap. 528)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — ħaddiema reġistrati b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm inħawi li fihom it-tbattil tad-drenaġġ għadu jsir permezz ta’ bowsers? Fejn jinstabu dawn il-fosos, lokalità b’lokalità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Anzjani li jgħixu f’residenza b'kera — Servizz ta’ handyman
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk anzjan li jgħix f’residenza b'kera huwiex intitolat għas-servizz ta’ handyman f'dik l-istess dar fejn jgħix minkejja li għandu dar oħra fuq ismu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-servizz tal-handyman jingħata fl-indirizz tar-residenza tal-anzjan/a skont kif jidher fuq il-Karta tal-Identità.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet għaliex persuni ġew rikoverati fl-Isptar Mater Dei matul is-sena 2024, maqsuma xahar b’xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur mill-isptar Mater Dei, r-raġunijiet ewlenin għaliex il-pazjenti ġew rikoverati fl-isptar Mater Dei fis-sena 2024 jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla u fiex waslu x-xogħlijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-offerti sottomessi għat-tender “Twaqqigħ, id-disinn, il-bini, iż-żamma u l-ġestjoni tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla” bħalissa qegħdin fl-istadju ta’ evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kif u għaliex it-thickener li jiżdied mal-ikel u max-xorb għall-anzjani f’San Vinċenz de Paul jinsab out of stock, meta huwa meqjus essenzjali għall-anzjani?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-reġistru aġġornat li fih jinkludi l-benefiċċji, servizzi, interventi u t-trattamenti kollha provduti mis-sistema pubblika tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta pazjent jirrikorri għand speċjalist, isir dak kollu possibbli biex jitfejjaq permezz tas-servizz eċċellenti tas-saħħa li noffru ġewwa pajjiżna. Fil-preżent, kull pazjent b’mard serju (eż. kanċer) jiġi diskuss waqt Multi-Disciplinary Meetings li jiggarantixxu kwalità, governanza u trasparenza. F’każijiet rari fejn it-trattament ma jistax isir lokalment, hemm arranġamenti ma’ sptarijiet barranin fejn il-pazjent jiġi mibgħut għal dak li jkollu bżonn.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-ewwel fażi tal-isptar il-ġdid ġewwa Għawdex, li ġiet imwiegħda li kellha titlesta sal-ewwel kwart ta' din is-sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li x-xogħol relatat mal-istudji ġeoteknici ġew konklużi, bir-rapporti tar-riżultati jkunu f’idejna fil-ġimgħat li ġejjijn. It-tenders relatati mar-rilokazzjoni ta’ pazjenti u servizzi fil-binja ta’ nofsinhar tal-isptar qegħdin fi stadji varji tal-proċess tal-akkwist. Id-dokumentazzjoni relatata mal-immaniġjar tal-proġett ġiet żviluppata u qed tiġi riveduta. Ġie konkluż il-proċess ta' konsultazzjoni tas-suq ma' azjendi potenzjali li joffru s-servizzi relatati ma’ disinn u superviżjoni għall-isptar akut il-ġdid. Konkluż ukoll il-proċess ta’ verifikazzjoni tal-ispejjeż tal-proġett.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Iterpellant għall-proċeduri ta’ akkwist spjegati fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku għaliex l-awtorizzazjoni tad-direct orders mhux fir-responsabbilità tiegħi.
Għaldaqstant il-Contracting Authority tippublika l-informazzjoni fuq il-Gazetta tal-Gvern għal kull xiri li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.