Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa għall tnax-il xahar Ottubru 2010 sa Settembru 2011 f'okkażjonijiet tal-Head Office, Malta, li jinkludu żewġ konferenzi fuq tlett ijiem għal Ambaxxaturi kollha ta' Malta u oħra għall-konsli Onorarji kollha li jirrapreżentaw lill-Malta f'pajjiżi oħra, laqgħa mal-Ambaxxaturi kollha akkreditati għal Malta, oħra għall-konsli ta' pajjiżi oħra f'Malta f'Jannar, diversi viżiti għal laqgħat bilaterali minn Ministri u Dinjitarji barranin u wkoll okkażjonijiet uffiċjali oħra, tammonta għal €72.944. Ospitalita mit-tletin (30) Ambaxxati, konsolati, u Uffiċċji Rappreżentativi ta' Malta li jinsabu barra minn Malta, fl-istess tnax il-xahar, eżtiża lill-Dinjitarji barranin u Delegazzjonijiet,apparti okkażjonijiet oħra, tammonta għal €35, 562 .

Representation Agreement

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Representation Agreement li Malta iffirmat mal-Italja, Spanja, Franza u l-Awstrija?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tar-Representation Agreements iffirmati mal-Italja, Spanja u l-Awstrija, kif ukoll kopja tar-representation agreement ma' Franza li saret permezz ta' Note Verbale bejn iż-żewġ pajjiżi

Maltin li jgħixu barra — informazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li l-Maltin li jgħixu barra jiġu infurmati aħjar b'dak li jkun qed isseħħ f'Malta u li jkun ta' benefiċċju għalihom, issa li għaddiet mill-Parlament il-liġi dwar Maltin residenti barra?

Response (BORG, TONIO)

It-twaqqif tal-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra se jkun pass kbir fid-direzzjoni li qed isaqsi dwarha l-Onorevoli Interpellant. Dan il-Kunsill irid jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena f'Malta, u jista' jwaqqaf ukoll gruppi Reġjonali.

għajnuna umanitarja lil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa f'għajnuna umanitarja l-għajnuna li Malta tat lill-pajjiż ġar tagħna, il-Libja, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2011?

Response (BORG, TONIO)

Wara l-għajnuna f'waqta fl-evakwazzjoni mil-Libja ta' madwar 20,000 barrani, il-gvern għaraf li s-sitwazzjoni gravi fil-Libja tirrikjedi assistenza umanitarja f'termini ta' provista ta' ikel, ilma u mediċini u anki ta' assistenza kirurgika fi sptarijiet Maltin għall-midruba fil-konflitt Libjan. Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-servizzi li ingħataw sa issa (12 ta' Ottubru 2011) mid-Dipartiment tas-Saħħa jammontaw għal € 211,439. Din l-ispiża tinkludi spejjeż ta' evakwazzjoni medika minn Sfax u minn Benghazi iżda ma tinkludix il-kura li qed tingħata bħal issa lil pazjenti Libjani li għandhom fl-isptar għal-kura. Ma tinkludix ukoll l-ispejjeż assoċjati mal-kura li qed tingħata preżentament fi sptar privati. Hemm ukoll spiża li tammonta għal € 548,949 li ntefqu komplessivament bejn il-25 ta Frar u d-29 ta' Awwissu 2011 fuq provista ta' ikel għall-evakwati li twasslu Malta mill-Libja, assistenza medika għall-istess evakwati, transport bl-arju għar-ripartrijazzjoni ta' cittadnin għal pajjiżi terzi tagħhom kif ukoll għajnuna umanitarji u transport marittimu lejn Tripli.

status lill-barranin li jkunu għexu fl-Unjoni Ewropea

Question

Billi skont Direttiva 2003/109/EC, persuni minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, li għexu legalment f'pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għal ħames snin, jistgħu japplikaw għal status ta' Long Term Resident u dan l-istatus jagħti lil dawn il-persuni drittijiet indaqs ma' dawk ta' ċittadini Ewropej, f'dak li għandu x'jaqsam ma' sigurtà soċjali, aċċess għas-suq tax-xogħol, mobilità fl-Unjoni Ewropea u protezzjoni kontra tkeċċija, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm barranin f'pajjiżna ngħataw dan l-istatus skont din id-direttiva minn mindu ġiet implimentata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s'issa 420 persuna għandhom status ta' Resident fit-Tul li ngħata taħt il-provvedimenti tal-Avviż Legali Nru 278 ta' 2006, liema Avviż Legali daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2006 u qed jimplimenta dawk il-provvedimenti tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea Nru 2003/109

Ambaxxaturi Maltin akkreditati għal pajjiż barrani — benefiċċji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhu s-salarju u l-benefiċċji kollha li għandu kull ambaxxatur Malti akkreditat għal pajjiż barrani? Fil-preżent min huma l-ambaxxaturi ta' Malta? F'liema sena nħatru? Mill-ewwel ġurnata ta' din is-sena kemm ħa kull ambaxxatur Malti fi flus ċioe pagi, salarji, bonuses, benefiċċji, subsistance eċċ.?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm 23 Ambaxxatur akkreditati għal pajjiż barrani kif muri fuq id-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-pagi, salarji, bonuses,benefiċċji u subsistence,huma kif approvati fil-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku u mill-Ministeru tal-Finanzi.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ngħataw sitta u għoxrin (26) Direct Orders matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena. Dawn ammontaw għas-somma ta' €696,862. Uħud minnhom ikopru għal aktar minn-sena waħda. Direct Orders maħruġa skont ir-Regolamenti Finanzjarji (approvati mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimenti) Ammont Għal ħtigijiet tad-Dekasteri u Dipartimenti f'Malta 124,292 Ordnijiet li sarru minn tletin (30) Ambaxxata, Konsolati Ġenerali u Uffiċċji Rappreżentativi lill- kumpanija fil-pajjiż fejn huma mwaqqfa 661,062

Overseas Development Aid — proġetti finanzjati minn Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jelenka l-proġetti finanzjati minn pajjiżna għal skop ta' għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw taħt il-forma ta' Overseas Development Aid? Jista' jghid x'ammont ta' fondi hemm allokati għal kull proġett?

Response (BORG, TONIO)

Il-proġetti ffinanzjati minn Malta għas-sena 2011 biex ikunu megħjuna pajjiżi li qegħdin jiżvilluppaw taħt l-iskema ta' Overseas Development Aid (ODA), flimkien mal-ammont f'fondi allokati għal kull proġett huwa kif jidher f'Anness I. Anness II turi l-għajnuna umanitarja li Malta tat lill-Libja matul din is-sena . Iż-żewġ Annessi huma mehmuża ma' din it-tweġiba.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kiri ta' vetturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inkrew vetturi mill-bidu tas-sena 2008 sa Novembru tas-sena 2011 għall-użu tal-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Marzu 2008 sa Novembru 2011 inkrew 6 karozzi mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onerovoli Interpellant illi matul l-2011 ġew impjegati għaxar (10) impjegati ġodda fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-kategorija ta' dawn il-ħaddiema hija kif murija fit-tabella t'hawn taħt: Numru Ammont Kategorija Taqsimiet 1 1 Fil-qasam Diplomatiku European General Affaris and Economic Cooperation 2 1 Fil-qasam Diplomatiku External Relations and Mediterranean 3 1 Administrative and General Service DG Political 4 2 Administrative and General Service Citizenship and Expatriates 5 4 Fil-qasam Diplomatiku Office of the Permanent Secretary 6 1 Administrative and General Service Office of the Permanent Secretary Dawn is-sejħiet ġew maħruġa wara li ġew approvati mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

visa minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarraf lill-Kamra x'inhi l-proċedura segwita meta tiġi proċessata applikazzjoni għal visa minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjonjiet għal viża, hija skont ir-Regolament Nru 810/2009 tat-13.7.2009 jew aħjar il-Kodiċi tal-Viża li jistabilixxi dawn l-istruzzjonijiet operattivi. Wara li d-dokumenti neċessarji jiġu ddepożitati fil-Konsolat, dawn l-istess dokumenti ppreżentati jippermettu lill-Konslu Ġenerali jevalwa s-sustanza tal-applikazzjoni u l-iskop tal-ivjaġġar. L-proċess jkompli billi jiġu kkonsultati l-awtoritajiet Maltin ċioe is-Central Visa Unit, il-Pulizija u s-Servizzi tas-Sigurtà fejn din tiġi eżaminata sabiex: - jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul, - jiġi evalwat ir-riskju ta' immigrazzjoni illegali u l-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni, u - jiġi evalwat jekk l-applikant jippreżentax riskju lis-sigurta jew is-saħħa pubblika tal-Istati Membri. Kemm l-eżami jsir fid-dettal jiddependi fuq ir-riskju ppreżentat mill-applikant skont in-nazzjonalità tiegħu, iċ-ċirkostanzi lokali, il-profil u l-istorja personali.

passaporti ta' applikanti għall-visas li jintbagħtu Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarraf lill-Kamra jekk hijiex prassi normali li passaporti ta' applikanti għall-visas jintbagħtu Malta biex jitwaħħal id-dokument tal-visa jew dan għandux isir fil-pajjiż fejn tiġi proċessata l-visa?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala regola ġenerali, applikazzjoniet ghall-visas għandhom jiġu ippreżentati f’konsolat f’dak il-pajjiż fejn joqgħodu l-applikanti. Madanakollu, jistgħu jiġru sitwazzjonijiet fejn f’ċirkustanzi individwali u eċċezzjonali u għal raġunijiet vitali u mħux prevedibbli, li l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi pproċessata f’Malta stess. Dan il-proċess jkun konformi mal-istess proceduri meta applikant jitlob lill-awtoritajiet kompetenti għall-estenzjoni tal-istess visa, meta dan ikun diġà fil-pajjiz, kif ukoll meta l-applikazzjoni għall- visa tista’ tkun magħmula fuq il-fruntiera.

visas għal nurses Pakistani li ġew jaħdmu f'pajjiżna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hux minnu jew le li l-visas tan-nurses li nġiebu jaħdmu f'pajjiżna mill-Pakistan fil-fatt inħarġu bi proċess fast track?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-visas, tan-nurses li nġiebu jaħdmu f'pajjiżna mill-Pakistan, ġew pproċessati fil-Konsolat Taljan f’Karachi u dawn skont il-proċeduri stabiliti u komuni għaż-żmien neċessarju għall-eżami u teħid tad-deċiżjoni. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li mhux minnu li dawn inħarġu bi proċess “fast track” għax ma tistax tittieħed ebda deċiżjoni finali dwar applikazzjoni tal-viża mingħand applikanti Pakistani, mingħajr ma ssir konsultazzjoni ma’ stati membri oħrajn. Infatti l-applikazzjonijiet ġew ppreżentati f’Karachi għal ħabta tal-21 ta’ Diċembru u dawn inħarġulhom għall-ħabta tal-11 ta’ Jannar.

scholarships fl-Astral Physics

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika jekk il-Gvern Malti qattx jiġi offrut scholarships fl-Astral Physics? Jekk iva, kemm isir dan regolarment u minn liema universitajiet barranin?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern Malti qatt ma ġie offrut direttament boroż ta' Studju fl-Astral Physics. Bħala Gvern Malti ikollna diversi offerti ta' boroż ta' studju f'diversi oqsma fosthom il-Fiżika b'mod speċjali mill-Gvernijiet tal-Italja, Ċina, Ġermanja u Ġappun. Dawn il-boroż jiġu offruti fil-livell ta' Graduate u Post Graduate. L-istudenti li japplikaw iridu jagħżlu liema suġġett iridu huma dejjem jekk l-istess suġġett ikun offrut mill-Università konċernata.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm (310) tlett mija u għaxar impjegat fil-Ministeru tal-Affaiijiet Barranin. Dawn huma maqsuma f’settur settur kif elenkat Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-salarji tal-gradi huma skond il-livell approvat fil-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku kif emendat minn sena għal-oħra skont il-Budget u skont il-kuntratti rispettivi..

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — karozzi mikrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru jinkrew 7 karozzi mill-Ambaxxati u Uffiċċju Rappresentativ u dawn jiswew €3,962 fix-xahar.

Konsultazzjonijiet fuq il-Visa Unit

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29270, meta huwa maħsub li jiġu finalizzati dawn il-konsultazzjonijiet u meta huwa maħsub li jissaħħaħ il-Visa Unit?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-konsultazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat u ġaladarba l-proposti li qegħdin jiġu eżaminati jiġu miftiehma, allura huwa mistenni li dan jiġu attivati mill-aktar fis possibbli.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xogħol lil kumpaniji

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbez l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mitluba jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il- Mejda tal-Kamra.

Freedom of Movement li ġie rtirat lill-barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huma dawk il-barranin li ilhom miżżewġin Maltija aktar minn 13-il sena, residenti Malta, jħallsu t-taxxa u national insurance u impjegati f'Malta, li kellhom il-Freedom of Movement u li ġie rtirat? Jista' jagħti r-raġunijiet ta' dawn il-każijiet?

Response (BORG, TONIO)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 29893, niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-ħlas ta' taxxa, l-impjieg, kif ukoll in-numru ta' snin ta' residenza m'għandhom ebda effett dwar jekk persuna tgawdix il-Freedom of Movement. Il-persuni konċernati jkomplu jgawdu dan id-dritt sakemm il-koppja jibqgħu jgħixu flimkien. Id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal -Expatriates huwa inkarigat li jikkonferma lil dawn il-persuni jekk igawdux dan id-dritt jew le kif ukoll li joħroġ dokument ta' residenza li jitwaħħal fil-passaport tagħhom u li jirrifletti dan id-dritt. Għalhekk mhux il-każ li dan id-dritt jiġi irtirat iżda jintilef awtomatikament kif inhu stipulat fil-liġi konċernata. Mil-lat amministrattiv id-dipartiment imsemmi hawn fuq, jikkanċella d-dokument ta'residenza li jirrifletti dan id-dritt. Ninsab infurmat li ma tinżammx informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi msemmija kif mitluba mill-Onor Interpellant.

Visa tan-nurses

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28911, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarraf lill-Kamra fil-każ tan-nurses li nġiebu jaħdmu f'Malta, x'tip ta' visa nħarġet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-visas li nħarġu mill-Konsolat Taljan f'Karachi kienu Schengen visas tat-tip "C".