Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — Skedi tat-Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kopja tal-iskedi tat-trasport pubbliku (tal-linja) kif ġew proposti minn Transport Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk wara l-introduzzjoni ta' dawn ir-rotot kienx hemm ilmenti partikolari fuq xi wħud mir-rotot minkejja l-aħħar tibdil? F'dan il-każ, liema kienu r-rotot li l-aktar ġibdu kritika?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-iskedi li ġew fis-seħħ fis-6 ta' Novembru, kif ġew ippubblikati mill-operatur tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll li mis-6 ta’ Novembru, Transport Malta rċeviet 16-il ilment fuq ir-rotot li ġew introdotti mill-istess data. Dawn l-ilmenti kienu hekk kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Rotta Destinazzjonijiet Mhux qed iżżomm ma l- iskeda Viaġġ mhux skont ir- rotta Talba biex ti żdi ed il- frekwenza Talba biex ir-rotta tiġi modifikata Tibdil fil- ħinijiet tat- tluq Total 73 Valletta – Żurrieq (Bubaqra) 2 1 3 117/ 118 Żurrieq, Qrendi, Kirkop Safi, Mqabba, Luqa, Airport u Mater Dei 4 4 206 M’Xlokk, Żejtun u Mater Dei 1 1 222 /232 Ċirkewwa – Sliema u Mellieħa – Mater Dei 2 2 35 Valletta, Mater Dei, Għargħur 3 2 5 205 Baħrija, Rabat, Mosta, Naxxar, Pembroke 1 1 Total 9 3 1 2 1 16

Trasport pubbliku — tined

Question

Jista' l-Ministru jgħid mingħand min u kemm tħallsu mill-1 ta' Lulju sal-aħħar t'Ottubru 2011 l-kuntrattur/i li qed jipprovdu t-tined biex wieħed jistkenn taħthom b'relazzjoni mat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Smart City — Obbligi tal-Gvern u tal-Kuntratturi

Question

Skont il-kuntratt miftiehem ta' meta twaqqfet Smart City, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-obbligi min-naħa tal-gvern li jekk ma jitwettqux iwasslu biex l-obbligi min-naħa tal-kuntrattur ta' kemm għandu jimpjega ħaddiema ma jibdewx jgħoddu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru 15620.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales - xogħljiet fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29924 u ċioe: Billi Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar meta jagħmel maltemp kbir tegħreq, inkluż id-djar f'din it-triq, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex meta jkun maltemp kbir din it-triq ma tkomplix tegħreq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex tistabbilixxi l-problema u b'hekk tkun tista' tikkunsidra x'interventi tista' tagħmel.

Xufiera tal-Arriva — Kwalifiki speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-Arriva għandhomx kwalifiki speċjali għas-sewqan u kif jikkwalifikaw għal-licenzja speċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Arriva Malta Ltd hi kuntrattwalment obbligata li tħaddem bħala xufier/a ta’ karozzi tal-linja dawk il-persuni li għandhom Permess ta’ Xufier validu u tag ta’ identifikazzjoni maħruġa minn Transport Malta skont ir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (L.S. 499.56). Dan il-Permess ta’ Xufier u tag jingħata bl-istess mod lil kull xufier/a ieħor/oħra li jsuq/ssuq vetturi għal ġarr ta’ passiġġieri b’kiri jew b’kumpens, bħal coaches, buses mikxufa u vannijiet, u jingħataw biss jekk jintlaħqu r-rekwiżiti meħtieġa li huma: · Liċenzja tas-sewqan fil-kategorija tal-vettura misjuqa (kategorija “D” fil-każ ta’ xufiera ta’ karozzi tal-linja), skont ir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (Liċenzji għas-Sewqan); · Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali, skont ir-Regolamenti dwar Vetturi bil-Mutur (Liċenzji għas-Sewqan); u · Reputazzjoni u kondotta tajba.

Breakwater Bridge — Maintenance

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li tpoġġa il-breakwater bridge f'postu kemm hu mistenni li jiġi jiswa flus bħala manteniment fis-sena bħal: żebgħa, tneħħija ta' sadid u l-kura għall-prevenzjoni tas-sadid, testijiet ta' stresses fl-istruttur tal-pont, kalibrazzjoni u prevenzjoni ta' xi moviment minn attività siżmika spejjeż ta' dawl domestiku, tiżjin jew għal skop ta' navigazzjoni minħabba l-port għall-baħħara, eċċ? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi forma ta' noll biex jiġi użat mill-pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal CD b'kopja tal-kuntratt, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u li tinkludi l-informazzjoni dwar spejjeż ta' manutenzjoni tal-pont tal-breakwater.

Faċilitajiet għall-passiġieri tal-cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol sar matul din is-sena fuq faċilitajiet għall-passiġġieri tal-cruise liners max-xtut tal-Belt u tal-Isla ? Kemm kienet l-ispiza fuq dawn ix-xogħlijiet? X’kien l-investiment li sar s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħlijiet? Meta huwa mistenni li jitlesta dan il-progett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29904.

Ħal Luqa — Triq l-Ingiered - traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru xi traffic lights kif taqbad Triq l-Ingiered, Ħal Luqa minħabba n-numru ta' karozzi li qed ikun hemm u b'hekk it-traffiku jkun aktar organizzat, peress li qed ikun hemm ħafna anzjani li jridu jżuru lill-qraba tagħhom fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara spezzjoni li saret minn Transport Malta, irriżulta li t-traffiku li qed jirrreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa fil-fatt diġà kkontrollat mir-roundabout li hemm fil-viċinanza u r-regolamenti relattivi applikabbli, u għalhekk m'hemmx ħtieġa li jsiru traffic lights.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li b'kollox hemm 48 karozza u li l-ammont in kwistjoni huwa ta' €24,665 fix-xahar. Ara PL 8728 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 8728 nhar it-Tlieta 29 ta' Novembru 2011.

Imtarfa — rotot ġodda

Question

Jista' l-Minsitru jgħid b'liema rotot huma moqdija r-residenti tal-Imtarfa llum wara l-aktar riforma riċenti tat-trasport pubbliku? Jista' l-Ministru jagħti ukoll id-dettalji dwar il-ħin li joperaw dawn ir-rotot inkluż kemm joperaw kull siegħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Imtarfa issa huma moqdija bi tliet rotot li huma: · Rotta 51 li għandha frekwenza ta’ 30 minuta bejn 06:59 u 19:29hrs waqt li fil-ħinijiet l-oħra tkun bi frekwenza ta’ siegħa bl-ewwel vjaġġ jibda fil-05:59hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa f’22:29hrs mill-Imtarfa. Din ir-rotta tgħaqqad l-Imtarfa mal-lokalitajiet tar-Rabat, Attard, Mrieħel, Sta. Venera, Ħamrun, Floriana u Valletta. · Rotta 203 li għandha frekwenza ta’ kull siegħa bl-ewwel vjaġġ ikun tas-07:08hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa fl-22:08hrs. Din ir-rotta tgħaqqad l-Imtarfa mar-Rabat, Ta’ Qali, Attard, Mosta Technopark, B’Kara By-Pass, Sptar Mater Dei/Universita’, Tal-Qroqq, San Giljan, Sliema. · Rotta X3 li għandha frekwenza ta’ 30 minuta bl-ewwel vjaġġ minn Buġibba li jibda fil-05:50hrs u l-aħħar vjaġġ li jispiċċa fil-23:35hrs; filwaqt li l-ewwel vjaġġ mill-ajruport ikun tal-05:35hrs u l-aħħar vjaġġ ikun fl-22:05hrs. Dan is-servizz isegwi r-rotta li tgħaddi minn Bugibba, Burmarrad, Mosta, Mtarfa, Rabat, Attard, B’Kara, Marsa Park & Ride, Paola u l-Ajruport.

MITA — nefqa fuq kirjiet ta' vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Malta Information Technology Agency (MITA ) tikrix vetturi għall-użu tax-xogħol tagħha? Jista’ jgħid kemm intnefqu f’kirjiet matul is-snin 2008 sa 2011 separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-fatt il-MITA tikri vetturi għall-użu tax-xogħol tagħha. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-infiq f’kirjiet matul is-snin 2008 sa 2011.

San Pawl il-Baħar — camera stallata fil-bypass

Question

Billi huma bosta s-sewwieqa li qed jabbużaw b'sewqan esaġerat fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar, u billi l-ispeed camera li darba kienet approvata baqgħet qatt ma twaħħlet, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tali camera titwaħħal fil-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tistalla Vehicle Activated Sign fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar bħala miżura edukattiva sabiex jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv.

bycicle lanes fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġu mfassla pjanijiet li permezz tagħhom ikun hemm bycicle lanes fit-toroq tagħna? Billi fil-passat kien hemm proposta għal numru ta' tali lanes li jgħaqqdu rħula partikolari, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-proposti hux se jitkompla x-xoghol fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, bħalma ġara fi proġetti oħra fil-passat, f’kull proġett li qed jiġi ppjanat isiru l-isforzi meħtieġa biex ikun hemm bicycle lanes f’numru ta’ toroq. Sfortunatament, dan ma jkunx dejjem possibli minħabba li l-ispazju tat-toroq li jkunu qed jiġu mibnija jkun limitat biex jakkomoda l-bankini u l-lanes għall-karozzi. Minkejja dan, il-bicycle lanes se jibqgħu jiġu kkunsidrati b’mod favorevoli minn Transport Malta u se jkunu implimentati f’postijiet fejn dawn ma jkunux ta’ periklu għaċ-ċiklisti, sewwieqa u l-pubbliku in ġenerali.

Transport Malta — reserved parking għat-tobba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax toħroġ permess ta' reserved parking għal dawk it-tobba li jaħdmu bix-shift? Jekk iva, x'għandhom jagħmlu biex japplikaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, skont il-policy ta' Transport Malta, t-tobba, anki dawk li jaħdmu bix-xift, m'humiex eliġibbli għal parkeġġ riservat.

Karozzi tal-Arriva — inċidenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku/kolliżjonijiet li l-karozzi tal-Arriva kellhom minn mindu bdew joperaw? Fuq liema rotta ġew reġistrati dawn l-inċidenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn mindu bdiet topera l-kumpanija Arriva Malta Ltd sal-aħħar ta' Settembru 2011, ġew irreġistrati 299 inċident/kollużjoni. Infurmat ukoll li Arriva Malta Ltd m'għandhiex informazzjoni fuq liema rotot saru dawn l-inċidenti/kollużjonijiet. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li fl-istess perjodu il-karozzi tal-linja operaw fuq it-triq għal madwar 350 elf siegħa.

Riforma fit-trasport pubbliku — bus taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jista' jsejjaħ ir-riforma tat-Trasport Pubbliku bħala waħda bil-għaqal u bis-serjetà meta fit-3 ta' Novembru 2011, Għawdxi rikeb vettura tal-Arriva lejn id-direzzjoni taċ-Ċirkewwa fil-5:00pm fejn il-loġoġ tal-Furjana u x'ħin id-driver wasal ftit 'il bogħod minn fejn hemm l-iljuni, dan reġa' dawwar lura lejn il-Belt għaliex qal li telaq siegħa qabel, bil-konsegwenza li dan l-Għawdxi qabad il-bus fil-5:30pm u wasal iċ-Ċirkewwa fis-7:05pm?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qabel xejn messu jisma lill-kostitwenti tiegħu biex jiġġudika jekk ir-riforma tatx jew le lill-Għawdxin servizz li qatt ma kellhom bħalu. Dwar il-każ speċifiku msemmi minnu, l-allegat nuqqas tal-operatur qed jiġi nvestigat.

Trasport Pubbliku — karozza tal-Arriva għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mill-Isptar Mater Dei m'għadux ikun hemm servizz ta' trasport pubbliku għaċ-Ċirkewwa kif kien hemm qabel kull siegħa? Jaf li biex l-Għawdxin li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li jridu jaqbdu bus għaċ-Ċirkewwa iridu joqogħdu jistennew karozza tal-Arriva ġejja mill-Airport? Ma jarax li l-fatt li l-vjaġġ idum tliet sigħat biex jasal mill-Isptar Mater Dei għaċ-Ċirkewwa hija traġedja għal dawk li jużaw is-servizz tal-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kiri ta' tined

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29719, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata ta' kiri ta' tined mingħand il-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29417.

e-registration

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8462, jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema tal-e-registration bdietx topera mill-pubbliku, kemm ilha topera b’dan il-mod u kemm kienu l-individwi li użaw din is-sistema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Marzu ta' din is-sena, s-sistema sabiex tirreġistra vettura online kienet ukoll estiża sabiex tkun aċċessibbli anke mill-pubbliku permezz ta' l-e-ID. Madankollu sa issa ma kien hemm l-ebda applikazzjoni ta' reġistrar ta' vetturi online.