Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat li mill-bidu ta' din il-leġiżlatura sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza nxtara MacBook wieħed biss għall-użu ta' staff fis-segretarjat tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħlijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l-MITA mhux talli ma toġġezzjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Awtorità għall-Integrità fl-Isports — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23430 u 23974 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22516, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna msemmija f'din il-kariga hijiex "politically-restricted" skont Skeda A tad-Direttiva 5 tas-Servizz Pubbliku?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn studenti li qed jiġu pprovduti bis-support ta' LSE? Kemm hemm minnhom fl-iskejjel primarji, sekondarji u kemm fil-livell post sekondarju? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jirċievu one to one u kemm shared?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Impjegati li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts, u meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21456.

Studenti ta’ ċittadinanza barranija — Rendikont

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20905, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu s-suġġetti, l-ismijiet tal-korsijiet u l-livelli EQF jew livelli oħrajn, li għalihom studenti barranin ingħataw VISAs biex jistudjaw f’Malta? Peress li kull entità edukattiva tgħaddi minn awditjar komprensiv mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA), jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-istudenti barranin, istituzzjoni edukattiva b’istituzzjoni edukattiva inkluż l-Università ta’ Malta, l-MCAST, l-ITS u istituti privati oħra, inkluż dawk reġistrati mal-MFHEA u dawk li mhumiex, maqsuma sena b’sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż ma jħarsux lejn in-nazzjonalità, iżda lejn ir-rekwiżiti neċessarji li jkollu l-istudent sabiex kull student jingħata l-edukazzjoni xierqa.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru wara l-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22282.

Theddid ta’ bomba

Question

Fid-dawl li nhar it-2 ta’ Diċembru 2024 kien hemm numru ta’ theddid ta’ bomba f’postijiet varji, jista’ l-Ministru jagħti updates u iktar dettalji dwar dak li seħħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija ppublikata nhar it-2 ta’ Diċembru 2024. Tali stqarrija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12047 u 18989 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri kemm għall-funerali kif ukoll għal okkażjonijiet oħra hija koperta mill-kategorija Operational and Maintenance Expenses fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Deputati tal-Gvern

Question

Peress li l-mistoqsija parlamentari 14844 ma kinetx imwieġba għax l-informazzjoni kienet għadha qeda tinġabar, issa li għaddew għaxar xhur, jista’ l-Ministru jgħid min kienu/huma d-Deputati tal-Gvern, minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li kienu/huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qegħdin iservu, l-kariga li kienu/qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom inklużi perkaċċi oħra bħal fuel vouchers, car allowances, expertise allowance, shift allowance, disturbance allowance, communication allowance, overtime u kull allowance ieħor? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn April 2013 sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom u/jew sal-ġurnata li fiha tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23435.

KNZ — Ħlas tal-ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21908, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Segretarja tal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ (KNZ) titħallasx mill-fond ta’ €25,000 li l-Aġenżija Żgħażagħ tagħti lill-KNZ u jekk iva, kemm hu l-ammont li titħallas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Bħal ma diġà ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21908, il-KNZ jamministraw il-fondi b’mod indipendenti u awtonomu.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Novembru 2024?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W94.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Public Service Expo 2024 - Stands

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19993, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq l-istess Public Service Expo 2024 minn kull entità u/jew aġenzija li taqa’ taħt l-istess Ministeru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat li t-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 19993 hija komprensiva għall-entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

L-Università ta’ Malta – Kors għal warrant ta’ għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti l-Università biex isegwu l-Kors biex jiksbu l-warrant ta’ għalliema, matul dawn l-aħħar 15-il sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istess studenti temmew dan il-kors b'suċċess u kemm studenti waqfu matul dan l-istess kors u ġabu xi tip ta' kwalifika bħal diploma u baċċellerat iżda mhux il-kors komplut?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità għall-Integrità fl-Isports — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23430 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22516, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna msemmija f'din il-kariga hijiex "politically-restricted" skont Skeda A tad-Direttiva 5 tas-Servizz Pubbliku?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

KNZ — Baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-fondi mogħtija lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNZ) fil-baġit għas-Sena 2025 ma żdiedux? Jista’ jgħid ukoll jekk jaħsibx li dawn il-fondi humiex biżżejjed għal din il-Kummissjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sports Scholarship Scheme – Fondi

Question

Fid-dawl li fis-sena 2023 intefqu €316,983 għal-Line Item 5630 Sports Scholarship Scheme u mill-2024 bdew jiġu allokati €200,000, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġewx allokati aktar fondi għas-sena 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Digital Literacy Development — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-fondi għal-Line Item 5708 - Digital Literacy Development minn €518,000 fl-2024 ġie mnaqqas għal €125,000 fl-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-sena 2023 u Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Newtralità tal-karbonju - Tnaqqis fl-emmissjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, jgħid x'qed isir fid-Dekasteru tiegħu biex jiġi żgurat tnaqqis fl-emissjonijiet sabiex tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġu rreġistrati l-emissjonijiet tad-Dekasteru tiegħu u jipprovdi rendikont ta' dawn l-emissjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22256.