Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26619 u 23848 u jagħti d-dettalji ta' kemm kien hemm sodod fl-isptarijiet matul dawn l-aħħar ħames snin, sptar sptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ sodod fl-isptarijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħi fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena għal-dawn l-aħħar ħames snin kien kif ġej:
Sptar
2006
2007
2008
2009
2010
Sptar Boffa
51
51
51
51
51
Sptar San Luqa
974
-
-
-
-
Sptar Mater Dei
-
960
981
977
972
Sptar Zammit Clapp
60
60
60
60
-
Sptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech
-
155
155
155
153
Residenza San Vincenz de Paule
1036
1064
1018
1137
1128
Sptar Monte Karmeli
600
600
690
655
655
Dipartiment tas-Saħħa — eżerċizzji ta' Production Cost
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26618 u 23846 u jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jagħmilx eżerċizzji tal-production costs bħal per eżempju per patient skont is-servizz/kura diversi li jingħataw tas-saħħa? Jekk isiru dawn l-eżerċizzji, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-workings ta' dawn l-eżerċizzji?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-eżerċizzju tal-costings huwa lest u jonqos biss il-proċeduri amministrattivi u legali sabiex dan jiġi ppubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid xi skala jinsabu fiha u xi drittijiet għandhom id-dental surgery assistants li qed jagħmlu dan ix-xogħol fl-Isptar Mater Dei preżentament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dental Surgery Assistants jinsabu fi skala tlettax (13).
Dawn l-impjegati għandhom id-drittijiet kollha li għandu kull impjegat fiċ-ċivil u tad-dipartiment ta’ fejn jaħdmu. Dawn għandhom ukoll l-obbligi hekk kif stipulati fil-Job Description tagħhom.
Billi f'rapport ta' ġurnal lokali tal-4 ta' April 2011, il-ġurnalista kkonkludiet ir-rapport tagħha, dwar l-introduzzjoni ta' kura forma ta' pillola Gilenya minflok l-injection li qed tingħata għall-kura ta' pazjent bil-kundizzjoni tal-Multiple Sclerosis billi stqarret li: "The Health Ministry has so far been unable to confirm whether the new treatment, like the injections, will be available free for patients locally, saying an application for inclusion had to be submitted by the Marketing Authorisation Holder, adding that it would then undergo a health technology assessment", jista' l-Ministru jgħid jekk din il-pillola hijiex diġà approvata mill-EMEA? Saret applikazzjoni mill-Marketing Authorisation Holder, u jekk fl-affermattiv meta saret? F'liema stadju waslet din l-applikazzjoni u meta hu mistenni li din il-pillola, Gilenya, tidħol fil-lista ta' kura b'xejn lill-pazjenti taħt l-iskema tas-Schedule V?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Gilenya® hija mediċina li fiha s-sustanza attiva fingolimod, jintuża fil-kura ta’ adulti bl-isklerożi multipla attiva ħafna. Il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq valida fl-Unjoni Ewropea kollha għal Gilenya lil Novartis Europharm Ltd fis-17 ta’ Marzu 2011. L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq hija valida għal ħames snin, u wara tista’ tiġġedded.
L-applikazzjoni mingħand id-Detentur ta’ l-Awtorizzazzjoni tal-Manifattura Responsabbli saret fid- 29 ta’ Marzu 2011 u din qiegħda pendenti sakemm issir l-analiżi dettaljata tal-mediċina. Hu ppjanat li jista’ jkun hemm deċiżjoni mill-Kumitat Konsultattiv tal-Formularju tal-Gvern iktar il-quddiem din is-sena wara li tkun saret l-analiżi.
Ċimiterju tal-Addolorata — kwestjoni ta' aktar viġilanza
Question
Jista' l-Ministru jara li ssir viġilanza akbar fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata għax spiss nirċievi ilmenti mingħand kostitwenti li apparti atti ta' vandaliżmu li jistgħu jsiru wara l-ħin u li dwar uħud minnhom ġieli qrajna anki fil-media, ġieli anki fjuri li jkunu ilhom ftit siegħat li tqiegħdu fuq l-oqbra ta' nies mejtin mill-familjari tagħhom jogħsfru minnufih?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat Għas-Saħħa Ambjentali qiegħed jieħu kull azzjoni disponibbli biex isaħħaħ is-sigurtà fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Wieħed mill-passi huwa li kull min jirrapporta xi atti ta’ vandaliżmu qiegħed jiġi riferut lill-pulizija tad-distrett ħalli jinbdew l-investigazzjonijiet meħtieġa. B’sodisfazzjon tressqu wkoll il-qorti xi persuni u ngħataw il-pieni skont il-liġi. Pass ieħor huwa rapport tekniku sabiex issir l-installazjoni ta’ cameras ta’ sigurta`, liema sistema tkun tista tissorvelja postijiet strateġiċi fiċ-Ċimiterju.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta jkun hemm żewġ anzjani li qed jgħixu b'pensjoni waħda u wieħed minnhom jidħol resident f'San Vinċenz de Paule, il-penzjoni tinqasam 60% lil dak l-anzjan li jkun qed jgħix fil-komunità u 40% għal dak li jkun qed jgħix fl-Isptar San Vinċenz de Paule? Huwa veru li minn dawk l-40 % li dak l-anzjan jingħata mill-pensjoni dawn jitteħdulhom 80 % u lilhom personali jingħataw 20 % minn dawk l-40 %?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) koppja miżżewġa li jkunu għadhom jgħixu flimkien meta xi ħadd minnhom jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule u li bejniethom jkollhom pensjoni waħda tas-Sigurtà Soċjali, dik il-parti li tibqa’ fil-komunità tkun intitolata għal 60% tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. L-40% li jibqa’ lill-parti li tkun residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule jitqies bħala d-dħul nett tal-anzjan jew anzjana, u għalhekk minnhom jitnaqqsu 80% skont il-proviżjoni tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26766 u 26579 u jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li tmien snin ilu kien waqa' minn fuq il-bridge ta' Regional Road u ilu daqshekk jistenna biex issirlu operazzjoni? Jista' jingħata l-aħħar żviluppi dwar dan il-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjent li qiegħed jirreferi għaliħ l-Onor. Interpellant sarulu numru ta’ interventi minħabba l-ġrieħi estensivi li ġarrab bħala rizultat tal-inċident li kellu fl-1997.
Il-pazjent bħalissa qiegħed fuq il-
waiting list
sabiex issirlu operazzjoni elettiva konnessa mal-ġrieħi li kien ġarrab.
Minħabba fin-numru ta’ pazjenti li jinstabu fuq il lista tad-Dipartiment tal-Ortopedija mhuwiex possibli li tingħata data lill-pazjenti ħafna qabel ma jkun se jsir l-intervent. Dan japplika wkoll għall-pazjent li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li infetah ir-raba’ tejatru tal-operazzjonijiet elettivi. Dan se jkun pas pożittiv biex jitnaqqsu b’aktar ħeffa l-lista tal-pazjenti li qegħdin jistennew li ssirilom operazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26923 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija u issa ġiet riferuta lilu u jara każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa separat u jgħix waħdu u talab għall-għajnuna fit-tindif tad-dar, imma l-bord m'approvax dan is-servizz? Peress li r-raġel jinsab waħdu u għandu 65 sena, jista' l-Ministru jara jekk il-bord jistax jerġa' jirrevedi l-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni ikkonsidra dan il-każ imsemmi fit-19 ta' Mejju 2011. Ir-rapport mediku jindika li l-klijent għadu ndipendenti u għadu kapaċi jagħmel xi faċendi ta' kuljum, filwaqt li r-rapport soċjali jissuġġerixxi li l-klijent għandu bżonn sapport morali għaliex riċentament issepara. Għaldaqstant il-Bord iddeċieda li għalissa għad m'hemmx urġenza għas-servizz tal-Home Help.
kampanja dwar il-ħsara li jista' jagħmel it-telefon ċellulari
Question
Fid-dawl tal-aħħar rapporti li dehru anki fil-ġurnali lokali fuq il-ħsara li jistgħu jagħmlu t-telefonati ċellulari lill-bniedem li jagħmlu użu minnhom, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu li jibda kampanja edukattiva iktar intensiva sabiex jeduka lill-poplu Malti u Għawdxi iktar dwar il-ħsara fil-ġisem tal-bniedem li dan is-servizz jista' jikkawża?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li peress li r-risku huwa minimu u tali riskju għadu mhux ippruvat li jagħmel il-ħsara, id-Direttorat għall-Prevenzjoni tal-Mard u l-Promozzjoni tas-Saħħa ma għandu l-ebda pjan biex jagħmel kampanja speċifka f’dan ir-rigward.
Peress li l-politika dikjarata tal-gvern hi waħda favur il-familja, jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata għal min ikollu triplets? Huwa vera li qabel minn ikollu triplets kien jingħata l-ħalib u issa le, tenut kont tal-fatt li hu diffiċili ħafna li l-omm tagħti breast lit-triplets? Tingħata għajnuna għax-xiri tal-abidec u cytron li huma mediċini li jgħinu lit-tfal biex jikbru? X'għajnuna tingħata bħala nursing service għal min ikollu tliet itfal? X'inhi l-pożizzjoni għal min ikollu quadruplets?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kemm il-vitamini Abidec® kif ukoll Sytron® (feredetate sodium) jinstabu fil-formularju tal-Gvern. Ommijiet li jkollhom twelid multiplu m’humiex intitolati għal dawn il-vitamini jew mediċini oħra ħlief jekk ikun hemm xi każijiet fejn it-trabi jbatu minn xi kundizzjoni kronika skont il-lista ta’ kundizzjonijiet ta’ Skeda V. Sabiex tiġi intitolat, konsulent awtorizzat irid japplika kemm għall-Skeda V skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318), kif ukoll għall-permess skond il-protokoll tal-Gvern.
Ma hemmx
policy
speċifika dwar
nursing service
lil dawk l-ommijiet li jkunu welldu
triplets
jew
quadruplets
. Dawn jingħataw l-istess servizz ta’
nursing
bħal kull omm li tkun għadha kemm welldet tarbija skont il-bżonn.
B'referenza għall-pazjenti Maltin li jittellgħu l-Ingilterra għall-kura, jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm hu n-numru ta' Maltin li ttellgħu l-Ingilterra għall-kura sena b'sena fl-aħħar ħames snin;
b) f'liema sptarijiet ittellgħu dawn il-Maltin sena b'sena fl-aħħar ħames snin u fuq liema qasam mediku ġew ikkurati jew ingħataw xi tip ta' intervent mediku/kirurġiku jew f'liema sptar ingħataw il-kura;
ċ) fl-aħħar sena, f'liema postijiet irresedew il-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom li telghu l-Ingilterra għall-kura;
d) fl-aħħar sena, xahar b'xahar, kemm nefaq il-Gvern f'għajnuna finanzjarja relatata mat-trasport tal-pazjenti mill-post li fih jirrisjedu sal-isptar u lura;
e) ras imb'ras fl-aħħar sena kemm sewa lill-Gvern kull pazjent li tela' l-Ingilterra miġbura skont il-post li fih irresedew; u
f) fl-aħħar sena, kemm kien hemm każijiet fejn il-qraba ta' pazjenti li telgħu l-Ingilterra mal-pazjent ma kellhomx biżżejjed flus biex iħallsu l-akkomodazzjoni tagħhom? X'ġara f'dawn il-każijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' mara, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha fil-waiting list biex tagħmel operazzjoni tal-irkoppa xi tliet snin, kull darba jgħidulha li se jibagħtu għaliha u issa qalulha li se jibagħtu għaliha f'Ġunju li għadda imma għadha bla risposta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pazjenta li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant ilha mniżżla fil-waiting list tad-Dipartiment tal-Ortopedija mid-9 ta’ Ottubru 2008 sabiex issirilha operazzjoni fuq irkubbtejha.
Minħabba l-volum ta’ pazjenti li jinstabu fuq il-lista tad-Dipartiment tal-Ortopedija mhuwiex possibli li tingħata data lill-pazjenti ħafna qabel ma jkun se jsir l-intervent. Dan japplika wkoll għall-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li nfetaħ ir-raba’ tejatru tal-operazzjonijiet elettivi. Dan ser ikun pass pożittiv biex titnaqqas b’aktar ħeffa l-lista tal-pazjenti li qegħdin jistennew li ssirilhom operazzjoni.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kellha l-blue sticker għal dan l-aħħar 16-il sena u issa meta marret iġġedded, irrifjutaw li terġa' tingħata l-blue sticker peress li huma qed isostnu li huwa żball?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li min-naħa tas-sanità jsir xi ħaġa minħabba numru ta' ġriden li hemm f'garaxx, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jmiss ma' dar peress li ilhom jitkellmu ma' tas-sanità imma l-problema għadha hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fil-15 ta’ Gunju ta’din is-sena rċieva lment rigward ġrieden fil-bitħa tal-garaxx li jinsab fi Triq G. Schembri, Qormi. Fil-21 ta’ Ġunju, 2011 tali lment beda jiġi nvestigat minn Uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali. Waqt l-ispezzjoni ma ġewx innottati ġrieden jew traċċi tagħhom. Il-garaxx jintuża bħala store sabiex jinħażen ħġieġ u aluminium.
Is-sena li għaddiet kienet ittieħedet azzjoni legali kontra s-sid tal-garaxx minħabba ilment rigward infestazzjoni ta’ ġrieden. Il-każ ġie deċiż wara li s-sitwazzjoni ta’ infestazzjoni fil-garaxx ġiet rimedjata.
Bħala prekawzjoni fl-1 ta’ Lulju sar trattament għal kontra l-ġrieden fi Triq G. Schembri minn ħaddiema fi ħdan it-Taqsima tal-Pest Control Unit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm assistant care workers impjegati mal-Gvern? Fejn huma posted(numru u post)? Għaliex l-aħħar sejħa għall-promozzjoni ta' care worker, jiġifieri għal skala 14 ilha ma ssir sa mill-11 ta' Novembru 2002 u dawn l-assistant care workers tħallew fi skala 16 għal dawn is-snin kollha? X'inhi r-raġuni għal dan, meta ħafna minnhom illum għandhom esperjenza kbira fix-xogħol u saħansitra anke jiġu fdati b'xogħol li jmur lil 'l hinn mit-terms of reference tal-impjieg tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm wieħed u tletin (31) assistant care worker jaħdmu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Minn dawn, ħamsa (5) jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, erbatax (14) jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule u tnax (12) jaħdmu fi djar tal-anzjani.
Is-sejħiet għall-applikazzjoni jsiru skont l-esiġenzi tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità bl-approvazzjoni tal-Public Administration Human Resources Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll il-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li tbati bid-dimensja u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li ftit tal-jiem ilu r-raġel tagħha miet u tinsab waħedha? Din għamlet żmien ukoll l-Isptar Mater Dei u applikat għar-residenza San Vinċenz de Paule?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat biex tidħol f’residenza tal-anzjani fis-26 ta’ Mejju 2009. L-applikazzjoni tagħha ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule bħala high priority. Il-Bord reġa' ra dan il-każ fit-2 ta’ Ġunju 2011 u ġie approvat bħala urgent. B’hekk din l-anzjana ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija tal-urgent għar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul.
Sptar Mater Dei — arranġamenti ma' John HopkinsUniversity School of Medicine
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26871 u jgħid jekk hemmx xi ftehim/arranġament ma' John Hopkins University School of Medicine fl-Isptar Mater Dei? Fiex jikkonsisti u x'inhu l-ħlas għal dan il-ftehim?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità iffirma ftehim ma’ Johns Hopkins Medicine International sabiex jitwettaq proġett ta’ Systems Review and Needs Assessment ġewwa l-Isptar Mater Dei sal-aħħar ta’ din is-sena. Infakkar lill-Onorevoli nterpellant li hija l-politika dikjarata ta’ dan il-gvern li Malta għandha ssir ċentru ta’ eċċellenza fis-settur mediku; u għal dan il għan hija l-intenzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità li l-Isptar Mater Dei jikseb akkreditazzjoni internazzjonali ta’ kwalità. Dan il-proġett għalhekk sejjer jgħin sabiex dan il-għan ikun miksub fis-snin li ġejjin. Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €951, 075.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26868 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu biex jitwettqu miżuri rakkmandati mit-task force imwaqqfa apposta biex tara x'titjib hemm bżonn mis-servizzi offruti mis-CDAU?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ġie ppreżentat ir-rapport tat-task force, id-dipartiment ħa inizjattivi u beda jiffoka fuq il-lista ta’ stennija ta’ tfal li jkollhom bżonn servizzi ta’ occupational therapy u servizzi psikoloġiċi fid-Dipartiment tas-CDAU sabiex dawn it-tfal jingħataw prijorità. Dawn l-inizjattivi qed jiġu segwiti mill-kapijiet rispettivi tad-diversi dipartimenti, flimkien mad-Direttur responsabbli mill-allied health services u ċ-chairperson tas-servizzi tal-pedjatrija.
Għal dan il-għan ħarġet tender biex jiġu provduti is-servizzi ta’ Paediatric Occupational Therapy. Din it-tender ħarġet fil-15 ta’ April 2011 u għalqet fil-25 ta’ Mejju 2011. Bħalissa it-tender qegħda fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni.
Mindu qed isir il-Breast Screening Programme għal nisa bejn il-50 u 60 sena, jista' l-Ministru jgħid x'jiġri fil-każ ta' screening meħtieġ f'nisa bi storja fil-familja? Għadhom jistgħu jiġu riferuti għas-Surgical Outpatients anke meta ma jkunx hemm sinjali li jissuġġerixxu dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li t-tabib tal-familja jista’ jibqa’ jirreferi nisa’ bi storja ta’ kanċer fis-sider fil-familja lis-Surgical Outpatients fl-Isptar Mater Dei jekk iħoss li qegħdin f’xi riskju partikulari, anke jekk ma jkunx hemm sinjali ovvji fihom. Dan bħalma sar dejjem.