Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – pulizija – nutara li ħallsu taxxa tard
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) informa lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas ta’ taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika li qiegħda tintalab tant hija speċifika illi fl-opinjoni tal-FIAU, din kapaċi twassal għall-identifikazzjoni ta’ xi persuni partikolari, u għaldaqstant ma tista’ tiġi mgħoddija lill-Ministru, ai termini tal-Artikolu 34(1)(d) tal-Att Kontra Money Laundering.
Madanakollu, statistika ta’ natura ġenerika u kkonsolidata, li tinkludi wkoll statistika tan-numru ta’ kazijiet li l-FIAU ghaddiet lill-Pulizija għal investigazzjoni, u s-suspett tar-reat sottostanti, fejn dan ta’ l-aħħar ikun mgaħruf lill-FIAU, tinstab fir-rapport annwali tal-FIAU.
Dipartiment tat-Taxxi – Pulizija – ħlas tard ta’ taxxi min-nutara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta' drabi li d-Dipartiment tat-Taxxi nforma lill-Pulizija dwar Nutara li jkunu tard fil-ħlas tat-taxxa miġbura minnhom jew li saħansitra jkunu wettqu miżapproprjazzjoni ta' taxxi miġbura minnhom, xahar b’xahar mis-sena 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Kummisarju tat-Taxxi japprova biss kuntratti li fuqhom titħallas it-taxxa qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku.
Id-Dipartiment tat-Taxxi ma jkollux għarfien dwar kuntratti li ma jiġux ippreżentati lilu, u li għaldaqstant fuqhom ma tkunx tħallset taxxa, u li bħala kosegwenza ma jkunux jistgħu jiġu rreġistrati mar-Reġistru Pubbliku.
Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja – azzjoni dwar rappurtaġġ fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit) isegwix u jieħux azzjoni dwar rappurtaġġi fil-mezzi tax-xandir u avviżi tal-Qorti fil-Gazzetta tal-Gvern u deċiżjonijiet u digrieti tal-Qorti ta' Reviżjoni tal-Atti Nutarili dwar Nutara? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm-il on-site examination, eżerċizzju ieħor ta’ verifika jew azzjoni oħra wettaq il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja abbażi ta' dik l-informazzjoni xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korp għandu l-poter illi jwettaq on-site examinations u eżerċizzji oħrajn ta’ natura superviżorja ai termini tal-Artikolu 16 tal-Att Kontra Money Laundering, bl-iskop illi tiġi evalwata u żgurata l-konformita ta’ persuni suġġetti mal-obbligi taħt ir-Regolamenti Kontra Money Laundering u Finanzjar ta’ Terroriżmu.
Fil-qadi ta’ dmirijietu il-Korp jieħu in konsiderazzjoni qualsiasi informazzjoni li tiġi a konoxxenza tiegħu. Minn barra element ta’ għażla każwali (random selection) u teħid ta’
cross-section
tas-setturi, l-
onsite examinations
isiru ab bażi ta’ numru ta’ fatturi, fosthom:
· Ir-riskju ta’ money laundering u finanzjar ta’ terroriżmu marbuta kemm ma’ każijiet individwali kif ukoll mas-setturi partikolari;
· Informazzjoni li tkun ġiet fil-pussess tal-FIAU jew ta’ awtoritajiet oħra;
· Informazzjoni oħra li tasal għand l-FIAU tramite mezzi oħrajn fosthom il-mezzi tax-xandir
Dan tal-aħħar m’huwiex l-unika fattur li jittieħed in konsiderazzjoni mill-Korp fil-qadi ta’ dmirijietha u għaldaqstant l-istatistika li qiegħda tintalab m’hijiex possibli li tiġi pprovduta.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
VAT dikjarat x’titħallas minn stabbilimenti tal-catering
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien iddikjarat bejgħ u allura kemm kienet iddikjarata VAT li kellha titħallas minn stabbilimenti li huma fis-settur tal-catering mis-sena 2010 sal-2017? Kemm fil-verità tħallset minn din il-VAT iddikjarata? Jista’ jagħti rendikont ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u ħlasijiet sena b’sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont, sena b’sena, ta’ kemm kien iddikjarat dħul minn kirjiet u kemm tħallset taxxa fuq dan id-dħul dikjarat minn meta kienet introdotta l-miżura fejn id-dħul fuq il-kirjiet beda jiġi ntaxxat bir-rata ta’ 15% final withholding tax? Jekk possibbli fir-risposta tista’ ssir distinzjoni bejn il-kirjiet residenzjali u l-kirjiet kummerċjali?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fejn qegħdin nirraportaw rapport ta’ dawk il-pagamenti magħmula bil-formola TA24 għas-snin 2014, 2015 u 2016 kemm għall-individwi kif ukoll għall-kumpaniji. S’issa ma tinżammx data jekk il-kirjiet humiex residenzjali jew kummerċjali.
Impjegati — paga dikjarata ta iktar minn €60,000 fis-sena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn persuni impjegati f’Malta li kellhom il-paga dikjarata li tammonta għal iżjed minn €60,000 fis-sena mis-sena 2010 sas-sena 2016? F’liema settur tal-ekonomija huma mpjegati dawn il-persuni?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħarġux struzzjonijiet ċari lil kull min jimpjega, inkluż l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet tal-Gvern, dwar iż-żieda mandatorja ta’ €1.00 fil-ġimgħa b’żieda ma’ dik tal-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 fil-ġimgħa? Jaf jekk hemmx awtoritajiet jew organizzazzjonijiet tal-Gvern li għadhom ma implimentawx iż-żieda mandatorja ta’ €1.00 fil-ġimgħa? Il-Ministeru għall-Finanzi għandu mezz biex ikun jaf jekk din iż-żieda mandatorja ġietx implimentata fis-settur privat kollu minħabba li ż-żieda mħabbra fid-diskors tal-budget jista’ jkun li ma tirriflettix dak imħabbar fl-Avviż Legali konċernat?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 138 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu ċjoè: Jista' l-Ministru jitlob lir-rappreżentant tal-Gvern fuq il-bord tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatment, il-lista ta’ avukati li nħatru minnha mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum għall-finijiet ta’ vetting ta’ kuntratti ta’ self u bejgħ/xiri u kuntratti oħra li jirrikjedu l-vetting ta’ riċerki, u jqiegħdha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija msemmija hija kumpanija privata.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-każ tal-Arbitru għas-Servizz Finanzjarji, jekk ġiex ikkunsidrat li jiġi appuntat arbitru ieħor sakemm almenu jonqos il-backlog ta’ każijiet pendenti? Jekk le, għalfejn?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-Liġi tal-Uffiċju tal-Arbitru għas-Servizzi Fnanzjarji, hemm stipulat li jkun appuntat Arbitru sostitut f’każijiet fejn jista’ jkun hemm kunflitt ta’ nteress jew fejn l-Arbitru ikun indispost għal żmien fit-tul.
Meta kienet qed tiġi diskussa din il-Liġi, kien ġie deċiż, sabiex ikun hemm uniformità fid-deċiżjonijiet li jingħataw, għandu jkun hemm Arbitru wieħed.
Irrid inserraħ ras l-Onor. Interpellant li hemm attività qawwija fl-Uffiċċju tal-Arbitru u l-hekk imsejħa kawżi ta’
backlog
qed tiġi indirizzata.
Trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex – atti pubbliċi
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3925, indirizzata lill-Ministru għall-Finanzi, fejn fit-tweġiba għaliha ġejt mitlub biex nirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat, liema mistoqsija kienet issegwi mistoqsijiet parlamentari oħra fejn ġiet mitluba l-istess informazzjon u ċjoè:
(a) mistoqsija parlamentari 3631 li kienet indirizzata lill-Prim Ministru u li fit-tweġiba għaliha ġejt infurmat li mill-bidu nett tal-eżistenza tar-Reġistru Pubblika, fl-1859, qatt ma kienet tinżamm l-informazzjoni mitluba;
(b) mistoqsija parlamentari 22599 tal-Legistaltura XII li kienet indirizzata lill-Ministru għall-Finanzi u li fit-tweġiba għaliha fil-fatt kienet ingħatat l-informazzjoni mitluba, u
(c) mistoqsija parlamentari 3775 li kienet indirizzataq lill-Prim Minsitru fejn fit-tweġiba għaliha ġejt mitlub biex nirreferi l-mistoqsija dwar informazzjoni b'rabta ma’ atti pubblici dwar trasferiment ta' proprjetà immobbli f'Għawdex lill-Ministru għall-Finanzi, jista' għaldaqstant il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3925 u jgħid kemm saru atti pubbliċi dwar trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex fis-snin 2016 u 2017 (separatament)?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ atti pubbliċi dwar trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex fis-snin 2016 u 2017 kien kif ġej:
2017
1,986
2016
1,963
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2767, jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament talbitx appuntament biex tiltaqa' miegħu? Jekk iva, jista' jagħti d-data ta' meta saret din it-talba kif ukoll ir-raġuni għal din it-talba?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament qatt ma talbet appuntament biex tiltaqa’ miegħi.
Nirreferi għall-basktijiet tal-plastik b’mod partikolari dawk li jingħataw max-xirja. Dawn għandhom eco contribution għax jagħmlu ħsara lill-ambjent. Jirriżulta li min dak in-nhar ‘l hawn, ix-xirja qed titqiegħed f’boroż kbar ta’ lewn ċelesti jew abjad, imma għalkemm huma kontenituri tal-plastik mhumiex basket għax m’għandhomx widnejn. Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-kontenitur tal-plastik jaqa’ wkoll taħt l-eco tax?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Bħalma l-Onor. Interpellant jaf, il-kwistjoni li qed jirreferi għaliha kienet twieldet minnufih mal-introduzzjoni tal-istess eko-kontribuzzjoni fl-2009. Il-Gvern attwali konxju mis-sitwazzjoni u qed jimmoniterja u jfittex ghal soluzzjoni fl-interess tal-ambjent, imma wkoll fl-interess tad-dixxiplina fiskali.
Dipartiment tal-Kuntratti – due diligence exercise fuq VGH
Question
Jista’ l-Ministru bħala l-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Kuntratti, jgħid jekk il-Ministeru li huwa jmexxi u d-Dipartiment tal-Kuntratti kenux involuti fid-due diligence exercise li sar fuq il-Vitals Global Healthcare?
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-due diligence report li sar fuq il-Vitals Global Healthcare (VGH)? Jista’ jgħid jekk kienx konxju, fiż-żmien meta l-VGH ingħataw il-kuntratt biex imexxu tliet sptarijiet, li din il-kumpanija ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirriferi għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 4039.
Ministeru għall-Finanzi u Dipartiment tal-Kuntratti – approvazzjoni tat-termini tal-kuntratt mal-VGH
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għall-Finanzi u d-Dipartiment tal-Kuntratti approvawx it-termini tal-kuntratt li ngħataw il-Vitals Global Healthcare (VGH), it-termini li ġew deskritti minn esperti bħala one-sided favur il-VGH u allura ma jipproteġux biżżejjed l-interessi tat-taxpayer Malti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirriferi ghat-tweġiba tieġħi għall-mistoqsija parlamentari 4033.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Ministeru għall-Finanzi ġie nfurmat li l-Vitals Global Healthcare (VGH) ma kenux qegħdin iżommu mat-termini tal-kuntratt li ngħatalhom? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru jew wieħed mid-dipartimenti li jmexxi, tawx parir jew intalbux parir, fid-dawl tan-nuqqas ta’ VGH, ta x’għandu jsir f’ċirkostanzi fejn kuntrattur ma jonorax l-obbligi tal-kuntratt?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirriferi għall-mistoqsijiet parlamentari 3290 u 3291.