Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-uffiċjali kollha minn manager ’il fuq (sas-CEO) tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-Aġenziji li jaqgħu taħt l-FSWS, bid-dettalji tar-responsabiltajiet tagħhom u l-pakkett sħiħ ta’ kull uffiċjal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — infiq ta' flus f'reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1889 u jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkunu mgħarraf bl-attivitajiet / inizjattivi li jittieħdu.
B’referenza għal dak li qed jistaqsi dwaru l-Onor. Interpellant, it-tagħrif għall-perjodu ta’ ħames snin kif indikat minnu hu kif ġej:
Inflation Media Productions (Kalamita): €30,621
ONE Productions (Espresso): €2,832
Korpi Dixxiplinarji ta’ Malta – ex ħaddiema tas-servizzi li għadhom ma laħqux l-età pensjonabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ eks ħaddiema tas-servizzi, ċjoè Korpi Dixxiplinarji ta' Malta li huma: il-Pulizija, il-Forzi Armati, il-Faċilità Korrettiva u l-Protezzjoni Ċivili dwar in-numru ta’ persuni li għadhom ma' laħqux l-età pensjonabbli, li jirċievu biss il-Pensjoni tat-Teżor u mhux f'impjieg għas-sena 2021?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prerekwiżiti biex wieħed jaħdem bħala social worker fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, sabiex wieħed jaħdem bħala ħaddiem soċjali jkollu bżonn waħda mill-kwalifiki kif indikat hawn taħt hekk kif jitlob il-Kap. 468 tal-Liġijiet ta’ Malta li jirregola lill-istess professjoni. Dawn il-kwalifiki huma:
· Diploma (livell 5) fis-social work
jew
· Lawrija fil-livell ta’ Baċċellerat (livell 6) fis-social work
jew
· Lawrija fil-livell ta’ Master’s (livell 7) fis-social work
FSWS – social welfare professionals — prerekwiżiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prerekwiżiti biex wieħed jaħdem bħala social welfare professional fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, sabiex wieħed jaħdem bħala Social Welfare Professional (SWP) jkollu bżonn il-kwalifika f’Livell 6 fl-Istudji Umanistiċi (Humanities).
FSWS – social workers u social welfare professionals – rwoli u funzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’jiddistingwi r-rwoli u l-funzjonijiet tas-social workers u s-social welfare professionals fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li s-Social Work hi professjoni illi hi rregolata mill-Kap. 468 tal-Liġijiet ta’ Malta u hija professjoni li hija abbinata ma’ taħriġ speċifiku.
Meta l-istudenti jiggradwaw bħala ħaddiema soċjali, ikunu l-ewwel iridu jagħmlu perjodu ta’ sentejn ta’ xogħol taħt superviżjoni biex wara jingħataw warrant illi jippermettilhom jerfgħu ċerti responsabbiltajiet professjonali, u anke jaħdmu b’mod aktar indipendenti u mhux aktar taħt is-superviżjoni ta’ social worker ieħor.
Is-Social Work, bħala professjoni, taqdi erba’ rwoli prinċipali mal-klijenti tagħha. Dawn huma:
1. Rwol ta’ għalliem soċjali;
2. Rwol ta’ facilitator fil-ħajja tal-klijenti;
3. Rwol ta’ medjatur (mhux legali) fejn hemm bżonn;
4. Rwol ta’ social broker fejn dan iqabbad lil klijent ma’ servizzi li huma idoneji għal persuna.
Permezz ta’ proċess ikkurat ta’ assessment, is-social worker jipprova jifhem il-persuna li qed jgħin x’għandha bżonn sabiex tintegra iktar fis-soċjetà u b’hekk ikun mfassal pjan ta’ kura (care plan) kemm jista’ jkun totali sabiex ċertu nuqqasijiet ikunu sorveljati u eventwalment riżolti.
Funzjoni oħra importanti ta’ ħaddiem soċjali hi li jiġġenera rapporti illi apparti li joffru sfond ta’ verifika u assessment, joffru ukoll opinjoni jew ipoteżi informata skont il-mestier.
Is-Social Welfare Professional hu titlu, illi fl-FSWS jingħata lil dawk il-professjonisti illi huma ggradwati f’suġġetti umanitarji illi għandhom it-taħriġ neċessarju sabiex jassistu lin-nies fuq diffikultajiet prattiċi. Filwaqt li Social Welfare Professional ma jistax jieħu inkarigu b’mod indipendenti, jew jagħmel interventi li huma iktar intiżi sabiex jgħinu lil persuna tinbena għal bidla, dawn il-professjonisti jagħmlu ħafna xogħol siewi ta’ assessjar, verifiki, ġbir ta’ informazzjoni, assistenza prattika mal-klijenti, eċċ. Is-Social Welfare Professional, bħas-Social Worker jagħmel rapporti fuq verifiki illi jkun għamel, imma dan ma jistax jagħmel ipoteżi soċjali fuq il-każ inkwistjoni, anke għax diversi liġijiet bħal dik tal-protezzjoni tal-minuri u tal-vjolenza domestika jitolbu li tali rapporti, speċjalment fejn iridu jiġu ppreżentati fil-Qrati jridu jsiru minn social worker bil-warrant.
Tajjeb li nikkonkludi billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li n-nomenklatura ta’ Social Welfare Professional (SWP) mhix professjoni ivvintata u kkreata milll-FSWS imma hija professjoni u nomenklatura li qed tintuża wkoll barra minn Malta u dan minħabba li f’pajjiżi barranin ukoll hemm nuqqas ta’ social workers u li, allura, qed jiġu indirizzat ukoll b’dan il-mod.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-biografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex meta pensjonanti jirċevu l-avviż ta’ kemm tħallsu u/jew kemm ser jitħallsu pensjoni, fin-notifika li tintbagħtilhom ma jkunx hemm miktub in-numru IBAN tal-kont tal-bank tagħhom sħiħ u dan minħabba l-fatt li ladarba n-notifika tintbagħat bil-posta, hi faċli li din tinfetaħ minn terzi u jista’ jkun hemm persuni li jabbużaw jew jagħmlu użu mhux mixtieq minn tali informazzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1926 u ċjoè: B’referenza għat-tagħrif li ta fil-konferenza stampa tal-1 ta Ġunju 2022 dwar ħlas lil dawk li sofrew anomaliji u inġustizzji, jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew it-taħditiet mar-rappreżentanti tal-ex-ħaddiema tal-PBS dwar il-kwistjoni tal-pensjoni tagħhom, in vista tal-wegħda elettorali nru 109 u l-fatt li dawn l-inġustizzji ġew konfermati b'sentenza mill-Qorti fl-2017? Jista' l-Gvern jgħid hux ser jimxi mal-wegħda tiegħu jew hux ser ikompli bl-appell li fetaħ kontra din is-sentenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kwistjoni flimkien ma’ oħrajn se jkunu qed jiġu ttrattati matul din il-leġislatura kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1344 u jindika kemm huwa t-total ta’ persuni f’Malta li qed isegwu programm minħabba li għandhom il-problema tax-xorb? Fejn qegħdin isegwu l-programm tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tagħrif li ta fil-konferenza stampa tal-1 ta Ġunju 2022 dwar ħlas lil dawk li sofrew anomaliji u inġustizzji, jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew it-taħditiet mar-rappreżentanti tal-ex-ħaddiema tal-PBS dwar il-kwistjoni tal-pensjoni tagħhom, in vista tal-wegħda elettorali nru 109 u l-fatt li dawn l-inġustizzji ġew konfermati b'sentenza mill-Qorti fl-2017? Jista' l-Gvern jgħid hux ser jimxi mal-wegħda tiegħu jew hux ser ikompli bl-appell li fetaħ kontra din is-sentenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 876 u jgħid kemm hawn tfal taħt care order illum u x’inhi r-raġuni għalfejn inħarġu dawn il-care orders?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li mir-records tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal (Protezzjoni tal-Minuri) u d-Direttorat għall-Kura Alternattiva (Tfal u Żagħżagħ) fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) preżentement hawn 441 minuri protetti skont l-Ordnijiet varji li jippermetti l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Dawn l-Ordnijiet varji huma elenkati u dettaljati fit-Tabella Nru 1, hawn taħt.
Tabella Nru 1: Ordnijiet għall-Protezzjoni tal-Minuri Skont Kap 602
(Mejju, 2022)
290
Ordnijiet ta’ Ħarsien attivi fuq minuri taħt it-18 -il sena
6
Ordinijiet ta’ Emerġenza ikkonvalidati mill-Qorti tal-Minorenni fuq minuri taħt it-18-il sena
15
Ordni Proviżorju
pendente lite
quddiem il-Qorti tal-Minorenni li qed tisma’ l-provi sabiex tkun ikkonfermata Ordni ta’ Ħarsien
75
Ordni ta’ Ħarsien attivi taħt l-art 21 tal-Kap. 602 tal-liġijiet ta’ Malta, ossia ordnijiet ta’ unaccompanied minors
51
Ordnijiet Proviżorji ta’ Ħarsien taħt l-art 21 tal-Kap. 602 tal-liġijiet ta’ Malta, ossia ordnijiet ta’ unaccompanied minors
4
Ordnijiet ta’ Superviżjoni
L-ordnijiet hawn imsemmija jkunu inħarġu minħabba raġunijiet varji, illi essenzjalment u inġenerali jistgħu jkunu miġbura fil-kategoriji sussegwenti:
1. Illi l-minuri inkwistjoni instab illi hu f’riskju li jsofri, jew li qed isofri abbuż fuq il-persuna tiegħu jew fuq il-psike (psyche) tiegħu
2. Illi l-minuri inkwistjoni safa waħdu minħabba li l-ġenituri telqu, jew inkella mietu u allura l-minuri spiċċa orfni mingħajr il-possibilà illi jkun miġbur mal-familja
3. Illi l-minuri inkwistjoni hu minuri illi wasal Malta u għamel talba għal refuġju, u li meta wasal Malta kien mingħajr akkumpanjament ta’ kuratur adult.
Jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 879 u jgħid kemm ġew fostered tfal minn pajjiżi barranin matul is-sena l-oħra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma kienx hemm każijiet ta’ tfal li nġibu Malta esklussivament biex ikunu fostered.
Però tfal li mhumiex Maltin, iżda li ġew fostered is-sena l-oħra, hemm total ta’ 13-i1 tifel u tifla ta’ nazzjonalità barranija li ġew fostered. Dawn il-minuri kienu diġà jirrisjedu Malta fiż-żmien ta’ meta daħlu fis-sistema ta’ kura alternattiva.
NATIONALITY
Total
Philippino
1
Libian
1
Nepalese
1
Moldovian
1
Italo-Greek
1
Romanian
1
Austrian
2
Nigerian
2
Italian
3
Għotja għaċ-ċittadin anzjan ta’ €300 – anzjani li jgħixu fil-komunità
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1596, jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-anzjani ta' bejn il-75 u t-80 sena li jgħixu fil-komunità u ċjoè fid-djar personali tagħhom li jirċievu l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta' €300 (dan peress li r-risposta tirreferi għad-djar residenzjali privati)?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani li jgħixu fil-komunità li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 hu ta’ 18,237.
L-Għotja ta’ €300 tingħata lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena imma li għadhom m’għalqux it-80 sena.
Adozzjoni — pajjiżi fejn hu permess issir adozzjoni
Question
B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 1354 u 1594, jista' l-Ministru jgħid kemm tfal ġew adottati minn kull pajjiż rispettivament mis-sena 2017 sal-lum?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – infiq ta’ flus f’reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.