Legislature:
Category:
Reset
Active:

Manikata – Triq il-Manikata u Triq il-Fuħħar – One ways

Question

Peress li ħafna vetturi kważi kuljum jispiċċaw jeħlu minħabba traffiku ta' vetturi kbar li jiltaqgħu magħhom f'Triq il-Manikata, triq li hi tajba biss sabiex tkun One Way, jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq il-Manikata u Triq il-Fuħħar, it-tnejn fil-Manikata, isiru One Way?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta fasslet proposta ta’ One way System u għaddietha lill-Kunsill Lokali għall-konsultazzjoni. Sussegwentament, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u r-residenti. Wara din il-laqgħa il-Kunsill Lokali ressaq it-talbiet tiegħu għal ‘No Entry for Heavy Vehicles Except to Render a Service’ u ta’ ‘30km Speed Limit’ u talab li titwessa Triq il-Manikata sabiex it-traffiku jibqa’ jgħaddi fiż-żewg direzzjonijiet.

Mellieħa – Triq il-Mellieħa – rimedju ta’ kisra angolata

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rremedjata l-kisra angolata ta’ 45 degrees, u perikoluża ħafna fi Triq il-Mellieħa, il-Mellieħa, fejn anke reċentement inqalbet vettura b'passiġġieri, u li ma kenux għall-barriers, il-vettura kienet tispiċċa diversi sulari ‘l isfel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tqis is-sigurtà tad-disinn ta' din il-parti tat-triq fil-kampanja (rural road) imsemmija, sabiex jekk ikun meħtieġ xi tibdil, jitwettaq mill-aktar fis.

Triq tal-Wiġa – tranġar ta’ kanal

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq tal-Wiġa tiġi rranġata peress li tħaffer kanal fond b’tali mod li huwa perikoluż immens għan-numru kbir ta' vetturi li jgħaddu minn din it-triq kuljum?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-lokalità li għaliha qed issir referenza sabiex tkun tista' tingħata t-tweġiba meħtieġa.

Proġett tal-Kappara — ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara għaliex, għalkemm il-Proġett tal-Kappara tlesta, u kontra l-qbil li kien hemm mal-Kunsill, il-pulizija xorta ntbagħtet biex tħarrek il-vetturi pparkjati? Jista’ l-Ministru jreġġa’ lura dawk it-tabelli li jgħidu li jibdew fis-6 ta’ filgħodu, u jiġu kkanċellati ċ-ċitazzjonijiet mogħtija?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika l-lokalità u l-ismijiet tat-toroq li għalihom qed issir referenza sabiex tkun tista' tingħata t-tweġiba meħtieġa.

Aġenzija ġdida dwar it-toroq – business plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija l-ġdida dwar it-toroq għandhiex business plan għall-ewwel sena li ser tkun qegħda topera? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi prijorità ta’ toroq jew żoni partikolari?

Response (BORG, IAN)

B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 5019 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar l-aġenzija ġdida li ser tmexxi l-investiment tal-Gvern għat-titjib fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f'pajjiżna ser titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament fil-jiem li ġejjin. Hekk kif titwaqqaf, din l-aġenzija ser ikollha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex tkompli l-ħidma bla preċedent li bdiet din l-amministrazzjoni, sabiex nibnu mill-ġdid, u nżommu fi stat tajjeb, it-toroq ta' pajjiżna. L-aġenzija ser tieħu f'idejha diversi proġetti infrastrutturali għall-bini mill-ġdid, twessigħ u titjib ieħor f'għadd ta' toroq arterjali. Uħud minnhom diġa bdew jitwettqu, waqt li oħrajn ser jibdew mill-aġenzija fl-ewwel sena mit-twaqqif tagħha. Fl-istess waqt, l-aġenzija ser tieħu f'idejha gradwalment ukoll ir-responsabilitajiet tal-manutenzjoni tat-toroq residenzjali, li bħalissa jaqgħu taħt il-kunsilli lokali. Kif nafu, għal snin twal, il-kunsilli lokali tgħabbew b'din ir-responsabilità mingħajr ma ngħataw ir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol meħtieġ biex it-toroq residenzjali jinżammu fi stat tajjeb. Diġà bdejna din il-ħidma permezz tad-Direttorat għat-Toroq u l-Infrastruttura ta' Transport Malta, bħal ma qed nagħmlu fi Triq Bontadini, f'Birkirkara, fi Triq il-Keffa fis-Swieqi u f'ħafna toroq residenzjali oħra. Ir-riżorsi ta' dan id-direttorat ser ikunu fost it-tim ta' professjonisti, tekniċi u ħaddiema oħra li jiffurmaw l-aġenzija l-ġdida. Malli titwaqqaf, l-aġenzija l-ġdida ser tibda taħdem biex fl-ewwel sena tagħha, minbarra diversi proġetti f'toroq arterjali, bħall-Marsa Junction Project, tibda tibni mill-ġdid diversi toroq residenzjali madwar il-pajjiż kollu. Priorità ewlenija ser tkun madwar 160 triq li s'issa għadhom qatt ma ġew mibnija jew asfaltati. Magħhom ser isiru wkoll toroq oħra residenzjali li jeħtieġu attenzjoni mill-aktar fis. L-aġenzija ser toħroġ diversi sejħiet għall-offerti għal kuntratti tal-bini u rranġar ta' toroq sa mill-ewwel xhur tal-operat tagħha.

Transport Malta – tisħiħ tas-Civil Aviation Directorate

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’qed isir sabiex is-Civil Aviation Directorate fi ħdan Transport Malta jissaħħaħ, sabiex ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber ta’ dan is-settur?

Response (BORG, IAN)

Kif intqal tajjeb mill-Onor. Interpellant, is-settur tal-Avjazzjoni baqa’ jissaħħaħ, kemm f’terminu ta’ kumpaniji stabbiliti Malta li baqgħu jkabbru l-operat tagħhom, kif ukoll fid-domanda li d-Direttorat qed ikollu b’mod kostanti minn kumpaniji ġodda sabiex jirreġistraw ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni Maltija. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li d-domanda ma tikkonċernax biss ir-reġistrazzjoni t’ajruplani imma wkoll informazzjoni dwar il-proċess meħtieg sabiex wieħed jotjeni Air Operator Licence, liema proċess jinvolvi numru ta’ persuni fi ħdan id-Direttorat sabiex jintlaħaq il-livell meħtieg. Għalhekk, id-Direttorat baqa’ jinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema kif ukoll jżid l-ammont ta’ nies sabiex id-domanda tinqeda b’mod l-aktar professjonali. Nixtieq nenfasizza li x-xogħol ma jieqafx mar-registrazzjoni jew ma’ l-Air Operator Licence; id-Direttorat huwa obbligat li jagħmel oversight kostanti skont il-liġijiet applikabli fis-settur ta’ l-Avjazzjoni. Dan l-oversight, mhux biss jissalvagwardja l-istandards meħtiega għall-ġurisdizzjoni b’saħħitha, iżda jagħti wkoll serħan tal-moħħ għall-operaturi serji li jagħmlu parti minnha. Filwaqt li kif diġa għidt, kien hemm tkabbir fir-riżorsi umani tad-Direttorat, f’terminu ta’ numri u taħrig provdut; id-Direttorat għandu wkoll l-opportunita’ li jġib riżorsi esterni skont il-ħtiega u n-natura ta’ l-operat li jkollu l-ħtiega ta’ liċenzja speċifika. Dejjem inħeġġu l-istituzzjonijiet edukattivi u vokazzjonali sabiex jorganizzaw korsijiet relatati ma’ l-avjazzjoni li jaqdu l-ħtigijiet tar-regolatur, l-industrija u l-aspirazzjonijiet ta’ l-istudenti.

Aircraft Registration Act — emendi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont jekk l-emendi li saru fl-Aircraft Registration Act fl-aħħar leġislatura waslux sabiex attiraw aktar xogħol ta’ aircraft financing u aircraft leasing lejn pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Xtaqt nibda billi ngħid li l-emendi li seħħew fl-Att dwar ir-Registrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru, Kap.503, huma r-riżultat tal-esperjenzi li l-Gvern u l-istakeholders ikkonċernati, kisbu wara iktar minn seba’ snin ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti u għalhekk kien meħtieg li jiġu riflessi l-ħtigijiet tal-industrija u l-partijiet interessati f’dawn ir-regolamenti. L-emendi jikkunsidraw l-iżviluppi attwali u futuri f’dan is-settur sabiex Malta dejjem tkun ġurisdizzjoni b’saħħitha u minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi li qegħdin jiffukaw fuq is-settur ta’ l-avjazzjoni. L-abbozz jirrifletti emendi magħmula mhux biss fl-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru, Kap. 503, innifsu imma wkoll liġijiet oħra li huma anċillari għal dan l-Att, li huma: - CAP 218 Emendi għar-Regolamenti dwar Drittijiet għal Ċertifikati ta’ Operaturi tal-Ajru - CAP 12 Emendi għall-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili - CAP 16 Kodici Civili - CAP 376 Emendi għall-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji - SL 218.01 Emenda ta’ l-Iskeda li tinsab mar-Regolamenti dwar Drittijiet għal Certifikati ta’ Operaturi tal-Ajru - SL 16.06 Emendi għar-Regolamenti dwar Eżenzjoni mir-Rati ta’ Mgħax L-emendi, fis-sustanza, jinqasmu fi tliet partijiet principali: (i) Emendi ta’ natura generali ghall-Att dwar ir-Registrazzjoni tal-Ingenji ta’ l-Ajru, Kap.503; (ii) Każi ta’ insolvenza u infurzar; (iii) Emendi għall-Kodici Civili Dak li nixtiequ nottjenu permezz ta’ dawn l-emendi huwa s-segwenti: - Inkomplu nibnu fuq il-momentum li l-pajjiż kiseb f’dan is-settur u nkomplu nġibu operaturi ġodda u nsaħħu dawk e¿istenti - Nagħmlu lil Malta aktar attraenti għall-istituzzjonijiet u individwi li jiffinanzjaw dan is-settur - Intejbu l-liġijiet tagħna fuq infurzar, f’dak li għandu x’jaqsam claims u titli li huma bi dritt għall-kredituri - Niġbdu lejna kumpaniji li joperaw fis-settur tal- leasing Tajjeb li ngħidu li n-numru ta’ ajruplani rreġistrati mill-2012 ‘il hawn irdoppja, u n-numru ta’ Air Operator Certificates żdied għal 35 minn 18 fl-2012. Id-domanda fi ħdan id-Direttorat għall-Avjazzjoni kompliet tiżdied hekk kif mhux inqas minn sitt kumpaniji ġodda qegħdin jikkunsidraw liċenzja taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, f’dawn l-aħħar xhur. Dan flimkien ma’ kumpaniji li jħaddnu Air Operator Certificate Malti u li qegħdin iwessgħu l-operat tagħhom filwaqt li jaħdmu sabiex iġibu licenzji oħra validi għall-business tagħhom. Tajjeb wieħed jgħid li s-settur tal-manutenzjoni u tat-taħriġ fl-avjazzjoni qegħdin ikunu iktar attrati lejn il-gzejjer tagħna propju għar-reputazzjoni serja, legali u regulatorja li pajjiżna jħaddan u li qiegħed isaħħah anki permezz t’emendi kif imsemmija hawn fuq.

Applikazzjonijiet approvati għal boutique hotels

Question

Kemm-il applikazzjoni saret u ġiet approvata għal-boutique hotel, sena b’sena, minn 2011 sas-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5023, L-Awtorità tal-Ippjanar ivvalidat jew ippubblikat ħamsa u erbgħin (45) applikazzjoni u approvat erbgħa u tletin (34) applikazzjoni għal-boutique hotel mis-sena 2011 sas-sena 2017. Annessa hawn tabelli li jagħtu t-totali sena b’sena kif inhu mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Ivvalidati / Ippublikati 2011 2 2012 2 2013 1 2014 5 2015 10 2016 13 2017 12 Approvati 2012 1 2013 2 2014 2 2015 5 2016 10 2017 14 Din l-informazzjoni ġiet miġbura mis-sistema tal-Informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjonijiet ivvalidati jew ippubblikati u applikazzjonijiet deċiżi u approvati bejn l-2011 u l-2017 li fil-proposta tal-iżvilupp tagħhom għandhom xi waħda mill-kliem segwenti. · Boutique + hotel · Palazzino

Il-Mosta – Vjal l-Indipendenza — bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-bankina fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta (faċċata tal-ironmongery li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) liema bankina ġiet mibnija b’mod temporanju u ‘l barra min-normal, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-pedestrians? Peress li din saret b’mod temporanju minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mill-ironmongery, liema xogħol sar bil-permess u li għalih tħallset is-somma ta’ €2,000, u issa li x-xogħol ta’ kostruzzjoni tlesta u l-boundary wall tneħħa, jista’ jgħid għalfejn din il-bankina baqgħet ‘il barra kif kienet? Jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-bankina hijiex se tidjieq, qabel jingħata t-tarmak, sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw miflok il-bankina wiesgħa (peress li l-karozzi qed jiġu pparkjati ħażin, sabiex ikunu jistgħu jixtru mill-ħwienet fil-viċinanzi u qed ikunu pparkjati ‘l barra b’detriment għas-sewwieqa u għal min juża l-pedestrian crossing)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bankina temporanja li kienet saret fil-post indikat, u li issa m'għadhiex meħtieġa, ser titneħħa.

Trasport Pubbliku – policy rigward guide dogs fuq karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tat-trasport pubbliku fir-rigward ta' guide dogs li jassistu lill-persuni neqsin mid-dawl, fuq tal-linja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.56, Regolamenti Dwar Servizzi Ta’ Ġarr Ta’ Passiġġieri, Kapitolu 41 jistabilixxi li “Ix-xufiera u l-operaturi m’għandhomx iżommu lill-passiġġieri milli jitilgħu fuq vettura għall-ġarr tal-passiġġieri akkumpanjati minn kelb tal-assistenza li għandu jinkludi klieb ta’ gwida, u klieb tas-smiegħ”. Barra minn dan, f’każijiet fejn jiġi nnutat ksur ta’ din il-klawsola, l-istess leġislazzjoni, fid-Disa’ Skeda, Penali Amministrattivi, tikontempla penali ta’ €100 applikabbli lix-xufier. Il-kuntratt iffirmat bejn Transport Malta u l-Malta Public Transport għall-provvediment tas-servizz tat-trasport pubbliku jirrifletti dak li huwa rifless fl-istess leġislazzjoni. L-istess kuntratt jikkontempla wkoll li ma jkun hemm l-ebda ħlas sabiex “guide dogs” u “hearing dogs” jivvjaġġaw mas-sidien tagħhom fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

Awtorità tal-Artijiet – ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu ħaddiema ġodda mal-Awtorità tal-Artijiet minn Ġunju 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid għal kull wieħed, f’liema lokalitajiet huma residenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant l-Awtorità tal-Artijiet għandha 235 ħaddiem, li sal-ġurnata li qed nirrispondi din id-domanda parlamentari, jinsabu reġistrati fit-tali lokalitajiet: Lokalita TOTAL Lokalita TOTAL Lokalita TOTAL Lokalita TOTAL Attard 4 Kercem, Gozo 1 Naxxar 7 Sliema 3 Birkirkara 9 Kirkop 4 Paola 4 St. Lucia 1 Birzebbugia 4 Lija 2 Pembroke 1 St. Venera 2 Burmarrad 1 Limiti tar Rabat 1 Pieta 4 Swieqi 2 Buskett 1 Luqa 7 Qala, Gozo 2 Tarxien 3 Cospicua 5 Marsa 3 Qawra 2 Valletta 3 Dingli 8 Marsascala 13 Qormi 7 Victoria 1 Fgura 6 Mellieha 1 Qrendi 2 Vittoriosa 1 Ghajnsielem 1 Mgarr 4 Rabat 5 Xemxija 1 Ghaxaq 3 Mosta 14 Rabat, Gozo 1 Xghajra 3 Gudja 5 Mqabba 2 San Giljan 2 Zabbar 12 Gzira 4 Msida 4 San Gwann 3 Zebbug 18 Hamrun 2 Mtarfa 5 San Pawl 4 Zebbug, Gozo 1 Iklin 1 Munxar, Gozo 1 Senglea 1 Zejtun 5 Kalkara 5 M'Xlokk 1 Siggiewi 4 Zurrieq 8

Mellieħa – bini ta’ lukandi/appartamenti – laqgħat ta’ konsultazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru laqgħat ta’ konsultazzjonijiet mill-MEPA mal-pubbliku inġenerali li ovvjament ikun jinkludi wkoll ir-residenti Melliħin dwar proġetti li l-applikazzjoni tagħhom jinsabu quddiem il-MEPA u li jittrattaw bini ta’ lukandi u lukanda/appartamenti fil-Pjazza tal-Mellieħa kif ukoll fid-daħla tal-Mellieħa minn Triq il-Kbira rispettivament?

Response (BORG, IAN)

Il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar applikazzjonijiet ta’ żvilupp hija speċifikata fl-Att u fl-Avviż Legali li dejjem tiġi segwita mill-Awtorita f’kull applikazzjoni ta żvilupp.

Triq arterjali mix-Xemxija sat-Telgħa ta’ Selmun – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru b'mod immedjat jara li jibdew xogħlijiet ta' bini mill-ġdid inkella jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa (anke jekk temporanji) li hemm bżonn isiru fit-triq arterjali li tagħti mix-Xemxija sat-Telgħa ta' Selmun li tinkludi wkoll il-Pont tal-Mistra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma sabiex isir titjib fit-toroq indikati diġa bdiet diversi xhur ilu. Filfatt, filwaqt li f'parti minn din ir-rotta għaddej xogħol ta' bini mill-ġdid ta' parti mit-triq, għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati dwar xogħlijiet oħra li jeħtieġ isiru fil-kumplament ta' din ir-rotta. Bħalissa qed isiru wkoll testijiet tekniċi f'partijiet mill-infrastruttura ta' dawn it-toroq sabiex jiġu ffinalizzati r-rekwiżiti tal-manutenzjoni meħtieġa.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger u l-Qortin – traffic lights

Question

Minħabba perikli li qed jiġu kkawżati minn sewqan eċċessiv fit-toroq Lewis Wettinger u l-Qortin fil-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax/hix tikkunsidra li jsiru xi forma ta’ traffic lights?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil- Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda talba u l-anqas mhi infurmata li hemm xi perikli fit-triq imsemmija. Normalment dawn it- talbiet jigu mingħand il- Kunsilli tal-lokalitajiet rispettivi. Ser nara li ngħaddi din l- informazzjoni lid-Dipartiment konċernat biex flimkien mal-Kunsill rispettiv jara dan l-ilment.

Mellieħa – Triq Għar u Casa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Għar u Casa fil-Mellieħa hijiex waħda mit-toroq li ser isiru matul l-2018 bħala parti mill-bini ta’ toroq ġodda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

San Pawl il-Baħar – bini ta’ toroq ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul is-sena 2018?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.