Legislature:
Category:
Reset
Active:

Twaħħil ta' meters fuq boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twaħħlu meters fuq boreholes sal-lum? Kemm minn dawn il-meters twaħħlu fuq boreholes li jintużaw għal skop agrikolu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s'issa twaħħlu 109 arloġġ. L-ebda wieħed minn dawn ma twaħħal fuq borehole li huwa reġistrat għal-skop agrikolu. Il-proċess biex jibdew jitwaħħlu l-arloġġi fuq boreholes agrikoli mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjien.

Wasteserv — Tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tat-tender maħruġ mill-Wasteserv WSM/248/2010, kuntratt perjodiku għal manutenzjoni ta' roundabouts u tindif ta' toroq f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-WasteServ għandha obbligu morali li tnaddaf toroq u roundabouts viċin l-faċiliitajiet tal-waste management biex iżżomm il-lokalità nadifa wara l-użu minn numri konsiderevoli ta’ vetturi li jkunu qed iġorru l-iskart. Kien għalhekk li l-WasteServ wara qbil mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra u tax-Xewkija ħarġet din it-tender.

Sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru issa jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13977 u 14675 u jgħid x’sar u kemm intnefqu flus kull sena mill-1999 sal-2010 għat-titjib tas-sistemi tal-ġbir tal-ilma tax-xita għall-użu fl-agrikoltura f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li d-Direttorat tas-Servizzi għandu biss informazzjoni ta’ xogħlijiet li saru mill-Valley Management Unit dwar tindif ta’ widien, ilquh u ġibjuni bejn l-2008 u l-2010. Ovvjament dawn ix-xogħlijiet ma jsirux biss biex jibbenefika s-settur agrikolu. Ta’min jinnota li jsir xogħol ta’ lqugħ ta’ ilma għas-settur agrikolu mill-privat. Fil-fatt 74 bidwi bbenefika minn €1.4 miljun għall-bini ta ġwiebi u ħażna tal-ilma permezz tal-miżura 121 fil-perjodu 2009 sa l-2010. Dwar Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

Xatt ta' Marsaxlokk — railings tal-ħadid madwar ix-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fix-xatt ta' Marsaxlokk hux se jkun hemm railing tal-ħadid madwar ix-xatt kollu li jifred fejn kien pavimentat minn mal-baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li se jitwaħħlu railings tal-ħadid fejn hemm l-islipways iż-żgħar li jisporġu ġol-promenade. Mhux ippjanat li jsir railings tul il-promenade minħabba li b'hekk jingħalaq l-aċċess għas-sajjieda li jużaw dan il-moll. Dan ġie deċiż bi qbil mal-Kunsill Lokali ta' Marsaxlokk.

Building energy performance assessors

Question

Issa li għadda żmien adegwat biex ġew solvuti l-problemi tas-software u anki hemm għadd ġmielu ta' building energy performance assessors kwalifikati, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ċertifikati binjiet s’issa lokal lokal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s’issa l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini għadu ma rċieva l-ebda talba għar-reġistrazzjoni ta’ ċertifikat tal-EPC. Dan l-uffiċċju qiegħed għalhekk b’mod pro-attiv jiġbor informazzjoni dwar bejgħ ta’ bini li sar kif ukoll ta’ permessi li ddaħlu l-MEPA minn meta s-software ġie mpoġġi għad-dispożizzjoni tal-assessuri biex ikun jista’ jibda joħroġ avviżi lis-sidien biex jikkonformaw mal-liġi.

Marsa incinerator — tip ta' fuel li jintuża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jintuża xi tip ta' fuel fil-Marsa incinerator? Jekk iva, xi fuel qed jintuża – LHO jew TFO?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-fuel li jintuża fl-inċineratur huwa gasoil. Sadanittant l-istedina biex l-Onor. Interpellant iżur l-impjant ħalli jifhem il-proċess għadha miftuħa.

Fondi Ewropej li tħallsu għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena mill-2004 ‘l hawn taħt: i EAGGF Guarantee ii Agricultural Fund for Rural Development iii ARGO Funds

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni dwar i u ii qed tinġabar. Dwar it-iii nitlob l-Onor Interpellant jispeċifika għal xiex qed jirreferi b’ARGO funds.

Rapport dwar il-mitigazzjoni tal-klima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21598 u jgħid kemm mis-96 proposta tar-rapport dwar mitigazzjoni tal-klima diġà ġew implimentati aktar minn sena wara li ġie approvat ir-rapport mill-Parlament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapport dwar il-mitigazzjoni tal-klima ma jinkludix biss proposti b’terminu ta’ żmien definit. Infatti mas-sittin rakkmandazzjoni jew għandhom terminu ta’ żmien indikat li għadu m’għaddiex jew saħansitra ma fihomx terminu ta’ żmien.

tiżjin tal-Milied fir-roundabouts

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jagħti l-ordni biex iżejnu r-roundabouts? Jista' jgħid jekk dan huwiex l-istess kuntrattur li jżejjen ir-roundabouts kollha ta' Malta fi żmien il-Milied jew jekk hijiex ir-responsabiltà tal-kunsilli li jżejnu dawn ir-roundabouts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li r-roundabouts li jaqgħu taħt r-responsabiltà tal-Gvern Ċentrali jiżżejnu fuq struzzjoni tal-Gvern Ċentrali. Ix-xogħol isir mill-ELC. Xi kunsilli talbu lil ELC biex ukoll jżejnu roundabouts fil-lokal tagħhom jew roundabouts arterjali viċin tagħhom.

tiżjin fir-roundabouts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġu jiswew lill-Gvern Malti t-tiżjin tar-roundabouts fi żmien il-Milied? Kull kunsill iħallas il-parti tiegħu jew il-gvern ċentrali jagħmel dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lit-tiżjin fir-roundabouts isir bħala parti mill-manutenzjoni bi spiża ghall-ELC u ll-gvern ma jħallas xejn. Fejn it-talba issir mill-kunsill, l-ELC jitolbu ħlas żgħir tal-konsum tad-dawl lill-kunsill.

Wasteserv — ġbir ta' televiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu t-televiżjonijiet użati li qed jinġabru mill-Wasteserv bħala skart?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi t-televizjonijiet jinżammu fid-diversi Ċentri għall-iskart goff f’Malta u Għawdex kif ukoll ġo faċilità ta’ ħażna fil-Marsa.

Ġnien George Bonello de Puis — watchman

Question

Issa li Ġnien George Bonello de Puis f'tas-Sliema huwa miftuħ għall-pubbliku, u peress li l-istess ġnien huwa mgħammar b'sistema ta' CCTV, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex qed ikun hemm watchman għassa mal-istess ġnien matul il-lejl?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi fil-ġnien hemm CCTV system li tirrekordja dak li jkun qed jiġri minħabba li fl-inħawi hemm ammont ta’inġenji u materjal tad-dipartiment konness ma’ xogħol ieħor li qed jitkompla wara l-perjodu tal-Milied u l-festi kif ukoll għax hemm ħtieġa li għal ċertu perjodu taż-żmien, it-turf ma jistax jintrifes biex ikun jista’ jikber sewwa, is-security officers tal-Ministeru qegħdin ikunu fil-post biex jassiguraw li din il-ħtieġa tiġi rispettata. Mhux eskluż li jinżammu security guards eventwalment jekk tinħass il-ħtieġa. Tajjeb wieħed jinnota li inkluż fl-Adventure Park f’Ta’Qali nżammet il-preżenza ta’ uffiċjali bħal dawn biex ikun assigurat li ma jsirx ħsara lill-playing equipment u l-materjal inġenerali tal-post.

Problema dwar il-ħasil tal-kaxxi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jittieħdu biex il-problema dwar il-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija tiġi solvuta? Minbarra hekk, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx talbiet quddiem il-Ministeru biex il-ħaddiema tal-kumpanija responsabbli mill-ħasil tal-istess kaxxi tħallashom dak li hu dovut lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi għall-istqarrija li l-Gvern ippublika nhar il-ġimgħa 7 ta’Jannar 2011. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kellu talba quddiemu u b’turija ta’ rieda tajba ħallas fil-5 t’Ottubru 2010 mingħajr ebda preġudizzju għad-drittijiet legali tiegħu.

Twaqqif tas-swieq tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jikkonċerna t-twaqqif tas-swieq tal-bdiewa, f'inħawi oħra ta' Malta, wara s-suċċess li jidher li nkiseb bit-twaqqif tas-suq f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għaddej b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u dalwaqt se jħabbar il-ftuħ ta’ suq ieħor.

Dipartiment tal-Agrikultura — Bejgħ ta' siġar tal-frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux se jkun hemm bejgħ ta' siġar tal-frott mid-Dipartiment tal-Agrikultura? Jekk iva, liema tipi ta' siġar tal-frott fil-fatt hu mistenni li jkunu qed jinbiegħu din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-Direttorat tal-Agrikoltura bħas-soltu f’Ottubru tas-sena l-oħra għamel sejħa għall-pubbliku biex jordna s-siġar tal-frott li hu maħsub li se jitqassmu matul ix-xahar ta’ Frar. Fost dawn is-siġar hemm varjetajiet ta’ ħawħ, nuċiprisk, għajnbaqar, pruna, berquq, ċirasa, lanġas, bambinella u tuffieħ, lewż ħelu, varjetajiet ta’ tin u rummien, u ċawsli.

annimali li jitqegħdu fil-kwarantina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-pajjiżi li minnhom għadu obbligatorju li meta jinġiebu annimali ħajjin, dawn jitqiegħdu fil-kwarantina? Kemm hemm annimali fil-kwarantina preżentement?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-annimali li jitqegħdu fil-kwarantina jkunu dawk li joriġinaw minn pajjiżi fejn l-istat tas-saħħa tal-annimali huwa differenti minn dak tal-istess speċi f’Malta jew inkella li ma jkollhomx id-dokumentazzjoni jew it-testijiet mitluba bir-regolament mhux ippreżentati. Tajjeb ngħidu li għal kull speċi t’annimal hemm kundizzjonijiet differenti u pajjiżi differenti nklużi dawk fl-Unjoni Ewropeja. Is-sitwazzjoni tinbidel minn ħin għal ieħor jiddependi fuq il-kundizzjoni tas-saħħa tal-annimali f’dak il-pajjiż jew jekk kemm-il darba minn ħin għal ieħor tiżviluppa xi epidemija. Bħalissa fil-faċilità hemm sebat iklieb u sitt iqtates kwarantina.

Ta' Qali — Ċentru tal-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li matul dawn l-aħħar ġimgħat, kemm ilu li nfetaħ iċ-ċentru tal-annimali f'Ta' Qali, ħadu l-annimali tagħhom hemmhekk jew għall-kura, jew biex jinżammu għal perjodu qasir ta' żmien kif jippermettu l-istess kundizzjonijiet imposti minn dan il-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bejn it-3 ta’ Ottubru 2010 u d-9 ta’ Jannar 2011 fiċ-ċentru ittieħdu 8011 annimal.

Heritage Oil Corporation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern ta’ Malta u s-socjeta’ Heritage Oil Corporation għadux in vigore? Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar ittra mibghuta f’Marzu 2008 mill-mexxej Libjan Gaddafi lis-socjeta’ Heritage Oil Corporation? Jista' l-Ministru jikkonferma li attwalment l-esplorazzjoni għaż-żejt mill-kumpanija Heritage Oil Corporation twaqqafx minħabba l-protesta u l-pressjoni tal-Gvern Libjan u jagħti d-dettalji? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-pressjoni magħmula mill-Gvern Libjan sabiex ma jsirx tħaffir għaż-żejt minn Malta f’dik il-parti tal-Mediterran magħrufa bħala zona 7 u jagħti d-dettalji? Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern Malti iddikjara s-sovranita’ fuq l-imsejħa żona 7 ai finijiet tad-dritt internazzjonali? Jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri beħsiebu jieħu l-Gvern sabiex jasserixxi s-sovranita’ tal-pajjiż fuq it-territorju kollu ta' Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-kuntratt ma Heritage oil għadu in vigore.Jien infurmat ikoll li ma ntbagħtet ebda ittra kif indikat mill-Onor Interpellant. L-esplorazzjoni ma twaqqfitx, fil-fatt il-kuntratt għadu in vigore.Saru diversi laqgħat mal-Gvern Libjan propjament fuq dan is-suġġett u ntbagħtu ittri ta’ protest fuq din iż-żona. Il-pożizzjoni tal-Gvern Malta hi li Area 7 hija parti mill-blata kontinentali ta’ Malta u għalhekk Malta tgawdi minn drittijiet sovrani f’din iż-żona għat-tiftix u esplojtazzjoni ta’ riżorsi naturali skont kif tippermetti l-liġi internazzjonali. Tajjeb niftakru li meta Malta ħafret għaż-żejt fuq il-Medina Bank (fl-1980), il-kumpanija Texaco kienet imwaqqfa mill-Gvern Libjan. Il-Gvern Malti imbagħad mar l-ICJ iżda l-Qorti ma ddeċiditx dwar il-parti tal-Medina Bank minħabba li saret oġġezzjoni mill-Italja. Il-claims ta’ Malta fuq Area 7 kienu preżentati fl-ICJ u dawn għadhom l-istess. Il-Gvern għadu għaddej b'diskussjonijiet mal-Libja u l-Italja.

WasteServ — kontribuzzjonijiet/sponsorships u /jew adverts lill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk ingħatawx kontribuzzjonijiet/ sponsorships u /jew adverts ta’ kull xorta lil diversi kunsilli lokali matul is-snin 2008 u 2010 mill-kumpanija WasteServ? Jekk fl-affermattiv; a) Fiex kienu jikkonsistu, kunsill b'kunsill u d-data ta’ meta ngħataw; b) X'kien l-iskop tal-kontribuzzjoni jew sponsorship , in konnessjoni ma' xiex u l-ammont f'kull każ; c) jekk adverts , jingħataw id-dettalji, bħal (1) leaflets (2) reklami f’rivisti (tingħata f’liema rivista) eċċ.u l-ispiża konnessa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm żewġ kunsilli lokali li matul is-snin 2008 u 2010 ibenefikaw minn sponsorship tal-kumpannija Wasteserv huma l-Kunsill Lokali Għarb – f’Marzu 2008 in konnessjoni mal-attività Seher il-Punent li ppartecipat fiha l-WasteServ. L-ammont kien ta € 1,164.69 u l-Kunsill Lokali Marsascala – f’Awwissu 2010 in konnessjoni ma Jum Marsascala, li fih ippartecipat il-WasteServ. L-ammont kien ta €500. Dawn l-isponsorships ingħataw wara talba li saret mill-istess kunsilli lokali.

Wied tas-Salina — proġetti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19154, jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett hemm ippjanat fl-inħawi tal-Wied tas-Salina? Liema huma u f'liema stadju waslu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Minn naħa tal-Ministeru tiegħi hemm pjanat żewġ proġetti: wieħed ġo Wied il-Għasel li bħalissa qiegħed jistenna il-permess mill-MEPA u wieħed għar-riabilitazzjoni tas-salini li hu maqsum fi tliet fażijiet. Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 5591, 15699 u 18146.