Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, kien hemm elf, mija u seba’ (1107) rapporti ta’ vjolenza domestika, rreġistrati mal-pulizija.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20114 u jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-8 ta' Ġunju 2024? F'liema grad/skala kienu u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16523.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Ġwiebi - Tneħħija ta’ karozza

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-karozza li r-ritratt tagħha qiegħed jintbagħat separatament, titneħħa minn Triq il-Ġwiebi, f’San Pawl il-Baħar matul il-jiem li ġejjin, hekk kif din ilha bil-liċenzja skaduta għal iktar minn sentejn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi waqt ir-ronda tal-Pulizija tad-Distrett, il-karozza li r-ritratt tagħha ntbagħat separatament ma kienetx għada fil-lok imsemmi.

Sectoral Agreement Regulating the Conditions of Service for the Police Force 2023

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-Sectoral Agreement Regulating the Conditions of Service for the Police Force 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Dan huwa l-Gvern li bil-fatti ta’ aktar drittijiet u kundizzjonijiet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija wara li ġie iffirmat ftehim kollettiv fis-sena 2018 u ftehim settorjali fis-sena 2023. Dan b’differenza għal li kien jiġri qabel. Madwar elfejn membru tal-Korp tal-Pulizija bdew igawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar permezz ta’ ftehim settorali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp. Il-ftehim settorali jfisser żidiet fil-pagi u allowances fost benefiċċji oħra bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali. Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll li l-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija jiltaqgħu ma’ bosta xenarji imprevedibbli u għalhekk l-uffiċjali se jkunu koperti bi protezzjoni legali b’rabta ma’ ħidmiethom. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz taż-żewġ unions, jiġifieri l-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers’ Union u l-Malta Police Union, laqgħu b’sodisfazzjon il-ftehim settorali li ġie ffirmat, bi qbil magħhom, minnufih wara li ntemm dak preċedenti u rrimarkaw għad-djalogu u rispett li kien hemm fin-negozjar dwar il-ftehim il-ġdid. Informat li mhux il-prassi li d-dokument sħiħ iffirmat ikun ippubblikat minħabba kunfidenzjalità, iżda provdut lill-membri permezz tal-Unions li jirrappreżentawhom

Forzi Armati ta' Malta — Sospensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Forzi Armati ta' Malta li huma sospiżi mix-xogħol, u jekk iva jgħid kemm hemm, x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-pagi waqt is-sospensjoni u x'inhi r-raġuni għas-sospensjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Forzi Armati ta' Malta għandha żewġ suldati sospiżi li qed jirċievu paga fuq bażi ‘half pay’. Dawn is-suldati qiegħdin sospiżi għaliex huma allegatament akkużati b’reat kriminali.

Gwardjani tal-Ħabs – Sospensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Gwardjani tal-Ħabs li huma sospiżi mix-xogħol, u jekk inhu l-każ, jgħid kemm hemm, x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-pagi waqt is-sospensjoni u x'inhi r-raġuni għas-sospensjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fir-rigward ta' gwardjani, hemm persuna sospiża li tirċievi 50% tal-paga. Hija ġiet sospiża wara li ġiet imressqa l-Qorti.

Protezzjoni Ċivili – Sospensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Protezzjoni Ċivili li huma sospiżi mix-xogħol, u jekk inhu l-każ, jgħid kemm hemm, x’inhuma l-kundizzjonijiet tal-pagi waqt is-sospensjoni u x'inhi r-raġuni għas-sospensjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li r-risposta hija fin-negattiv.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Uffiċjali tal-Ħabs - Safar

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar safar illi uffiċjali tal-ħabs kellhom din is-sena, u jgħid fejn siefru, min kienu l-persuni li ffurmaw dik id-delegazzjoni, kemm sewa l-vjaġġ, u x'kien l-iskop tas-safra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li minn Jannar 2024 kien hemm disa’ okkażżjonijiet. Dan jinkludu laqgħat ta' organiżżazzjonijiet internazzjonali, taħriġ u viżti ta' good practices. Delegazzjoni li tinkludi t-tabib Christopher Cremona, Charge Nurse Mr Silvio Todaro, flimkien ma’ Ms Charlene Delia, Ms Kimberly Vella, Ms Kristine Camilleri u Ms Nicole Saliba li jaħdmu fil-qasam ta’ Social Workers u l-psikoloġija attendew għall-konferenza dwar saħħa mentali ġewwa Amsterdam. Din swiet €1821.52 Uffiċjal attenda għall-kors ta’ K9 ġewwa Sussex, ir-Renju Unit. €93.74 Ġewwa Ruma, il-Kap Eżekuttiv, Prof. Joe Giordimaina u s-Svetlana Muscat ffurmaw delegazzjoni li attendew ġewwa l-Università ta’ Siena u għal żewġ żjajjar f’ħabsijiet f’Ruma. €957.02 Ġewwa Istanbul, il-Kap Eekuttiv, Prof. Joe Giordimaina u Svetlana Muscat attendew Technology in Corrections. Din swiet €1,694 (L-ispejjeż tal-ivjaġġar u akkomodazzjoni ta’ Dr Giordimaina ġew imħallsa mill-Università ta’ Malta.) Delegazzjoni li attendew ġewwa żewġ ħabsijiet ġewwa li-Skozja fejn qasmu idejat u raw kif jitħaddmu l-ħabsijiet ġewwa dan il-pajjiż. Id-delegazzjoni attendiet ukoll numru ta’ lektures fil-kwartieri ġenerali tal-ħabsijiet Skoċċiżi. Din żaret ukoll iċ-ċentru ta’ taħriġ tal-istess uffiċjali Skoċċiżi, kienet tinkludi lil Mr Christopher Sammut, Prof Giordmaina, Mr Jonathan Paris, Mr Antonio Bonnici, Mr Anthony Farrugia u Mr Roderick Coreschi. Din swiet €2,067.7

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-kompożizzjoni tat-tmexxija tal-ħabs billi jipprovdi lista' ta' karigi u ismijiet li jokkupaw dawk il-karigi? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma membri fis-servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi huwa is-Sur Christopher Siegeresma, li huwa professjonist fl-oqsma tal-kura u tas-saħħa mentali, filwaqt li l-Kurunel Etienne Scicluna jokkupa l-irwol ta' Chief Operations Officer.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Ingaġġ jew impjieg full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għandhomx jew kellhomx xi forma ta' ingaġġ jew impjieg full-time jew part-time jew nomini fuq bordijiet ta' entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju għal kull rwol li jista’ jkollu jew kellu/kellhom/kellha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi hu Chairperson tal-Bord tal-Parole. Ir-remunerazzjoni marbuta ma’ dan il-bord hi ta’ EUR11,736.75c fis-sena. L-Avukat Alexandra Mizzi hi c-Chairperson ta-Bord ta’ Rakkomandazzjoni għal Ċittadinanza bil-Mertu. Ir-remunerazzjoni hi ta’ EUR22.95c fis-siegħa, marbuta ma’ kull darba li jitlaqqa’ l-bord. Is-Sa Marlene Mizzi hi Chairperson tal-Aġenzija Identità u konsegwenzjalment għal l-irwol tokkupa l-kariga ta’ Chairperson tal-Malta Electronic Certification Services (MECS) Ltd, fl-istess aġenzija. Ir-remunerazzjoni fis-sena marbuta ma’ dawn l-irwoli hi ta’ EUR11,092 b’expense, transport, communication u experties allowance.

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex – Laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17037, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħħa u jagħti d-dati ta’ liema laqgħat attenda għalihom li kienu organizzati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea Frontex f'dawn l-aħħar tliet snin, u jgħid fejn u ma' min saru dawn il-laqgħat u x'kien l-eżitu tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Aġenzija Frontex tkun parteċipi fid-diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern,fejn bħala Ministru responsabbli nkun mistieden għalihom. Ukoll, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Frontex kien mistieden u preżenti f’Malta għal laqgħa tal-Med 5 li saret fl- 4 ta’ Marzu tas-sena 2023. Ninsab infurmat li fl-aħħar tliet snin ma kienx hemm laqgħat Ministerjali organiżżati mill-Frontex. Għal laqgħat oħra tal-Frontex jattendu r-rappreżentanti Maltin.

Forzi Armati ta' Malta – Taħriġ organizzat mill-Frontex

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17038, jista’ l-Ministru jipprovdi “description of training” li l-Frontex organizzat għall-Forzi Armati ta' Malta għad-dati April 2023 u Jannar 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi matul il-perjodu indikat, il-membri tal-FAM attendew żewġ korsijiet organiżżati minn FRONTEX, kif jidher permezz tal-punti segwenti: Frontex pre-deployment training JO Terra u Frontex pre-deployment training JO Poseidon. L-intenzjoni tal-Kors qabel d-deployment hija li jipprepara lill-parteċipanti għall-iskjerament tagħhom fl-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex, billi jipprovdi għarfien dwar l-ambjent u l-proċeduri operazzjonali tal-Frontex u s-sikurezza tal-uffiċjali fil-prattika, skont id-drittijiet Fundamentali u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti għaddew mill-moduli/kapitoli kollha b’mod indipendenti. Fl-aħħar ta’ kull kapitolu l-parteċipanti kellhom jgħaddu minn testijiet sabiex ikunu jistgħu jipproċedu għall-fażi li jmiss. Saru xi restrizzjonijiet relatati mal-kisbiet (pereżempju 80% tat-tweġibiet korretti) biex jiggwidaw lill-parteċipanti matul dan il-kors.

Persuni b’ċittadinanza mhux Maltija bid-dritt tal-vot

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hawn persuni f'Malta li għandhom ċittadinanza mhux Maltija u huma eleġibbli jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta' Ġunju 2024 rispettivament skont l-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Identità — Single Permit Policy għal TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-policy tal-għoti ta' Single Permit għal Third Country Nationals (TCNs) ma’ Identità? Jista’ jgħid ukoll jekk is-shareholders jistgħux jingħataw work permit u konsegwentement Single Permit bħal kull applikant ieħor jew jekk hemmx il-ħtieġa ta' investiment ta' minn tal-inqas €500,000 sabiex il-permess tagħhom jinħareġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fit-tħaddim tas-Single Permit Regulations fl-aħħar żmien. Ċittadini ta’ pajjiż terz (TCNs) azzjonisti ta’ kumpanija li huma operattivi fin-negozju tagħhom jeħtieġ li japplikaw għal Single Permit biex ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta. Bħala parti mill-proċess, dawn l-individwi jeħtieġ li jissodisfaw mill-inqas wieħed minn tliet kriterji. Kriterji: a) Kull azzjonist minn pajjiż terz (TCN) għandu jkollu kapital azzjonarju mħallas kollhu ta’ mill-inqas €500,000 li ma jistax jiġi mifdi, imnaqqas jew trasferit lil terzi matul l-ewwel sentejn mill-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg. Dan il-kapital azzjonarju għandu jikkonsisti f’injezzjoni ta’ flus kontanti/stokk f’Malta; b) Ikun għamel nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 li se tkun użata mill-kumpanija. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss minn assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Il-kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem il-kumpanija; ċ) Il-kumpanija trid tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar għandha tinnotifika formalment lil Jobsplus. Ċittadini ta’ pajjiż terz li ma rreġistrawx kumpanija u joperaw bħala sole traders jinħarġilhom work permit minn Jobsplus, iżda xorta jridu jissodisfaw mill-inqas wieħed minn tliet kriteriji. Kriterji: a) Investiment f’Malta b’nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 fi żmien sitt xhur mid-data tal-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg minn Jobsplus. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss f’assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN). L-applikazzjoni għandha wkoll tinkludi ittra ta’ referenza f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) minn bank reputabbli Malti li tiċċertifika li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) għandu l-mezzi biex jiġġenera tali kapital; b) Innovaturi b’ħiliet ta’ livell għoli, bi pjan ta’ negozju sod li għandu jiġi sottomess mal-applikazzjoni, u li jikkommettu ruħhom li jingaġġaw minn tal-inqas tlett ċittadini miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)/Svizzeri/Maltin fi żmien tmintax-il xahar mit-twaqqif; ċ) Persuna li tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar trid tkun innotifikat formalment lil Jobsplus.

Kumpaniji li għandhom shareholders li jkunu TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investiment ta’ €500,000 huwiex meħtieġ ukoll sabiex kumpanija li għandha shareholders li jkunu Third Country Nationals (TCNs) timpjega individwi oħra li jkunu TCNs?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li azzjonisti li jkunu minn pajjiżi terzi u li jkunu operattivi fin-negozju tagħhom jeħtieġ li jipprovdu evidenza ta’ eliġibbilità għal wieħed minn tliet kriterji differenti sabiex jinħarġilhom il-permess tax-xogħol. Waħda minn dawn it-tliet kriteriji hija l-investiment ta’ €500,000. Ladarba l-kumpanija jkollha impjegati reġistrati u regolari, jkunu jistgħu jimpjegaw ħaddiema minn pajjiżi terzi oħra. Kriterji: a) Kull azzjonist minn pajjiż terz (TCN) għandu jkollu kapital azzjonarju mħallas kollu ta’ mill-inqas €500,000 li ma jistax jiġi mifdi, imnaqqas jew trasferit lil terzi matul l-ewwel sentejn mill-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg. Dan il-kapital azzjonarju għandu jikkonsisti f’injezzjoni ta’ flus kontanti/stokk f’Malta; b) Ikun għamel nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 li se tkun u¿ata mill-kumpanija. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss minn assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Il-kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem il-kumpanija; ċ) Il-kumpanija trid tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar għandha tinnotifika formalment lil Jobsplus.

Malta Enterprise – Investiment ta’ €500,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investiment ta’ €500,000 huwiex meħtieġ basta l-kumpanija tkun qed tipparteċipa f’investiment skont skema ta’ Malta Enterprise?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

TCNs — Single Permits - Regoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ir-regoli tal-għoti ta’ Single Permit għal Third Country Nationals (TCNs) joħorġu u jikkwota liema liġi jew policy joħroġ dan, jekk hu l-każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-permessi maħruġa għal skop ta’ xogħol u residenza (single work permit) huma regolati u amministrati permezz tar-Regolamenti tal-2014 dwar Proċedura ta’ Applikazzjoni Waħda għal Permess Uniku fir-rigward ta’ Residenza u Xogħol u Ġabra Komuni ta’ Drittijiet għal dawk il-Ħaddiema ta’ Pajjiżi Terzi li jirrisjedu legalment f’Malta – Leġislazzjoni Sussidjarja 217.17 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema regolamenti jittrasponu d-dispożizzjoniiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/98/EC tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru.

LESA – Kiri ta’ vetturi — Kuntratt ma’ soċjetà

Question

Fid-dawl tal-kuntratt li hemm bejn il-LESA u s-soċjetà li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament, għal kiri ta' 24 vettura bil-valur ta' 108,405 Euro, u wara li s-CEO tal-LESA pubblikament stqarr illi l-LESA qiegħda tfittex parir legali dwar dan il-kuntratt, jista' l-Ministru jgħid xi rriżulta mill-parir legali, x'passi ttieħdu, u x'ser jiġri minn dan il-kuntratt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16908, 16665 u 20079. Infurmat li l-Aġenzija obbligata tonora l-proċess ta’ tendering, filwaqt li ser tkun qed tippublika sejħa għall-offerta ġdida, sabiex tkopri s-servizz imsemmi mal-iskadenza tal-kuntratt attwali.

Identità – Nefqa fuq reklami

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew biex ir-reklami ta' Identità xxandru waqt l-avveniment ta' Mużika Mużika fuq TVM fis-sena 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija Identità tgawdi minn kuntratt li għandha mal-Istazzjon Nazzjonali tal-Gvern, il-Public Broadcasting Services, magħruf bħala l-Public Service Announcements Contract. Dan il-pakkett jintuża għal spots televiżivi mifruxa fuq sena sħiħa. In-nefqa għar-reklami waqt Mużika Mużika kienet ta’ €6,750 u tnaqqsu mill-Public Service Announcements Contract. Permezz ta’ dan il-ftehim l-Aġenzija Identità, apparti li tibbenefika minn rati baxxi ta’ reklamar, tassigura li r-reklami jidhru f’ħinijiet u waqt programmi li t-target audience tkun l-aktar li qed issegwi t-televiżjoni.