Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistenti Diretturi — Performance Agreement

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex xi Assistenti Diretturi fil-qasam tal-Edukazzjoni ma intalbux jagħmlu il-performance agreement għal din is-sena? X'inhi r-raġuni? Fuq liema bażi sejra tinħadem il-performance ta' dawn l-individwi biex il-performance bonus ta' dawn in-nies ikun ġust?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-sitwazzjoni ta’ l-Assistenti Diretturi fil-qasam tal-Edukazzjoni issa ġiet iċċarata. Il-Performance Agreement tagħhom qed jiġi mfassal u l-performance bonus ser jinħadem bl-istess mod kif inħadmu fil-passat.

Technical Services Branches u Gardeing Units — servizzi mill-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru jgħid x'kumpens qed jingħata lil dawk il-ħaddiema f'ħdan it-technical services branch u il-gardening unit li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru, li biex ikomplu jagħtu servizz meta id-Direttorat ma jfornihomx bil-għoddod, trasport u materjal ieħor, jużaw mezzi tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma jirriżultax li qatt intbagħtu nies fuq il-lant tax-xogħol mingħajr l-għodda tad-Direttorat. Il-materjal neċessarju dejjem kien provdut. Meta ġieli ntalab trasport ‘għat-tieni karozza’, dan ġie provdut.

Public Service Commision — Każijiet Pendenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Public Service Commision li jirrigwardjaw individwi fil-qasam tal-Edukazzjoni? Kemm ilu kull każ quddiem il-PSC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u fid-Direttorat għal Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni hemm kaz wieħed li huwa pendenti quddiem il-Public Service Commission. Dan il-każ tressaq quddiem il-Public Service Commission f’Marzu, 2007.

Għawdex — Ġgantija - Rijabilitazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar u kemm intnefqu flus matul l-2007 u matul din is-sena separatament għar-rijabilitazzjoni tal-Ġgantija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta għandha programm kontinwu ta’ konservazzjoni, tisbiħ u rijabilitazzjoni fit-Tempji Megalitiċi tal-Ġgantija u siti oħrajn f’Għawdex. Dan ix-xogħol qed isir kemm minn fondi Ewropej, bħala parti minn sponsorship tal-Vodafone Malta Foundation u minn fondi interni ta’ Heritage Malta. Fl-2007 saret il-kostruzzjoni ta’ interim ticket booth u museum shop qrib id-daħla tal-Ġgantija. Beda jitneħħa l-ħajt tal- concrete li nbena fl-1957 u nbena ħajt baxx tas-sejjieħ minfloku. Dan ix-xogħol tlesta matul din is-sena. L-ispejjeż totali għas-sena 2007 kienu ta’ €26,700. F’Settembru 2007 Heritage Malta issottomettiet applikazzjoni għall-fondi reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea (ERDF), proġett li jinkudi €3.1miljun Ewro għall-Ġgantija. Il-proġett ikopri studji xjentifiċi u strutturali fuq it-Tempji, il-bini ta’ ċentru għall-vizitaturi, Mużew tal-Preistorja, kif ukoll tisbieħ ta’ l-inħawi ta’ madwar it-Tempji biex dawn jistgħu jiġu mgawda bħala Heritage Park . Aktar kmieni din is-sena ġie mwaħħal railing quddiem it- ticket booth għall-kontroll aħjar tal-viżitaturi. Il-passaġġ ta’ mad-dawra tat-Tempji ġie spostat b’tali mod li l-viżitaturi jżommu aktar ’il bogħod mill-istrutturi megalitiċi u b’hekk tissaħħaħ il-preservazzjoni tat-Tempji. Għaddej ukoll xogħol ta’ tisbiħ fl-għelieqi ta’ madwar it-Tempji fejn ġew imħawwla numru sostanzjali ta’ siġar u pjanti indiġeni. Dan ix-xogħol qed isir bi ftehim mal- Gaia Foundation . Qed isir ukoll xogħol strutturali fuq il- Finds Hut fl-inħawi tal-Ġgantija, fejn hemm miġbur materjal arkeoloġiku mill-iskav taċ-Ċirku tax-Xagħra ( Brochtorff Circle ). L-ispejjeż li intefqu s’issa din is-sena huma ta’ €6100. Ħafna mix-xogħol strutturali u ta’ tisbiħ sar mill- maintenance team tas-sezzjoni t’Għawdex fi ħdan Heritage Malta .

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sports — Ċifri tas-safar fl-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Minstru twieġeb mistqosija parlamentari 2530 u tgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-nefqa globali ta’ safar governattiv minn entitatjiet f’dan il-Ministeru hi ta’ €191,658.11 għal safar barra mill-Unjoni Ewropea u € 358.865.19 għal safar fl-Unjoni Ewropea. In-nefqa globali mill-Universita’ tammonta għal € 255,257.03.

Vakanzi ta' librara

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm sejħiet għal vakanzi ta' librara f'din l-aħħar sena u jekk kien hemm għal liema libreriji kienu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-lista ta’ vakanzi ta’ librara f’Malta u Għawdex f’din l-aħħar sena flimkien mal-lokalita’ u d-data minn meta imtlew dawn il-vakanzi hija: Lokalita ’ Data Gudja Diċembru 2007 Safi Diċembru 2007 Gżira Jannar 2008 Mqabba Lulju 2008 Kalkara Awissu 2008 Pembroke Ottubru 2008 Għarb (Għawdex) * *

Skejjel — Enerġija Alternattiva

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa kkalkolat li ġew frankati flus f’kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-iskejjel sekondarji fil-kulleġġi San Benedittu u San Injazju rispettivament minħabba ta’ l-użu ta’ enerġija alternattiva f’dawn l-iskejjel? Tista’ tgħid f’liema skejjel oħra, qodma jew ġodda, qed jiġu kkontemplati jew qed isiru, sistemi simili? Kemm kien l-investiment totali f’din it-tip ta’ enerġija fil-bini jew irranġar ta’ skejjel mill-2003 ‘l hawn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-flus li ġew frankati mill użu ta’ l-ilma tax-xita miġbur fi ġwieben u elettriku li ġie mill-panelli tax-xemx fiż-żewġ skejjel ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop u Sant Injazju ġewwa l-Ħandaq f’Ħal Qormi, huma kif hu indikat hawn taħt:- San Benedittu:- Elettriku prodott bejn 12 ta’ April 2005 u 22 ta’ Ottubru 2008 ġie ffrankat €4297.14, f’perjodu ta’ sentejn u sitt xhur. Ilma tax-xita miġbur fil-ġwiebi bejn l-1 ta’ Settembru 2005 u 31 ta’ Awissu 2008 ġie ffrankat €39,240.91. Sant’Injazju:- Elettriku prodott bejn l-1 ta’ Settembru 2007 u 22 ta’ Ottubru 2008 ġie ffrankat €1,844.76. Ilma tax-xita miġbur fil-ġwiebi bejn l-1 ta’ Settembru 2007 u 31 ta’ Awissu 2008 ġie ffrankat €13,494.87. B’kollox ġew iffrankati total ta’ €58,877.68 minn spejjez ta’ elettriku u l-ilma kemm ilhom imwaqqfin iż-żewġ skejjel. Il-kalkolazzjonijiet huma bażati fuq rati kif jinsabu fis-sit elettroniku tal-Korporazzjoni ta’ l-Ilma. Diġa’ beda l-proċess sabiex kull skola li qiegħdha tinbena jkollha aktar sistemi ta’ apparat li jkun jista’ jservi ta’ enerġija alternattiva.

Studenti miż-Żurrieq — Junior Lyceum u universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid: i) kemm kien in-numru ta' studenti miż-Żurrieq li ġew ammessi fil-Juniour Lyceum ii) kemm kien in-numru ta' zgħażagħ miż-Żurrieq li daħlu l-Universita' fl-istess perijodu f’dawn l-aħħar ħames snin sena b’sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Studenti miż-Żurrieq Studenti miż-Żurrieq li ġew ammessi li ġew ammessi fil-Junior Lyceum fl-Universita’ ta’ Malta 2004 80 79 2005 83 71 2006 71 78 2007 64 83 2008 56 93

MCAST — Aġġudikazzjoni ta' tender

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2905 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid min kienu l-membri fil-Bord tal-MITTS li aġġudika t-tender liema tender talbet private training providers li jipprovdu taħriġ għall-istudenti ta' l-MCAST li ma jistgħux jattendu l-campus ta' l-MCAST f'Raħal Ġdid? Tikkonferma l-Ministru li membru mill-istess Bord huwa wkoll direttur fl-istess MCAST? Tista' l-Ministru tgħid jekk dan jikkonsistix f'konflitt ta' interess? U jekk iva, x'passi se jittieħdu sabiex dan ma jerġax iseħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-Sur Juan Borg Manduca qiegħed fil-Bord tal-MITTS u hu wkoll id-Direttur ta’ l-Istitut tal-Informazzjoni, Kommunikazzjoni u Teknoloġija fl-MCAST li kien jagħmel parti mill-Bord li aġġudikaw it-tenders tal-ICT training providers. Dan il-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija kif ukoll se jinstema mill-Bord ta’ l-Appell u għalhekk huwa xieraq li wieħed jistenna d-deċiżjonijiet meħuda qabel jiġi deċiż jekk kienx hemm konflitt ta’ interess jew jekk għandhomx jittieħdu passi oħra.

Librerija Pubblika — Nefqa fuq kotba ġodda

Question

Tista' l-Ministru tispjeġa għalfejn in-nefqa fuq kotba ġodda mixtrija mill-Librerija Pubblika f'erba' snin naqset għal terz ta' dak li kienet? Tista' tgħid kif din in-nefqa titqassam bejn il-librerija tat-tfal u l-librerija taż-żgħar? Tista' tgħid jekk taħsibx li nefqa ta' €7,423 għall-kotba kollha fil-libreriji kollha mhix biżżejjed? Hemm il-ħsieb li din in-nefqa tiżdied għal waħda aċċettabli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li għalkemm jidher li n-nefqa fuq kotba ġodda mixtrija mill-Librerija Pubblika naqset għal terz ta’ dak li kienet fl-aħħar erba’ snin, fir-realta’ dan it-tnaqqis ġie ssupplimentat b’ammonti kbar ta’ flus li ntefqu fuq eluf ta’ kotba mill-Kunsilli Lokali li magħhom id-Dipartiment tal-Libreriji għamel il-Ftehim ta’ Koperazzjoni. Dan ilu jsir sa minn meta bdew isiru dawn it-tip ta’ ftehim sa mill-1999. Dawn l-ammonti ta’ kotba ġodda kollha ngħataw b’għotja lill-Librerija Pubblika u llum jinsabu fil-Libreriji rispettivi tal-lokalitajiet fejn saru d-donazzjonijiet, jiġifieri mxerrda madwar Malta u Għawdex. Bl-intervent tal-Ministeru, id-Dipartiment tal-Libreriji daħal fil-pussess ta’ żewġ containers b’aktar minn 20,000 ktieb kważi ġodda, li nġiebu minn Belfast fl-2006. Madwar nofs dawn il-kotba diġa ġew katalogati u kklassifikati u tqassmu fil-libreriji mill-Librerija Pubblika. Qed isir ix-xogħol ta’ proċessar fuq il-kumplament ta’ dawn. It-tqassim ta’ kotba bejn is-sezzjoni tal-kbar u tat-tfal fil-Librerija Pubblika issir skond il-ħtiġijiet li jkollna tagħrif u feedback dwarhom permezz ta’ suġġerimenti mill-pubbliku in ġenerali flimkien mad-diversi librara li jmexxu l-libreriji friegħi u reġjonali madwar il-pajjiż.

Full-time one-to-one Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-każ tat-tifla li d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament u tallokalha full-time one-to-one facilitator?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li din it-tifla kienet għadha tibbenefika minn full-time support. Madankollu, il-ġenituri ser jingħataw appuntament biex jerġgħu jidhru quddiem l- iStatementing Moderating Panel biex jiddeċiedi jekk hux il-każ ta’ full-time one-to-one.

Departiment tal-Edukazzjoni — Kuntrat tal-Qrendi Football Club

Question

Fl-1 ta' Frar 2008, Qrendi Football Club iffirmaw kuntratt mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex għal 25 sena minn din id-data jagħmlu użu u jiżviluppaw għal għan sportiv l-art li tagħmel mal-iskola Primarja tal-Qrendi, liema art għal snin twal kienet abbandunata. Filwaqt li d-diriġenti tal-klabb ħejjew pjanijiet biex jissottomettu lill-MEPA sabiex jibda l-iżvilupp tal-faċilità sportiva, min-naħa tal-Ministeru m'għandhom l-ebda sinjal biex ikunu jistgħu jipproċedu. Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli jimxu l-affarijiet, u x'jista' jsir biex fil-Qrendi naraw dan iċ-ċentru sportiv kemm jista' jkun malajr?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fl-1 ta’ Frar 2008, ġie ffirmat ftehim bejn il-Qrendi Football Club u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Fl-art indikata kellhom jiġu zviluppati kemm faċilitajiet sportivi kif ukoll Sensory Garden li kienet proposta mill-Kulleġġ San Benedittu. Il-kumitat Permanenti għall-Edukazzjoni fil-prinċipju qabel ma’ l-izvilupp ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi. Tqabbad Perit biex ifassal il-pjanti taż-żewġ inizjattivi u din il-ġimgħa tħejja rapport fuq l-istima tas-Sensory Garden. Ser issir evalwazzjoni ta’ l-istima u jekk ikun hemm l-approvazzjoni neċessarja, iż-żewġ proġetti jkunu jistgħu jibdew simultanjament.

Kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid: Kemm-il kulleġġ twaqqaf s'issa f'Malta u Għawdex? Kull kulleġġ minn kemm-il primarja, sekondarja, eċċ hu magħmul? X'inhi l-popolazzjoni tal-għalliema u studenti ta' kull kulleġġ? Hemmx kulleġġi oħra li għad iridu jitwaqqfu, fejn se jkunu, u xi primarji u sekondarji se jiġbru taħthom? Hemmx il-ħsieb li jinbnew kulleġġi, jew skejjel oħra ġodda, fejn u meta se jibda l-bini tagħhom u kemm hu stmat li se jiswew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Malta u Għawdex għandna għaxar (10) kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-istat. Il-kulleġġi jiġbru fihom numru ta’ skejjel. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bil-kompożizzjoni tal-kulleġġi u l-popolazzjoni ta’ l-għalliema. Bħalissa qed tiġi diskussa fażi ta’ bini ta’ skejjel ġodda għas-snin li ġejjin.

Divizjoni tal-Edukazzjoni — Postijiet Battala

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2413 u tgħid x'inhuma l-postijiet battala li hemm fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni? Meta se jsiru l-ħatriet għal dawn il-postijiet battala għall-kategoriji kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fid-Direttorat Edukattiv hemm dawn il-postijiet battala: Service Managers 3 Principal Education Officers 6 Education Officers 17 Assistant Heads (Primary) 1 Il-ħatriet isiru fl-iqsar żmien possibli meta joħorġu s-sejħiet għall-applikazjoni u jsir il-porċess tal-għażla.

Skejjel Primarji — Streamed

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2408, tista' l-Ministru tgħid f'liema lokalitajiet hemm: a.) il-klassijiet mhux streamed year 5? b.) il-klassijiet mhux streamed year 6? u kemm ilhom mhux streamed dawn il-klassijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Systems of Knowledge — lingwa li biha l-istudenti wieġbu l-eżami

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar sentejn kemm kellna studenti li għażlu li jwieġbu: a.) bil-Malti b.) bl-Ingliż l-eżami tas-Systems of Knowledge tal-MATSEC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-informazzjoni rikjesta ma tiġix normalment mizmuma mill-MATSEC Support Unit. Għalhekk, tali informazzjoni għas-sena 2007 ma hix referibbli billi l-iscripts ta’ dik is-sessjoni ma għadhomx disponibbli. Saret riċerka fuq il-karti ta’ l-ezami tal-Oqsma tal-Għerf (Systems of Knowledge) tas-sessjoni ta’ Mejju 2008. kien hemm total ta’ elfejn tlett mija u sitta u ħamsin (2,356) kandidat li applikaw, li minnhom tmenin (80) ma attendwx għall-ezami. Minn dawn il-kandidati li marru għall-ezami, mija u ħamsa u sebgħin (175) wieġbu l-mistoqsijiet kollha bil-Malti, filwaqt li ħamsa u tletin (35) oħra wieġbu xi mistoqsijiet bil-Malti u oħrajn bl-Ingliz. Il-kumplament wieġbu l-karta kollha bl-Ingliz.

Skejjel privati liċenzjati biex jgħallmu l-Ingliż

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa llum in-numru ta' skejjel privati liċenzjati biex jgħallmu l-lingwa Ingliża lill-barranin f'Malta u Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li llum in-numru ta’ skejjel privati liċenzjati biex jgħallmu l-lingwa Ingliża lill-barranin huwa kif ġej: f’Malta - 46 f’Għawdex - 3

Applikazzjonijiet ġodda għall-iskejjel biex jgħallmu l-Ingliż

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-preżent jekk il-Gvern hux qed jikkonsidra applikazzjonijiet ġodda għall-iskejjel li jgħallmu l-lingwa ta' l-Ingliż f'pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa ż-żmien li tieħu applikazzjoni biex tiġi mistħarġa u approvata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-preżent il-Gvern qed jikkonsidra tliet (3) applikazzjonijiet ġodda għall-iskejjel li jgħallmu l-lingwa ta’ l-Ingliż f’pajjiżna. Normalment, applikazzjoni tieħu madwar tliet (3) xhur biex tiġi mistħarrġa u approvata.

Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ biex tingħata facilitator lil tifel li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament,?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-iStatementing Moderating Panel irċieva l-applikazzjoni għan-nom tat-tifel f’April 2008. Fil-preżent it-tifel qed jingħata l-għajnuna meħtieġa mis-servizzi li diġa’ hemm fil-klassi. Il-ġenituri se jingħataw appuntament meta jkun imiss skond il-lista tar-reġistrazzjoni.

MCAST — ftehim mal- Malta Union of Teachers - familjarizzazzjoni mad-dinja tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tispjega jekk intlaħaqx ftehim bejn l-Malta Union of Teachers u l-MCAST fuq l-assigurazzjoni tal-għalliema u tal-istudenti meta dawn joħorġu barra mill-kulleġġ biex jiffamiljarizzaw mad-dinja tax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li filwaqt li l-MCAST jikkonferma li hemm assigurazzjoni tal-għalliema u tal-istudenti meta dawn joħorġu barra mill-kulleġġ biex jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dinja tax-xogħol, l-MCAST u l-MUT ser jiltaqgħu sabiex tkun iċċarata l-implimentazzjoni ta’ din l-assigurazzjoni.